Kawża C-163/07 P

Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi

u

Musa Akar

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Ammissibbiltà — Rekwiżiti proċedurali sostanzjali — Rappreżentanza obbligatorja ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru — Appell manifestament infondat”

Sommarju tad-digriet

1.        Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21,l-Artikolu 24 u l-ewwel paragrafu ta’ l-artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza,Artikoli 44(6) u 64)

2.        Atti ta’ l-istituzzjonijiet — Obbligu ġenerali li d-destinatarji jiġu informati bir-rimedji ġudizzjarji u bit-termini applikabbli — Assenza

1.        La l-Artikolu 64 tar-Regolament tal-Proċedura tat-Tribunal, la l-Artikolu 24 tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa wkoll applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jobbligaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tavża lill-awtur ta’ rikors, li l-applikazzjoni tiegħu hija inammissibbli minħabba li ma ġietx iffirmata minn avukat li jista’ jidher quddiem il-qrati Komunitarji.

Minkejja li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdu għall-possibbiltà li jiġi ssanat rikors li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti formali, xorta jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, l-inosservanza ta’ l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim ŻEE, mhuwiex imniżżel fost ir-rekwiżiti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat għal rikors, konformament mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

(ara l-punti 25-26)

2.        Ma jeżistix fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji ta’ l-atti tagħhom bir-rimedji disponibbli, u lanqas obbligu li jindikaw it-termini ta’ żmien applikabbli li fihom dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati.

(ara l-punt 41)







DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Novembru 2007

“Appell – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Ammissibbiltà – Rekwiżiti proċedurali sostanzjali - Rappreżentanza obbligatorja ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru – Appell manifestament infondat”

Fil-kawża C‑163/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-23 ta’ Marzu 2007,

Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi,

Musa Akar,

stabbiliti f’Ankara (it-Turkija), irrappreżentati minn Ç. Şahin, Rechtsanwalt,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. van Nuffel u F. Hoffmeister, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn U. Lõhmus, President ta’ l-Awla, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Bl-appell tagħhom, il-kumpanniji Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi u Musa Akar jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta’ Jannar 2007, Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret u Akar vs Il-Kummissjoni (T‑129/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkonstestat”), li bih din ta’ l-aħħar ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej MK/KS/DELTUR/(2005)/SecE/D/1614, tat-23 ta’ Diċembru 2005, rigward l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet relatati mal-bini ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim fil-provinċji ta’ Siirt u ta’ Diyarbakir (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratti in kwistjoni.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

2        Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-offerti għal kuntratt pubbliku għal xogħlijiet relatati mal-bini ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim fil-provinċji Torok ta’ Siirt u ta’ Diyarbakir (EuropeAid/12160l/C/W/TR), fil-21 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ressqu l-applikazzjoni tagħhom quddiem id-delegazzjoni tal-Kummissjoni fit-Turkija.

3        Skond il-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratti, il-Kummissjoni tat il-kuntratt lill-impriża ILCI Ins. San. Ve Tic, AS, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2005. B’ittra tat-2 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni sabiex tirtira din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab f’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2005 li ġiet notifikata lir-rikorrenti permezz ta’ faks fl-istess jum.

4        Din id-deċiżjoni kienet tinkludi indikazzjoni tar-rimedji disponibbli, li tiġbed l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-possibilità, mogħtija lilhom permezz ta’ l-Artikolu 230 KE, li jressqu quddiem il-Qorti Komunitarja rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data ta’ l-ittra.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet ikkontestat

5        Permezz ta’ żewġ avukati stabbiliti fit-Turkija, ir-rikorrenti ppreżentaw, rispettivament fil-21 u fit-23 ta’ Frar 2006, fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, verżjoni fil-lingwa Ingliża u verżjoni fil-lingwa Torka tar-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikors”).

6        Wara ittra mir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2006 li informat lir-rikorrenti li r-rikors tagħhom ma setax jiġi kkunsidrat peress li huma kellhom jiġu rrappreżentati, għall-finijiet ta’ din il-kawża, minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti nazzjonali ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jew Stat ieħor li huwa parti għall-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-ŻEE), fis-6 ta’ April 2006 huma ressqu, permezz ta’ Ç. Şahin, avukat li huwa membru ta’ l-avukatura ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja), huma ppreżentaw traduzzjoni fil-lingwa Ġermaniża tal-verżjoni Ingliża ta’ l-ewwel rikors.

7        Peress li r-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien indika lil Şahin li huwa ma kienx iffirma l-verżjoni tar-rikors fil-lingwa Ġermaniża, dan ta’ l-aħħar ippreżenta, fis-26 ta’ April 2006, kopja ġdida ta’ din il-verżjoni li kienet tinkludi l-firma tiegħu. Kien f’din l-istess data li r-rikors ġie rreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T-129/06.

8        Fis-16 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi ta’ l-Artikolu 114 tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba dewmien fil-preżentata tar-rikors.

9        Ir-rikorrenti invokaw l-eżistenza ta’ fatti ta’ natura tali li jirrendu skużabbli l-irregolaritajiet imwettqa waqt il-preżentata tar-rikors tagħhom.

10      Permezz tad-digriet kkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel rikors ma kienx jissodisfa rekwiżit proċedurali essenzjali li l-inosservanza tagħha twassal għall-inammissibbilità tar-rikors, jiġifieri l-obbligu li jiġi ppreżentat rikors li jinkludi l-firma ta’ avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, li irregolarità bħal din ma tistax tiġi ssanata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien stabbilit biex jiġi ppreżentat rikors. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li hija biss il-verżjoni tar-rikors fil-lingwa Ġermaniza li ġiet iffirmata minn Şahin u ppreżentata fir-reġistru fis-26 ta’ April 2006 li setgħet tiġi kkunsidrata bħala waħda ta’ forma regolari.

11      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-rikors, li ġie ppreżentat validament biss fis-26 ta’ April 2006, kellu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li ġie ppreżentat tard, peress li t-terminu ta’ żmien stabbilit biex jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata kien skada fis-6 ta’ Marzu 2006.

12      Wara dan, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li d-dewmien fil-preżentata regolari ta’ l-azzjoni tagħhom, li kien jirriżulta min-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkomunikalhom, fid-deċiżjoni kkontestata, il-mezzi ta’ rappreżentanza quddiem il-qrati Komunitarji, u li tali dewmien jikkostitwixxi żball skużabbli li jipprekludi li l-eċċezzjoni ta’ dewmien għall-preżentata tar-rikors tiġi mqajma fil-konfront tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, fir-rigward tad-dewmien ta’ żmien għall-preżentata ta’ rikorsi, il-kunċett ta’ żball skużabbli kellu, skond ġurisprudenza kostanti, jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, hija enfasizzat li żball bħal dan seta’ jirreferi biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba tali li toħloq konfużjoni ammissibbli f’individwu inbonafide u li juri li ġiet eżerċitata d-diliġenza kollha mitluba minn operatur normalment informat.

13      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 44 tad-digriet ikkontestat, li l-fatti mqajma mir-rikorrenti ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li kien jeżisti żball skużabbli min-naħa tagħhom.

14      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli għal raġunijiet ta’ dewmien u ordnat li r-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet ikkontestat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex din ta’ l-aħħar tiddeċiedi fuq il-mertu, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ l-appell.

16      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell billi tiddikjarah infondat ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

17      Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-proċedura, meta l-appell ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell permezz ta’ digriet motivat mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.

18      In sostenn ta’ l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll l-Artikolu 24 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa wkoll applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut.

20      Essenzjalment, huma jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Qrati Komunitarji li jistabbilixxu l-fatti u li jaġixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħhom, b’tali mod li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet obbligata tirreaġixxi meta, fil-21 u fit-23 ta’ Frar 2006, hija rċeviet l-ewwel rikors iffirmat minn avukat li ma kellux il-kapaċità li jirrappreżentahom.

21      Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-obbligu li, minn naħa, tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal dan l-iżball ta’ forma, relatat mal-kapaċità ta’ rappreżentazzjoni ta’ parti, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat għall-preżentata tar-rikors, u, min-naħa l-oħra, tiċċara l-fatti koperti mill-ewwel rikors kif ukoll li tordna lill-parti konvenuta sabiex tippreżenta d-dokumenti u l-provi rilevanti.

22      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha l-obbligu li tindika lir-rikorrenti, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat mid-dritt Komunitarju għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, li l-ewwel rikors iffirmat minn żewġ avukati Torok ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti formali previsti fl-Artikoli 19 u 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ssostni li għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġietx adita b’mod validu fil-liġi.

23      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, minkejja li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jippermettu li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti rekwiżiti formali applikabbli għar-rikors jiġu ssanati permezz ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni, xorta jibqa l-fatt li, anki f’dawn il-każijiet, in-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni fit-terminu ta’ żmien stabbilit mir-Registratur iwassal għall-inammissibbilità tar-rikors, kif jirriżulta mill-Artikolu 44(6) ta’ l-istess Regoli.

24      Skond il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li rikors bħal dak in kwistjoni, li huwa vvizzjat bl-inosservanza ta’ rekwiżit li għalih la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprovdu l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni, huwa, f’kull każ, inammissibbli. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tobbliga lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tavża lill-firmatarji ta’ l-atti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija mhijiex adita b’mod validu fil-liġi bl-att in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma hija marbuta li tagħti avviż bħal dan f’terminu ta’ żmien li jippermetti lir-rikorrent jippreżenta rikors fit-terminu ta’ żmien previst.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      La d-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti, u lanqas dispożizzjonijiet oħra tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jobbligaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tavża lill-awtur ta’ rikors, li l-applikazzjoni tiegħu hija inammissibbli minħabba li ma ġietx iffirmata minn avukat li jista’ jidher quddiem il-qrati Komunitarji.

26      Minkejja li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdu għall-possibbiltà li jiġi ssanat rikors li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti formali, xorta jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, l-inosservanza ta’ l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim ŻEE, mhuwiex imniżżel fost ir-rekwiżiti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat għal rikors, konformament mat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

27      Fid-dawl ta’ dak li intqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma talbitx lir-rikorrenti jirregolarizzaw ir-rikors tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat għal rikors meta hija rċeviet, fil-21 u fit-23 ta’ Frar 2006, l-ewwel rikors iffirmat minn avukat li ma setax jidher quddiem il-Qrati Komunitarji, il-Qorti ta’ Prim’Istanza ma wettqet l-ebda irregolarità proċedurali.

28      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 Fuq it-tieni mottiv

 L-argumenti tal-partijiet

29      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju inkwantu hija injorat il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tagħti informazzjoni inkompleta jew żbaljata dwar kif setgħu jiġu eżerċitati r-rimedji eżistenti. Fil-fatt, peress li din id-deċiżjoni ma indikat la l-mod u lanqas minn min seta’ jiġi ppreżentat ir-rikors u peress li sempliċement informat lid-destinatarji tagħha bl-eżistenza ta’ rimedju kif ukoll bit-terminu ta’ żmien li fih seta’ jiġi eżerċitat, ir-rikorrenti kienu mwassla li jaħsbu li r-rikors seta’ jiġi ppreżentat fil-lingwa Torka u minnhom stess. Ladarba l-informazzjoni dwar il-metodi ta’ eżerċizzju tar-rimedji eżistenti hija nieqsa, żbaljata jew inkompleta, it-terminu ta’ żmien biex jiġi ppreżentat rikors għal annullament mhuwiex ta’ xahrejn iżda ta’ sena.

30      Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jirċievu informazzjoni iktar kompleta dwar ir-rimedji eżistenti minn dik indirizzata liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

31      Il-Kummissjoni tirribatti li fid-dritt Komunitarju, ma jeżisti la obbligu ġenerali li d-destinatarji ta’ atti jiġu mgħarrfa bir-rimedji eżistenti quddiem il-qrati, u lanqas obbligu li jiġu indikati t-termini ta’ żmien li fihom dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu eżerċitati.

32      Minkejja li ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jistgħu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ixebbhu informazzjoni żbaljata pprovduta minn istituzzjoni Komunitarja dwar kif jistgħu jiġu eżerċitati r-rimedji eżistenti ma’ każ mhux prevedibbli jew ta’ forza maġġuri b’tali mod li l-ebda invalidità bbażata fuq l-iskadenza tat-termini ta’ żmien ma tista’ tiġi invokata fil-konfront tal-persuni kkonċernati, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

33      Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement tindika l-eżistenza ta’ rimedju, it-terminu ta’ żmien li fih dan ir-rimedju seta’ jiġi eżerċitat u l-qorti kompetenti, u li baqgħet siekta dwar ir-rekwiżiti kollha ta’ forma meħtieġa għall-preżentata ta’ rikors, ma setgħet nisslet ebda konfużjoni f’moħħ ir-rikorrenti.

34      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jirċievu informazzjoni iktar dettaljata dwar ir-rimedji eżistenti minn dik mogħtija liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, għaliex informazzjoni meqjusa bħala korretta u dettaljata biżżejjed fil-konfront ta’ dawn ta’ l-aħħar għandha titqies bħala korretta u dettaljata biżżejjed ukoll fil-konfront taċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament qieset li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tindika li azzjoni ġudizzjarja setgħet tiġi mressqa validament biss permezz ta’ avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti għall-ftehim ŻEE, ma wassalx lir-rikorrenti sabiex iwettqu żball skużabbli li kien jippermetti li jiġu mwarrba favurihom ir-regoli Komunitarji ta’ ordni pubbliku li jirregolaw it-termini ta’ żmien għal rikors.

36      Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 42 tad-digriet kkontestat, l-iżball skużabbli jista’ jirrigwarda biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun tat lok għall-iżball imwettaq permezz ta’ aġir tali li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ individwu inbonafide u li juri li ġiet eżerċitata d-diliġenza kollha mitluba minn operatur normalment informat (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C-195/91 P, Ġabra. p. I-5619, punti 26 sa 28).

37      Madankollu, hekk kif ġie deċiż fil-punti 43 u 44 tad-digriet ikkontestat, peress li l-kundizzjoni rigward il-firma ta’ l-applikazzjoni minn avukat li jista’ jidher quddiem qorti ta’ Stat Membru hija rekwiżit proċedurali essenzjali previst mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ppubblikat, b’mod speċjali, fil-Ġabra tat-Trattati ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’dan il-mod ir-rikorrenti kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jsiru jafu bl-eżistenza ta’ l-imsemmi rekwiżit u ma jistgħux isostnu validament li l-aġir tal-Kummissjoni kkawża konfużjoni ammissibbli fosthom dwar kif huma kellhom jiġu legalment irrappreżentati quddiem il-qrati komunitarji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li r-rikorrenti wrew d-diliġenza kollha mitluba minn operatur normalment informat.

38      Konklużjoni bħal din ma tistax tiġi kkontestata bl-argument sostnut mir-rikorrenti li jipprovdi li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jirċievu informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli li hija iktar kompleta minn dik mogħtija liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

39      Fil-fatt, kien id-dmir taż-żewġ avukati li ressqu l-ewwel rikors li jinformaw ruħhom dwar it-testi rilevanti, b’mod partikolari l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex isiru jafu kif għandha ssir ir-rappreżentanza quddiem il-Qrati Komunitarji.

40      Għaldaqstant, minn din l-analiżi jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt Komunitarju meta ċaħdet in-natura skużabbli ta’ l-iżball tagħhom.

41      Minbarra dan, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jeżistix fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji obbligu ġenerali li jinformaw lid-destinatarji ta’ l-atti tagħhom bir-rimedji disponibbli, u lanqas obbligu li jindikaw it-termini ta’ żmien applikabbli li fihom dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati (ara, f’dan is-sens, d-digriet tal-5 ta’ Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C‑153/98 P, Ġabra p. I‑1441, punt 15).

42      Minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

43      Peress li r-rikorrenti tilfu fl-aggravji kollha tagħhom, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret Ltd Sirketi u Musa Akar huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem