9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/19


Appell imressaq fit-8 ta' Diċembru 2007 minn Akzo Nobel Chemicals Ltd, Akcros Chemicals Ltd kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) fis-17 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-253/03, Akzo Nobel Chemicals Ld u Akcros Chemicals Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-550/07 P)

(2008/C 37/28)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Akzo Nobel Chemicals Ltd, Akcros Chemicals Ltd (rappreżentanti: C. Swaak, M. Mollica u M. van der Woude,)

Partijiet oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Conseil des barreaux européens, Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, Association européenne des juristes d'entreprise (AEJE), American Corporate Counsel Association (ACCA) — European Chapter, International Bar Association

Talbiet ta' l-appellanti

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Settembru 2007 fil-kawża T-253/03, safejn ċaħdet it-talba għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fil-konfront tal-komunikazzjonijiet ma' l-avukat intern ta' Akzo Nobel;

tannulla d-deċiżjoni ta' ċaħda tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2003, safejn tiċħad li trodd lura l-korrispondenza bil-posta elettronika ma' l-avukat intern ta' Akzo Nobel (parti mid-dokumenti B);

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' dan l-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza safejn jirrigwardaw l-aggravju mqajjem fl-appell preżenti.

Motivi u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li billi ċaħdet din it-talba, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-liġi Komunitarja. B'mod partikolari, l-appellanti jsostnu li, billi segwiet b'mod strett interpretazzjoni parzjali u letterali ta' xi paragrafi mis-sentenza AM&S EUROPE vs Il-Kummissjoni (1), il-Qorti tal-Prim'Istanza:

1.

tat interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti kif spjegat fis-sentenza AM&S, u b'hekk kisret il-prinċipju ta' ugwaljanza (taqsima B)

2.

sussidjarjament, billi ċaħdet li terġa' tinterpreta l-prinċipju tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti fid-dawl ta' żviluppi sinjifikattivi fl-isfond ġuridiku, kisret il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u taċ-ċertezza legali (taqsima C); u

3.

iktar sussidjarjament, kisret l-Artikolu 5 KE (prinċipju ta' l-attribuzzjoni ta' kompetenzi) u l-prinċipju ta' l-awtonomija tal-proċedimenti nazzjonali (taqsima D).


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Mejju 1982, 155/79, Ġabra p. 1575.