Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2008 – Aktieselskabet af 21 november 2001 vs UASI

(Kawża C‑197/07 P)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(5) – Reputazzjoni – Profitt indebitu min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali ‘TDK’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali u figurattivi, Komunitarji u nazzjonali, TDK – Reġistrazzjoni rrifjutata”

Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament (Artikolu 225(1) KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 58) (ara l-punt 15)

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Frar 2007, fil-kawża Aktieselskabet af 21. november 2001 vs UASI (T-477/04), li tiċħad bħala infondat rikors ippreżentat mill-applikant għat-trade mark verbali “TDK” għal prodotti fil-klassi 25 kontra d-Deċiżjoni R 364/2003-1 tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tas-7 ta’ Ottubru 2004, li tiċħad l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark fil-kuntest tal-oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju tat-trade marks verbali u figurattivi, komunitarji u nazzjonali “TDK”.

Dispożittiv

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Aktieselskabet af 21. november 2001 hija kkundanna għall-ispejjeż.