23.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 51/31


Appell imressaq fl-20 ta' Novembru 2007 minn AGC Flat Glass Europe SA, li qabel kienet Glaverbel SA, kontra s-sentenza mogħtija fit-12 ta' Settembru 2007 mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-141/06: Glaverbel SA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

(Kawża C-513/07 P)

(2008/C 51/53)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellant: AGC Flat Glass Europe SA, li qabel kienet Glaverbel SA (rappreżentanti: S. Möbus u T. Koerl, avukati)

Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Settembru 2007 fil-kawża T-141/06 dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 3183068;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

L-appellanti tafferma li s-sentenza kkontestata tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) kkawżata minn evalwazzjoni żbaljata tal-pubbliku rilevanti u evalwazzjoni żbaljata tat-territorju li għandu jiġi eżaminat.

1.

Bil-kontra ta' l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn speċjalisti fl-industrija tal-ħġieġ. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-pubbliku rilevanti.

2.

Bil-kontra ta' l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza, l-appellat eżamina b'mod żbaljat il-provi mressqa f'dak li jirrigwarda l-karattru distintiv miksub għal kull Stat Membru b'mod separat safejn dan jidher li jikser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, li jeżiġi karattru distintiv miksub permezz ta' użu fil-Komunità kollha. Dak li kellu jagħmel l-appellat — minflok ma jevalwa n-numru ta' Stati Membri — huwa li jeżamina l-provi pprovduti b'mod globali u jevalwa jekk dawn jifformawx stampa koerenti ta' użu f'żona ġeografika kbira biżżejjed matul perijodu twil biżżejjed qabel id-data tal-preżentata ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1).