Kawżi magħquda C-439/07 u C-499/07
Belgische Staat
vs
KBC Bank NV
u
Beleggen, Risicokapitaal, Beheer NV
vs
Belgische Staat
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel u mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brugge)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Artikoli 43 KE u 56 KE — Direttiva 90/435/KEE — Artikolu 4(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ħelsien mit-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma — Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn din tkun għamlet profitti taxxabbli”
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2009 I ‐ 4414
Sommarju tad-digriet
Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435 – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika
(Direttiva tal-Kunsill 90/435, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1))
Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435 – Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika
(Direttiva tal-Kunsill 90/435, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) u Artikolu 4(2))
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Interpretazzjoni mitluba minħabba l-applikabbiltà, għas-sitwazzjonijiet purament interni, tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva trasposti fid-dritt nazzjonali
(Artikolu 234 KE)
Moviment liberu tal-kapital – Dispożizzjonijiet tat-Trattat
(Artikoli 56(1) KE, 57 KE, 58 KE)
Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji
(Artikolu 43 KE)
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-finijiet tal-eżenzjoni tad-dividendi mħallsa minn kumpannija parent stabbilita f’dan l-Istat ta’ kumpannija sussidjarja li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor, tipprovdi li l-imsemmija dividendi jkunu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent, sabiex imbagħad jitnaqqsu sa massimu ta’ 95% sa fejn għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, jibqa’ bilanċ pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitt eżenti ieħor, u li għandha bħala effett li:
|
— |
il-kumpannija parent hija taxxabbli f’perijodu taxxabbli ulterjuri fuq it-tqassim ta’ profitti li hija tkun irċeviet fil-każ fejn hija ma tkunx iġġenerat profitt taxxabbli jew ma tkunx iġġenerat biżżejjed profitt taxxabbli matul il-perijodu taxxabbli li fih tqassmu l-profitti, jew li |
|
— |
it-telf f’dan il-perijodu taxxabbli jinqata’ kontra t-tqassim ta’ profitti u ma jistax jiġi ttrasferit fuq perijodu taxxabbli ulterjuri għall-ammont ta’ dan it-tqassim. |
(ara l-punt 44 u d-dispożittiv 1)
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2), għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jobbligax lill-Istati Membru biex jippermettu neċessarjament li l-profitti mqassma lill-kumpannija parent stabbilita f’dan l-Istat mis-sussidjarja tagħha li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor ikunu totalment deduċibbli mill-ammont ta’ profitti tas-sena fiskali tal-kumpannija parent u li t-telf li jirriżulta jkun jista’ jiġi ttrasferit fuq sena fiskali ulterjuri. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, b’kunsiderazzjoni kemm tal-bżonnijiet tal-ordni ġuridika interna tagħhom kif ukoll tal-fakultà prevista fl-imsemmi Artikolu 4(2), il-modalitajiet li permezz tagħhom ir-riżultat imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) jista’ jintlaħaq.
Madankollu, meta Stat Membru għażel is-sistema tal-eżenzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 u li, fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru taċċetta t-trasferiment ta’ telf għas-snin fiskali ulterjuri, l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jkollha bħala effett li tnaqqas it-telf tal-kumpannija parent li jista’ jibbenefika minn dan it-trasferiment sal-massimu tad-dividendi riċevuti.
(ara l-punti 53, 54 u d-dispożittiv 2)
Meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati fid-dritt Komunitarju, hija biss il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tad-diviżjoni tal-funzjonijiet ġudizzjarji bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 234 KE, li għandha tevalwa l-portata eżatta ta’ dan ir-rinviju fid-dritt Komunitarju, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ jadotta għall-applikazzjoni ta’ dan id-dritt għal sitwazzjonijiet purament interni jifforma parti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat u, konsegwentement, mill-kompetenza esklużiva tal-qrati ta’ dan tal-aħħar.
(ara l-punt 60 u d-dispożittiv 3)
Jekk, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, id-dividendi li ġejjin minn kumpannija stabbilita fi Stat terz jirċievu trattament inqas favorevoli minn dak mogħti minn dawk li ġejjin minn kumpannija li għandha l-uffiċċju prinċipali fl-imsemmi Stat Membru, hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl kemm tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll tal-fatti tal-kawża mressqa quddiemha, li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 56 KE huwiex applikabbli u, jekk ikun il-każ, jekk dan jipprekludix tali trattament differenti.
F’dan ir-rigward, il-limitu sa fejn l-Istati Membri huma awtorizzati li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet restrittivi dwar il-movimenti ta’ kapital ma jistax jiġi ddeterminat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz iseħħu f’kuntest legali differenti minn dawk li jseħħu fih fi ħdan il-Komunità Ewropea. B’hekk, minħabba l-livell ta’ integrazzjoni ġuridika eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Komunità u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ miżuri leġiżlattivi Komunitarji intiżi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali, bħad-Direttiva 77/799 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, it-tassazzjoni minn Stat Membru ta’ attivitajiet ekonomiċi li għandhom aspetti traskonfinali li jinsabu ġewwa l-Komunità mhux dejjem hija simili għal dik imposta fuq attivitajiet ekonomiċi li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li Stat Membru jista’ juri li restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz hija ġġustifikata minħabba raġuni partikolari f’ċirkustanzi fejn din ir-raġuni ma hijiex ta’ natura li tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni għall-movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri.
(ara l-punti 72-74 u d-dispożittiv 4)
L-Artikolu 43 KE ma jipprekludix li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi li kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru u li tirċievi profitti mqassma mis-sussidjarja tagħha li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor tista’ tnaqqas dawn mid-dħul taxxabbli tagħha biss sal-limitu tal-profitti tal-perijodu taxxabbli li matulu dawn il-profitti ġew mqassma, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu kompletament eżenti kieku din il-kumpannija kienet ikkostitwiet stabbiliment stabbli f’dan l-Istat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li t-trattament mogħti lill-profitti li ġejjin minn entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor ma jkunx diskriminatorju fil-konfront ta’ dak mogħti lill-profitti li ġejjin minn entitajiet nazzjonali simili.
Fil-fatt, fir-rigward tal-obbligi tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-awtonomija fiskali li minnha jgawdu fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju l-Istati Membri timplika wkoll li dawn tal-aħħar huma ħielsa li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ tassazzjoni tal-forom differenti ta’ stabbilimenti tal-kumpanniji nazzjonali li joperaw f’pajjiż barrani, bil-kundizzjoni li jingħataw trattament li ma jkunx diskriminatorju meta mqabbel mal-istabbilimenti nazzjonali simili.
(ara l-punti 80, 82 u d-dispożittiv 5)