Keywords
Summary

Keywords

1. Proċedura — Terminu għal rikors — Dekadenza — Każ fortuwitu jew forza maġġuri — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45)

2. Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata

3. Proċedura — Terminu għal rikors — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett

4. Proċedura — Terminu għal rikors — Rikors ippreżentat b’faks — Terminu għall-preżentata ta’ l-oriġinal iffirmat

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 43(6))

5. Proċedura — Rikors promotur — Regolarizzazzjoni — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(6))

Summary

1. Tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fir-rigward tat-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu t-tnejn li huma element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi ta’ l-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti. Mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tirrimedja n-nuqqas ta’ diliġenza ta’ rikorrent.

(ara l-punti 16-17, 23)

2. L-obbligu għall-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li kienet marbuta twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent fl-ewwel istanza, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati.

(ara l-punti 20, 34)

3. L-għarfien sħiħ tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni kif ukoll tat-terminu ta’ rikors applikabbli skond l-Artikolu 230 KE ma jeskludix, fih innifsu, li individwu jkun jista’ jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-fatt li r-rikors tiegħu jkun ġie ppreżentat tard peress li tali żball jista’ jsir, b’mod partikolari, ladarba l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba tali, waħedha jew b’mod determinanti, li tipprovoka konfużjoni ammissibbli fl-individwu in bona fide u li juri d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment informat dwar il-fatt.

(ara l-punt 29)

4. Il-kliem stess ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Qorti tal-Prim’Istanza meta din ta’ l-aħħar tapplika din id-dispożizzjoni. Il-possibbiltà għal rikorrent li, għall-finijiet ta’ l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, jibbaża ruħu fuq id-data li fiha r-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirċievi faks hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-oriġinal tar-rikors iffirmat, li tkun intbagħtet kopja tiegħu, jasal fl-imsemmi Reġistru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara. Barra minn hekk, ladarba il-faks tasal iktar minn għaxart ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhomx l-effett li jżidu dan it-terminu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, l-inammissibbiltà ta’ rikors toriġina minn nuqqas ta’ attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jwassal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-att oriġinali ffirmat fit-terminu tar-rikors in kwistjoni, u mhux mill-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kieku kienet tapplika l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, dispożizzjoni li tintroduċi fl-imsemmija regoli t-teknoloġija moderna ta’ komunikazzjoni, u li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha ma kinitx issodisfata.

(ara l-punti 38-40)

5. Jekk rikorrent ikollu, bis-saħħa ta’l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-possibbiltà li jirregolarizza r-rikors tiegħu, b’mod partikolari billi jibgħat l-annessi li jkunu neqsin, din ir-regolarizzazzjoni hija possibbli biss safejn, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kundizzjoni essenzjali sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun adita hija ssodisfata, jiġifieri l-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, ir-rikors jikkostitwixxi att promotur li fih il-partijiet għandhom l-obbligu jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, u ħdejh l-annessi għandhom biss funzjoni purament probatorja u strumentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ l-annessi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala preżentata parzjali tar-rikors.

(ara l-punt 41)