9.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 37/12 |
Appell imressaq fis-27 ta' Novembru 2007 minn Philippe Combescot kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) tat-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-249/04, Combescot vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-525/07 P)
(2008/C 37/15)
Lingwa tal-kawża: It-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Philippe Combescot (rappreżentanti: A. Maritati u V. Messa, avvocati)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
— |
tbiddel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Settembru 2007, fil-kawża T-249/04, tiddikjara l-illegalità tar-RIK miktub mis-Sur M minkejja n-nuqqas ta' kompatibbiltà assoluta milli jaqdi, kif fil-fatt għamel, ir-rwol ta' superjuri inkarigat mill-valutazzjoni tal-professjonalità ta' Combescot. Dan in-nuqqas ta' kompatibbiltà huwa kkaġunat mill-kundizzjoni tar-relazzjoni gravi u ħażina li teżisti bejn ir-rikorrent u s-superjur tiegħu, li ġiet rikonoxxuta b'mod impliċitu mis-Sur M; u, konsegwentement, tirrikonoxxi d-dritt ta' Combescot għall-ħlas ta' kumpens għad-dannu li ġarrab, fuq il-livell morali u tas-saħħa fiżika u mentali kif ukoll tal-ħajja professjonali u tal-karriera, li għandu jkun stabbilit għal valur ta' mhux inqas minn EUR 100 000; |
— |
tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-kwistjoni tirrigwarda l-allegata legalità tal-kitba tar-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera għall-perijodu ta' bejn l-1 ta' Lulju 2001 u l-31 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem ir-RIK). Ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza peress li jqis li r-RIK huwa illegali peress li nkiteb minn persuna, is-Sur M, li għandu relazzjoni ħażina ħafna fil-konfront ta' Combescot, peress li Combescot kien irraporta irregolaritajiet gravi fit-tmexxija li saret fid-Delegazzjoni tal-Gwatemala mis-Sur M stess. Fil-fatt, wara dawn ir-rapporti, l-Istituzzjoni kienet għamlet ispezzjoni fil-Gwatemala u wara, bħala konsegwenza tar-rapport magħmul minn Combescot, fl-20 ta' Settembru 2004, l-OLAF iddeċieda li jibda investigazzjoni li ġiet konkluża bir-rapport finali tat-30 ta' Mejju 2006 (iktar 'il quddiem ir-Rapport OLAF), li ġie ppreżentat ma' l-inkartament ta' din il-kawża, flimkien mar-rapport miktub mill-Kummissjoni ta' investigazzjoni fl-2002. B'dan ir-rikors, id-difensuri ta' Combescot jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tbiddel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej safejn din teskludi l-illegalità tar-RIK u, safejn teskludi li r-rikorrent għandu dritt għall-ħlas ta' kumpens għad-dannu li talab. Għalhekk, permezz ta' dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tiżgura u tafferma li Philippe Combescot, bħala konsegwenza tal-ktib parzjali u b'hekk żbaljat u, fuq kollox illegali tar-RIK għall-perijodu 2001/2002, ġarrab danni gravi ħafna fil-karriera tiegħu, kif ukoll fl-immaġini professjonali tiegħu, u li, barra minn hekk, l-evalwazzjoni tar-RIK, f'kuntest iktar wiesgħa ta' attakki u ta' mġieba ħażina, magħmula mis-superjuri tiegħu, waslet għal tbagħtija u għal inkwiet li wara wassal għal stat gravi ta' depressjoni, kif dokumentat fl-inkartament u kif fuq kollox jinsab aċċertat mill-Istituzzjoni permezz tal-konsulenti mediċi ta' fiduċja tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tevalwa ċ-ċirkostanzi kollha ta' fatt li jiffurmaw din iċ-ċirkostanza, u tqishom kollha bħala rilevanti sabiex tafferma l-illegalità tar-RIK u, konsegwentement, tafferma d-dritt tar-rikorrent għall-kumpens tad-dannu li ġarrab.
Ir-rikorrent jsostni li jeżisti nuqqas ta' koerenza fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li tafferma li l-għanijiet ta' indipendenza u ta' integrità għandhom jitqiesu bħala vinkolanti f'kull sitwazzjoni li fiha l-impjegat għandu jesprimi opinjoni fuq prattika determinata u li, għaldaqstant, dan mgħandux jinsab f'kundizzjoni personali li, indipendentement mis-serenità u mill-korrettezza effettiva tad-deċiżjoni, jista' f'għajnejn terzi persuni jidher bħala kundizzjoni ta' telf ta' indipendenza u ta' oġġettività; u, madankollu, fil-każ tas-Sur M, tasal għall-konklużjonijiet li totalment ma jinftehmux. Ir-rikorrent jsostni wkoll in-nuqqas ta' koerenza tad-deċiżjoni fil-parti fejn tirrikonoxxi li l-inizjattivi meħuda minn Combescot, meta ħa l-kariga ta' Kunsillier Residenti fil-Gwatemala, kienu ddeterminaw sitwazzjoni kemxejn ħażina għas-Sur M. iżda, madankollu, tqis li tali sitwazzjoni ma kienitx adattata sabiex tqiegħed lis-Sur M f'sitwazzjoni ta' nuqqas ta' kompatibilità totali fir-rigward ta' l-inkarigu bħala evalwatur b'applikazzjoni tal-prinċipju ta' imparzjalità u ta' terza parti. Ir-rikorrent jenfasizza li l-ktib tar-RIK jikkonsisti fl-espressjoni ta' ġudizzju diskrezzjonali, b'tali mod li kull kunsiderazzjoni fil-mertu dwar il-ġudizzju stess mgħandha l-ebda valur determinanti u mhix kapaċi li tikkonferma u/jew ixxejjen il-fatt inizjali, jiġifieri li s-Sur M. kiteb l-evalwazzjoni tar-RIK minkejja li kien f'kundizzjoni evidenti ta' relazzjoni gravi u ħażina fil-konfront ta' Combescot. Għaldaqstant, ir-rikorrent jenfasizza kif ma tistax tiġi invokata bħala ċirkostanza rimedjanti l-preżenza ta' persuna, li ma taf xejn dwar ir-relazzjoni bejn Combescot u s-Sur M, fl-inkarigu ta' ko-evalwatur. Għalhekk, ir-rikorrent iqajjem l-argument dwar il-kontenut tar-RIK. Fl-aħħar, ir-rikorrent jinsisti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa' t-talbiet istruttorji.