26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/37


Appell imressaq fid-29 ta' Novembru 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Awla Manja) fit-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-36/04: Association de la presse internationale ASBL vs Il-Kumissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-532/07 P)

(2008/C 22/66)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliz

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Docksey u P. Aalto, aġenti)

Parti oħra fil-kawża: Association de la presse internationale ASBL (API)

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla s-sentenza kkontestata parzjalment safejn din annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha ġie rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitlub mill-API sa mid-data tas-seduta li tirrigwarda l-kawżi kollha, ħlief dawk għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu;

tagħti deċiżjoni finali fir-rigward ta' l-oqsma kollha li huma s-suġġett ta' dan l-appell;

tordna lir-rikorrenti fil-kawża T-36/04 tħallas l-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni f'dik il-kawża u f'dan l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta interpretat l-eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati b'mod li l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw talbiet ta' aċċess għall-atti f'kawżi li mhumiex għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' Stat fuq il-bażi ta' każ b'każ mid-data tas-seduta. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza mhumiex konsistenti mar-raġunament tagħha, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-interess fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew l-interess ta' persuni oħra msemmija fil-proċedura. Filwaqt li d-dokumenti tal-qorti ppreżentati mill-istituzzjonijiet mhumiex esklużi mill-ambitu tar-Regolament 1049/2001 (1), il-konklużjoni milħuqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandha l-ebda bażi fid-dritt Komunitarju jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta interpretat l-eċċezzjoni ta' l-investigazzjonijiet b'mod li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra talbiet ta' aċċess għall-atti f'kawżi ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' Stat taħt l-Artikolu 226 KE fuq bażi ta' każ b'każ mid-data tas-sentenza, inklużi kawżi li jkunu ġew deċiżi iżda li ma jkunux ġew solvuti, bir-riżultat li l-kapaċità tal-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, li tassigura li l-Istati Membri josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt Komunitarju tiddgħajjef.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta interpretat l- eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati b'mod li l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw talbiet ta' aċċess għall-atti ppreżentati minnhom fuq bażi ta' każ b'każ f'kawżi li jkunu ġew deċiżi iżda li jkunu relatati ma' kawżi pendenti, u bir-riżultat li tiddgħajjef il-kapaċità tagħhom li jiddefendu l-interessi tagħhom quddiem il-qrati Komunitarji u tiddgħajjef ukoll l-kapaċità tal-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, li tinforza d-dritt Komunitarju.


(1)  ĠU L 145, p. 43.