9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/16


Appell imressaq fit-30 ta' Novembru 2007 minn William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-12 ta' Settembru 2007, fil-Kawża T-30/05, William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-534/07 P)

(2008/C 37/21)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH (rappreżentanti: H.-J. Niemeyer u Ch. Herrmann, Rechtsanwälte)

Parti l-oħ ra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

1

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiejiet Ewropej tat-12 ta' Settembru 2007, Kawża T-30/05, safejn din tiċħad it-talbiet tar-rikorrenti;

2

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4221 finali, tas-26 ta' Ottubru 2004, (Kawża COMP/F-1/38.338 — PO/Nadeln), safejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni;

3

sussidjarjament għat-talba magħmula fil-punt 2, tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiġi deċiża;

4

tikkundanna lill-konvenuta fil-kawża fl-ewwel istanza tbati l-ispejjeż kollha

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinjora l-fatt li s-separazzjoni tal-proċedura “oġġetti tal-ħjata”, li għall-ewwel kienet proċedura unika, fil-proċeduri “oġġetti tal-ħjata: labar” u “oġġetti tal-ħjata: żippijiet”, mingħajr ma ġiet indikata r-raġuni għal din is-separazzjoni, tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, b'mod partikolari, id-dritt tagħhom għal smiegħ xieraq.

Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tivverifika jekk is-separazzjoni tal-proċedura “oġġetti tal-ħjata” kinitx illegali minħabba li kien hemm ksur uniku u kontinwat, hija kisret il-prinċipju li ma jistax jiġi miċħud aċċess għall-ġustizzja u d-dritt fundamentali għal protezzjoni legali effettiva.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żbaljata meta eskludiet li kien hemm ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE. Hija kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-espożizjoni, mimlija lakuni, tal-Kummissjoni fir-rigward tad-daqs tas-swieq meqjusa bħala oġġettivament rilevanti u fir-rigward ta' l-effetti konkreti tal-ksur fuq is-suq kienet irrilevanti.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-linji gwida fuq il-kalkolu tal-multi. Hija ddeterminat il-gravità tal-ksur esklużivament billi rreferiet għall-forma astratta tal-ksur u tikkunsidra l-ammont bażi l-aktar baxx tal-multa, li jirrifletti l-livell tal-gravità, bħala ammont minimu li ma jistax jinqabeż. Il-qorti tal-Prim'Istanza rrifjutat ukoll, bi ksur tal-prinċipji ta' l-Istat tad-Dritt u tat-trattament ugwali, li tieħu in kunsiderazzjoni l-waqfien volontarju tal-ksur bħala ċirkustanza attenwanti.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità meta applikat il-linji gwida fuq il-kalkolu tal-multi, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, bl-istess mod formalistiku u unilaterali, kontra r-rikorrenti, bħal ma kienet applikathom il-konvenuta fl-ewwel istanza. Barra minn dan, hija ma wettqet l-ebda evalwazzjoni kumplessiva taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża in kwistjoni iżda eżaminat il-proporzjonalità tal-multa esklużivament fid-dawl ta' kriterji individwali li kienu, skond il-każ, differenti.