26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/34


Appell imressaq fit-22 ta' Novembru 2007 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza mogħtija fit-12 ta' Settembru 2007 mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla Estiża) fil-kawża T-196/02, MTU Friedrichshafen GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-520/07 P)

(2008/C 22/62)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: K. Gross, B. Martenczuk, aġenti)

Parti oħra fil-kawża: MTU Friedrichshafen GmbH

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla s-sentenza kkontestata, mogħtija fit-12 ta' Settembru 2007 mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-196/02, MTU Friedrichshafen GmbH vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors bħala infondat,

tikkundanna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tbati kemm l-ispejjeż ta' dan l-appell kif ukoll l-ispejjeż ta' l-ewwel istanza fil-kawża T-196/02.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Qorti tal-Prim'Istanza wetqet żball meta bbażat ruħha fuq il-prinċipju li l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli ma tistax tiġi applikata sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju effettiv ta' l-għajnuna. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw il-ħlas lura ta' għajnuniet illegali jipproċedu regolarment għad-determinazzjoni tal-benefiċjarju effettiv. Din id-determinazzjoni hija fil-fatt indispensabbli sabiex jiġi garantit ħlas lura effikaċi ta' l-għajnuna illegali. Għaldaqstant, il-fatt li tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta' l-għajnuna fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli mhuwiex kompatibbli ma' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat b'mod żbaljat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi ta' sempliċi suppożizzjoni li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta' deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli. Minn naħa, mhijiex meħtieġa ċertezza assoluta fil-kuntest ta' deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ibbażata fuq l-informazzjoni relattiva għall-infiq ta' żvilupp tal-kapaċità kkomunikati mill-kuratur ta' falliment ta' SKL-M. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti li ppermettewlha tikkonkludi li t-trasferiment tal-kapaċità lil MTU irrapreżenta vantaġġ għal din l-impriża.