DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ April 2008 ( *1 )

Fil-Kawża C-503/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-14 ta’ Novembru 2007,

Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH, stabbilita f’Aix-la-Chapelle (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Posser u S. Altenschmidt, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Fels-Werke GmbH, stabbilita f’Goslar (il-Ġermanja),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Spenner-Zement GmbH & Co. KG, stabbilita f’Erwitte (il-Ġermanja),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn U. Wölker, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ l-Awla, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat it-talba ta’ l-appellanti li l-kawża preżenti tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa taħt l-Artikolu 62a tar-Regoli tal-Proċedura tal Qorti tal-Ġustizzja,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz ta’ l-appell tagħha, Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Saint-Gobain Glass Deutschland”), titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-11 ta’ Settembru 2007, Fels-Werke et vs Il-Kummissjoni (T-28/07, Ġabra 2007 p. II-98, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006) 5609, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, innotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32), jistabilixxi, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, tali skema (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ skambju ta’ kwoti”), bil-għan li tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, b’mod partikolari d-dijossidu tal-karbonju, b’mod effettiv f’termini ta’ spejjeż u b’mod ekonomikament effiċjenti.

3

Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87, din id-direttiva tapplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet indikati fl-Anness I tagħha, fosthom l-installazzjonijiet għall-fabbrikazzjoni tal-ħġieġ.

4

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi fażi inizjali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn l-2005 u l-2007 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu ta’ allokazzjoni”), u mbagħad fażi oħra ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mill-2008 sa l-2012 (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu ta’ allokazzjoni”).

5

Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, abbażi ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni (iktar ’il quddiem il-“PNA”), ta’ kwoti lill-operaturi ta’ installazzjonijiet matul dawn iż-żewġ perijodi ta’ allokazzjoni huma ppreċiżati fl-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 2003/87.

6

L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

“Għal kull perijodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżviluppa [PNA] fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perijodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-[PNA] għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku […]”

7

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87 jobbliga lill-Istati Membri jippubblikaw u jinnotifikaw PNA lill-Kummissjoni tal’Komunitajiet Ewropej u lill-Istati Membri l-oħra għal kull perijodu ta’ allokazzjoni.

8

L-Artikolu 9(3) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-[PNA] minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-[PNA], jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni”.

9

Skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwoti mingħajr ħlas għall-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni.

10

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 li jirrigwarda l-allokazzjoni u l-għotja tal-kwoti jipprovdi:

“1.   Għall-perijodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perijodu taż-żmien u l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas tliet xhur qabel il-bidu tal-perijodu taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

2.   Għall-perijodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perijodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perijodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perijodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-[PNA] żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 jew 2 għandhom ikunu skond il-ħtiġiet tat-Trattat [KE], b’mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu. Meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar allokazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi pprovvdut aċċess għall-kwoti għal min jidħol ġdid.

[…]”

11

L-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jelenka ħdax-il kriterju applikabbli għall-PNA.

12

Il-ħames u l-għaxar kriterji ta’ l-imsemmi anness jipprovdu kif ġej:

“5.

Il-[PNA] ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpanniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 87 u 88 tiegħu.

[…]

10.

Il-pjan għandu jkun fih lista ta’ l-installazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva bil-kwantitajiet tal-konċessonijiet maħsuba li jiġu allokati lil kull waħda”.

13

Skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/87, il-kwoti għandhom ikunu validi biss għall-emissjonijiet prodotti matul il-perijodu taż-żmien li għalih ikunu nħarġu.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

14

Mid-digriet appellat jirriżulta li l-appellanti topera installazzjoni ta’ manifattura tal-ħġieġ fi Proz. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2004 ta’ l-Umweltbundesamt (Uffiċċju Federali ta’ l-Ambjent Ġermaniż) hija ġiet allokata, għal parti ta’ din l-installazzjoni li bdiet topera matul is-snin 2003 u 2004, kwoti ta’ emissjonijiet għall-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni (2005-2007) fuq il-bażi tal-PNA Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“PNA Ġermaniż I”) u ta’ l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emmissjoni għall-perijodu bejn l-2005 sa’ l-2007 (Zuteilungsgesetz 2007) tas-26 ta’ Awwissu 2004, (BGBI. 2004 I, p. 2211, iktar ’il quddiem iż-“ZuG 2007”).

15

Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 8(1) taż-ZuG 2007, l-installazzjoni kkonċernata hija eżentata mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ eżekuzzjoni għal perijodu ta’ tnax-il sena mis-sena li fiha bdiet topera.

16

Skond l-Artikolu 2 taż-ZuG 2007, bla ħsara għal regoli speċifiċi kuntrarji, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-imsemmija liġi huma applikabbli biss għall-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni.

17

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Liġi tat-8 ta’ Lulju 2004, li tittrasponi d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emmissjoni ta’ gassijiet serra fil-Komunità (Gesetz zur Umsetzung der Richtlinie 2003/87/EG über ein System für den Handel mit Treibhausgasemissionszertifikaten in der Gemeinschaft, BGBI. 2004 I, p. 1578, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), jiddisponi, b’mod partikolari, li l-PNA adottat għal kull perijodu ta’ allokazzjoni jikkostitwixxi l-bażi ta’ liġi ta’ allokazzjoni u li l-allokazzjoni titwettaq fuq il-bażi ta’ din il-liġi.

18

Skond l-Artikolu 9(1) tat-TEHG, kull operatur ta’ installazzjoni għandu d-dritt li jikseb kwoti ta’ emissjonijiet skond il-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-liġi ta’ allokazzjoni. B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) tat-TEHG, l-allokazzjoni titwettaq skond l-attività mwettqa matul perijodu ta’ allokazzjoni determinat.

19

Fl-aħħar, l-Artikolu 10(1) tat-TEHG jipprovdi li kull allokazzjoni tippresupponi l-introduzzjoni ta’ talba bil-miktub quddiem l-awtoritajiet kompetenti.

20

Fl-4 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, bil-PNA tagħha għat-tieni perijodu ta’ allokazzjoni (iktar ’il quddiem il-“PNA Ġermaniż II”).

21

Bħall-PNA Ġermaniż I, il-PNA Ġermaniż II żamm, fil-Kapitolu 6.1 tiegħu, ir-regola ta’ allokazzjoni ġenerali applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti (“Bestandsanlagen”) li bdew joperaw qabel il-31 ta’ Diċembru 2002. Fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet tas-settur industrijali l-fattur ta’ eżekuzzjoni applikabbli huwa ta’ 0.9875.

22

Barra minn hekk, fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II, huwa ppreċiżat, taħt it-titolu “Allokazzjonijiet skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007”, li, skond din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, ebda fattur ta’ eżekuzzjoni ma huwa applikabbli, fil-kuntest tal-kalkolu tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet intizi għall-installazzjonijiet li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2004, għal perijodu ta’ tnax-il sena wara li jibdew joperaw.

23

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment il-PNA Ġermaniż II. Fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li r-regoli ta’ allokazzjoni deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II, b’mod partikolari taħt it-titolu “Allokazzjonijiet skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007”, ma kinux kompatibbli mal-ħames kriterju ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 safejn jirriżultaw f’vantaġġ mhux ġustifikat għall-installazzjonijiet ikkonċernati fil-konfront ta’ installazzjonijiet oħra eżistenti simili li għalihom jiġi applikat il-metodu ġenerali ta’ allokazzjoni.

24

Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal ċerti attivitajiet bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ eżekuzzjoni inqas strett u, għaldaqstant, iktar vantaġġjuż, tirrapreżenta vantaġġ ekonomiku selettiv għal ċerti impriżi, li setgħet tostakola jew thedded li tostakola l-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, li konsegwentement setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kuntrarja għall-Artikoli 87 KE u 88 KE.

25

Il-Kummissjoni ammettiet biss li, waqt perijodu ta’ allokazzjoni partikolari, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet lil installazzjonijiet eżistenti setgħet titwettaq skond metodi distinti minn dawk li japplikaw għal “min jidħol ġdid” [operaturi ġodda], fis-sens ta’ l-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2003/87, li għaldaqstant huma rikonoxxuti minn din id-direttiva bħala kategorija partikolari. Il-ġustifikazzjoni ta’ tali nuqqas ta’ trattament ugwali madankollu ma tibqax valida fir-rigward tal-perijodu ta’ allokazzjoni sussegwenti, meta l-operatur il-ġdid inizjali jsir installazzjoni eżistenti li fir-rigward tagħha tkun disponibbli informazzjoni simili għal dik ta’ installazzjonijiet eżistenti.

26

Fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx se tqajjem oġġezzjonijiet kontra l-PNA Ġermaniż II, jekk, filwaqt li tevita diskriminazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja twettaq u tinnotifika l-modifikazzjonijiet li ġejjin:

“2.   [I]l-garanziji ta’ allokazzjoni ta’ l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, kif deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-[PNA Ġermaniż II] taħt it-titoli ‘Installazzjonijiet ġodda addizzjonali skond l-Artikolu 11 taż-ZuG 2007’ u ‘Allokazzjonijiet skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007’ […], m’għandhomx jiġu applikati, waqt l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet, b’mod li jagħtu vantaġġ lill-installazzjonijiet ikkonċernati fil-konfront ta’ installazzjonijiet eżistenti oħra simili li għalihom jiġi applikat il-metodu ta’ allokazzjoni ġenerali previst mill-imsemmi PNA; fi kliem ieħor, għandu jiġi applikat għall-installazzjonijiet ikkonċernati l-istess fattur ta’ eżekuzzjoni li jiġi applikat għall-installazzjonijiet eżistenti simili l-oħra […]”.

Id-digriet appellat

27

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Frar 2007, l-appellanti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

28

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess ġurnata, l-appellanti talbet ukoll li l-kawża tinqata’ skond il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. B’ittra tat-23 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni kkontestat li l-kawża tinqata’ bil-proċedura mħaffa. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħat it-talba għal proċedura mħaffa.

29

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni qajmet, skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-konfront tar-rikors imsemmi iktar ’il fuq, li dwarha l-appellanti ppreżentat osservazzjonijiet fit-12 ta’ April 2007.

30

Permezz tar-rikors tagħha, l-appellanti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

tannulla l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn jiddikjara l-garanziji ta’ allokazzjoni ta’ l-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, kif deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II taħt it-titoli “Installazzjonijiet ġodda addizzjonali skond l-Artikolu 11 taż-ZuG 2007” u “Allokazzjonijiet skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007”, inkompatibbli mad-Direttiva 2003/87;

tannulla l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn din id-dispożizzjoni timponi xi obbligi (“Vorgaben”) fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni, kif deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II taħt it-titoli “Installazzjonijiet ġodda addizzjonali skond l-Artikolu 11 taż-ZuG 2007” u “Allokazzjonijiet skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007”, u safejn din id-dispożizzjoni tordna l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ eżekuzzjoni applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti simili l-oħra;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, billi kkunsidrat li, fir-rigward ta’ l-appellanti b’mod partikolari, peress li mhijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, mhijiex individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

32

In sostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 59 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali safejn tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għandha effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Fil-fatt, l-Artikoli 1(2) u 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw l-operaturi ta’ l-installazzjonijiet previsti kollha, b’mod ġenerali u astratt, mir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II u attivi fis-setturi ekonomiċi suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti skond l-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u bla ħsara għall-eżistenza ta’ karatteristiċi li huma partikolari għalihom, dawn l-operaturi jiġu affettwati bl-istess mod u jitqiegħdu f’sitwazzjoni identika.

33

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad fakkret li, skond ġurisprudenza kostanti, persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex id-destinatarja ta’ att tista’ tippretendi li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, biss jekk hija affettwata, mill-att in kwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwaha b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju ta’ l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 20; tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Gabra p. I-6677, punt 36 u ta’ l-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45).

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li s-sempliċi fatt li att ta’ portata ġenerali jista’ jkollu effetti konkreti differenti għad-diversi persuni li għalihom huwa applikabbli l-att mhuwiex ta’ natura li jiddistingwihom fir-rigward ta’ l-operaturi l-oħra kollha kkonċernati, sakemm dan l-att jiġi applikat abbażi ta’ sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament.

35

Issa, fil-punt 61 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, fil-kawża li kellha quddiemha, ir-rikorrenti, mhux talli ma kinux individwati minn kwalitajiet li kienu partikolari għalihom, iżda kienu affettwati bl-istess mod bħall-operaturi l-oħra kollha ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-istess regoli nazzjonali u Komunitarji li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Għaldaqstant, huwa biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala operaturi previsti mir-regoli fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II u attivi fis-setturi koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87 li r-rikorrenti setgħu jallegaw li ġew affettwati mid-deċiżjoni kkontestata.

36

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istess punt tad-digriet appellat, iddeċidiet li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma kien ta’ natura li jegħleb din l-evalwazzjoni.

37

Hija qieset b’mod partikolari, fil-punt 65 tad-digriet appellat, li ma setax jiġi aċċettat l-argument li Saint-Gobain Glass Deutschland tagħmel parti minn grupp limitat ta’ persuni minħabba li kienet tagħmel parti minn grupp ta’ operaturi li kienu talbu u kisbu kwoti ta’ emissjonijiet fil-perijodu bejn l-2003 u l-2004 skond l-Artikolu 8(1) taż-ZuG. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, qabel kollox, li Saint-Gobain Glass Deutschland la kienet ressqet xi preċiżazzjonijiet u lanqas ma pproduċiet elementi ta’ prova fir-rigward tal-kompożizzjoni ta’ dan l-allegat grupp limitat ta’ operaturi. B’hekk, fil-proċess tal-kawża hija ma inkludiet ebda lista ta’ operaturi li bbenifikaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1) taż-ZuG bħal dik ippreżentata miż-żewġ rikorrenti l-oħra.

38

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, fil-mument meta tiġi adottata l-miżura kkontestata u bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika l-miżura msemmija b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura safejn huwa kostanti li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 52).

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li Saint-Gobain Glass Deutschland ma kinitx uriet li kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata minħabba li kienet allegatament tagħmel parti minn grupp limitat ta’ operaturi.

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ukoll li la mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, moqrija fid-dawl tal-ħames premessa tagħha, la mill-ħames kriterju ta’ l-Anness III ta’ din id-direttiva, u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ l-imsemmija direttiva ma tirriżulta garanzija għall-operaturi ta’ installazzjonijiet li fil-konfront tagħhom jiġi applikat ċertu metodu ta’ allokazzjoni, jiġifieri li jingħataw ċerta kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari meta din l-allegata garanzija tirreferi għal diversi perijodi ta’ allokazzjoni. B’mod kuntrarju, l-Artikolu 11(1) u (2), tad-Direttiva 2003/87 moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1) u ma’ l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, jagħmel distinzjoni ċara bejn l-ewwel u t-tieni perijodu ta’ allokazzjoni u jillimita l-validità tal-kwoti ta’ emissjonijiet mogħtija għal perijodu wieħed ta’ allokazzjoni, distinzjoni din li timplika li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jadottaw deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni distinti għal kull perijodu.

It-talbiet tal-partijiet

41

Permezz ta’ l-appell tagħha, Saint-Gobain Glass Deutschland titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat safejn jirrigwardaha;

tannulla l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn din id-dispożizzjoni tiddikjara bħala inkompatibbli mad-Direttiva 2003/87 l-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-ewwel perijodu ta’ skambju kif deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II;

tannulla l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn, minn naħa, din id-dispożizzjoni timponi limitazzjonijiet fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-ewwel perijodu ta’ skambju kif deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II, u, min-naħa l-oħra, safejn din id-dispożizzjoni tordna l-applikazzjoni ta’ l-istess koeffiċjenti ta’ progress li jintuża għall-installazzjonijiet eżistenti simili l-oħra;

sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42

Il-Kummissjoni titlob, bħala talba prinċipali, li l-appell jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, li l-appell jiġi miċħud bħala mhux fondat. Hija titlob ukoll li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

43

In sostenn ta’ l-appell tagħha, Saint-Gobain Glass Deutschland tinvoka żewġ aggravji għall-annullament tad-digriet appellat ibbażati fuq ksur tad-dritt proċedurali u fuq ksur tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

44

Skond l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell permezz ta’ digriet motivat.

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti u li, fid-dawl ta’ l-adozzjoni tad-digriet preżenti, m’hemmx lok li tiddeċiedi fuq it-talba għal proċedura mħaffa.

Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-appell

46

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti m’għadx għandha interess ġuridiku safejn l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ l-appell ma jkollu ebda effett legali minħabba l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5258, tas-26 ta’ Ottubru 2007, li tawtorizza l-modifikazzjonijiet imwettqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal-leġiżlazzjoni tagħha, u, b’mod partikolari, il-bidla ta’ l-iskema bbażata fuq fattur uniku ta’ eżekuzzjoni bi skema oħra.

47

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ifformulata skond l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssottomettiet din id-deċiżjoni ta’ l-aħħar.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara appell inammissibli meta fatt li jseħħ wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jkun neħħa n-natura dannuża tagħha għall-appellant. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippresupponi li l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, iwassal għal benefiċċju għal min iressqu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 13, u d-digriet tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 18).

49

Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni sabiex turi n-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ l-appellanti, minn naħa, ma tissostitwix id-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tirreferi biss għall-modifikazzjonijiet b’konnessjoni ma’ l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Issa, l-appellanti tikkontesta wkoll il-konstatazzjonijiet relattivi għan-nuqqas ta’ kompatibbiltà mad-Direttiva 2003/87 tal-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-ewwel perijodu ta’ allokazzjoni u li jidhru fl-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmija deċiżjoni kkontestata safejn, minn naħa, din id-dispożizzjoni timponi limiti fuq l-Istat Membru destinatarju f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-ewwel perijodu ta’ skambju u li huma deskritti fil-Kapitolu 6.2 tal-PNA Ġermaniż II, u, min-naħa l-oħra, tordnah japplika l-istess koeffiċjenti ta’ progress bħal dak applikat għall-installazzjonijiet eżistenti simili l-oħra.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni li tikkonstata, kif stednitha tagħmel il-Kummissjoni, li Saint-Gobain Glass Deutschland m’għandha ebda interess ġuridiku sabiex taġixxi fil-kuntest ta’ l-appell preżenti.

52

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni għandha tigi miċħuda.

Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt proċedurali

L-argumenti tal-partijiet

53

Saint-Gobain Glass Deutschland issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tad-digriet appellat, wettqet ksur kemm tad-dritt għal proċess ekwu kif ukoll tad-dritt għal smigħ. F’dan ir-rigward, hija ssostni b’mod partikolari li l-partijiet f’kawża għandhom jingħataw il-possibbiltà li jesprimu ruħhom fuq il-kwistjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża.

54

Skond l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet essenzjalment ibbażat id-digriet tagħha fuq il-fatt li hija la kienet ressqet preċiżazzjonijiet u lanqas provi fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-grupp limitat ta’ operaturi li hija kienet qiegħda tinvoka sabiex tiġi rikonoxxuta bħala persuna individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, Saint-Gobain Glass Deutschland tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’ebda mod ma talbitha tipproduċi tali lista. Minn dan isegwi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tesponi lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-motivi għan-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ tali lista.

55

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li hija ma kellha ebda raġuni tipproduċi tali lista mingħajr ma kienet mistiedna espressament mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tagħmel dan. Barra minn hekk, il-fatt li tagħmel parti minn grupp limitat ta’ operaturi milquta mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta direttament mill-istruttura tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għaldaqstant ma tiddependix mill-produzzjoni ta’ lista ta’ operaturi kkonċernati.

56

Saint-Gobain Glass Deutschland issostni wkoll li kien impossibbli għaliha li tipproduċi tali lista peress li l-Umweltbundesamt (Uffiċċju Federali ta’ l-Ambjent) ma setax jilqa’ talba ta’ dan it-tip minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data. B’mod kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet liberament tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja. B’hekk, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet tali talba, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tipproduċi lista li setgħet turi li l-appellanti kienet tagħmel parti minn grupp limitat ta’ operaturi.

57

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, permezz tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda ksur tad-dritt proċedurali tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li jidher li qed tikkunsidra l-appellanti, huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-appellanti ma kinitx ipprovdiet lista ta’ operaturi milquta mid-deċiżjoni kkontestata sabiex turi li hija kienet individwalment ikkonċernata minn din ta’ l-aħħar.

59

Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel qieset, fil-punt 61 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti ma kinux individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u, li ebda wieħed mill-argumenti mressqa minnhom ma kien ta’ natura li jegħleb din l-evalwazzjoni.

60

B’mod partikolari, bi tweġiba għal ċerti argumenti mressqa minn Saint-Gobain Glass Deutschland u bbażati fuq l-allegazzjoni li hija tagħmel parti minn grupp limitat ta’ operaturi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 65 tad-digriet appellat, li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li fil-konfront tagħhom tapplika l-miżura kkontestata b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura safejn huwa kostanti li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni.

61

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li Saint-Gobain Glass Deutschland la kienet ressqet preċiżazzjonijiet u lanqas elementi ta’ prova fir-rigward tal-kompożizzjoni ta’ dan l-allegat grupp limitat ta’ operaturi. U, għaldaqstant, kien biss għal finijiet ta’ kompletezza li hija nnotat li l-appellanti ma kinitx inkludiet fil-proċess tal-kawża lista ta’ operaturi, b’mod kuntrarju għal dak li kienu għamlu r-rikorrenti l-oħra.

62

Issa, skond ġurisprudenza kostanti, l-ilmenti mressqa kontra motivi mogħtija għal finijiet ta’ kompletezza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma mingħajr effett (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148, u digriet tat-23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il-Kummissjoni, C-171/05 P, Ġabra p. I-37, punt 86).

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala mhux effettiv.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE

L-argumenti tal-partijiet

64

Permezz ta’ dan l-aggravju, Saint-Gobain Glass Deutschland issostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ persuna milquta individwalment minn att Komunitarju.

65

Skond l-appellanti, il-grupp ta’ operaturi kkonċernati kien definit u/jew seta’ jiġi ddefinit b’mod definittiv, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, u, f’kull każ, ma setax jiġi estiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħatx tafferma li l-projbizzjoni li tinżamm fis-seħħ il-garanzija ta’ allokazzjoni tapplika skond sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni.

66

Skond l-appellanti, l-operaturi tant huma ddeterminati eżattament fid-deċiżjoni kkontestata li r-referenza oġġettiva għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007 setgħet tiġi ssotitwita mingħajr eċċezzjoni b’lista li tidentifika b’isimhom lill-operaturi mingħajr ma titbiddel il-portata ta’ din id-deċiżjoni.

67

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni (41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punt 21), l-appellanti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata setgħet ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala serje ta’ deċiżjonijiet individwali, peress li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni pprojbixxiet, fir-rigward ta’ l-operaturi koperti mill-garanzija ta’ allokazzjoni prevista fl-Artikolu 8 taż-ZuG 2007, iż-żamma fis-seħħ ta’ l-imsemmija garanzija ta’ allokazzjoni. In fine, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-PNA Ġermaniż II tikkostitwixxi kemm deċiżjoni ta’ natura ġenerali u kemm serje ta’ deċiżjonijiet individwali safejn tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-garanziji ta’ allokazzjoni li joħorġu mill-Artikolu 8 taż-ZuG 2007.

68

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni korretta tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

69

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi deskritta bħala serje ta’ deċiżjonijiet individwali safejn il-Kummissjoni ma ppronunzjatx ruħha fuq talbiet individwali u safejn, f’kull każ, hija b’ebda mod ma kellha informazzjoni suffiċjenti fuq l-installazzjonijiet ikkonċernati mill-PNA innotifikat sabiex tkun f’sitwazzjoni li tippronunzja ruħha fis-sens li qiegħda tipprova turi l-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Għandu jiġi kkonstatat, kif ukoll għamlet ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura safejn huwa kostanti, bħalma huwa fil-kawża preżenti, li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll id-digrieti ta’ l-24 ta’ Mejju 1993, Arnaud et vs Il-Kunsill, C-131/92, Ġabra p. I-2573, punt 13, u tal-21 ta’ Ġunju 1993, Chiquita Banana et vs Il-Kunsill, C-276/93, Ġabra p. I-3345, punt 8).

71

Fir-rigward ta’ l-argumenti ta’ l-appellanti intiżi biex juru li d-deċiżjoni kkontestata għandha natura ibrida fis-sens li tikkostitwixxi kemm att ta’ portata ġenerali u kemm serje ta’ deċiżjonijiet individwali, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, kif ukoll għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 59 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarja tagħha kienet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandha portata ġenerali safejn tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għandha effetti ġuridiċi fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

72

Min-naħa l-oħra, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kellha bħala konsegwenza l-projbizzjoni taż-żamma fis-seħħ tal-garanzija ta’ allokazzjoni li setgħu jistennew ċerti operaturi skond l-Artikolu 8 taż-ZuG 2007, mhuwiex ta’ natura li jikkonferixxi fuq din id-deċiżjoni n-natura ta’ serje ta’ deċiżjonijiet individwali.

73

F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-appellanti, il-fatt li l-PNA ppreżentat minn Stat Membru lill-Kummissjoni jrid ikun fih lista ta’ l-installazzjonijiet koperti mill-iskema ta’ skambju ta’ kwoti kif ukoll l-indikazzjoni tal-kwoti li dan l-Istat għandu l-intenzjoni jagħti lill-imsemmija installazzjonijiet, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppronunzjat ruħha fuq talbiet individwali, li hija s-sitwazzjoni li tikkaratterizza l-kawża li tat lok għas-sentenza International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

74

Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-lista prevista fil-punt 10 ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 tipprevedi l-installazzjonijiet ikkonċernati u mhux inventarju li jidentifika b’isimhom lill-operaturi li jingħataw kwoti.

75

Barra minn hekk, skond l-Artikoli 11(2) u (3) ta’ din id-direttiva, huwa obbligu ta’ kull Stat Membru, u mhux tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li se jalloka fil-perijodu in kwistjoni, li jibda l-proċess ta’ allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operaturi ta’ kull installazzjoni u li jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ dawn l-imsemmija kwoti. Tali deċiżjoni tittieħed fuq il-bażi tal-PNA tiegħu mfassal b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10 ta’ l-imsemmija Direttiva.

76

Fl-aħħar, kif tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata, la mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, moqrija fid-dawl tal-ħames premessa tagħha, la mill-ħames kriterju ta’ l-Anness III ta’ din id-direttiva, u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ l-imsemmija direttiva, ma tirriżulta garanzija għall-operaturi ta’ installazzjonijiet li fil-konfront tagħhom jiġi applikat ċertu metodu ta’ allokazzjoni, jiġifieri li jingħataw ċerta kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għaldaqstant, il-modifikazzjonijiet magħmula sussegwentement mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-PNA II tagħha u aċċettati mill-Kummissjoni jikkonfermaw din il-konstatazzjoni.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 230 KE meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata għandha portata ġenerali u, għaldaqstant, ma tolqotx individwalment lill-appellanti.

78

F’kull każ, għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ locus standi sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti jżommu l-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri nazzjonali meħuda b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u, f’dan il-kuntest, li jeċepixxu l-illegalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali, li jiddeċiedu b’osservanza ta’ l-Artikolu 234 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1983, Universität Hamburg, 216/82, Ġabra p. 2771, punt 10, u tas-17 ta’ Novembru 1998, Kruidvat vs Il-Kummissjoni, C-70/97 P, Ġabra p. I-7183, punti 48 u 49).

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

80

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Saint-Gobain Glass Deutschland tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.