9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fid-19 ta' Novembru 2007 — Compañía Española de Comercialización de Aceite, SA vs Asociación Española de la Industria y Comercio Exportador de Aceite de Oliva (ASOLIVA), Asociación Nacional de Industriales Envasadores y Refinadores de Aceites Comestibles (ANIERAC) u Administración del Estado

(Kawża C-505/07)

(2008/C 37/06)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Compañía Española de Comercialización de Aceite, SA

Partijiet oħra: Asociación Española de la Industria y Comercio Exportador de Aceite de Oliva (ASOLIVA), Asociación Nacional de Industriales Envasadores y Refinadores de Aceites Comestibles (ANIERAC) u Administración del Estado

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 12a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE (1), tat-22 ta' Settembru 1966, dwar l-istabbiliment ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet, kif emendat mir Regolament 1638/98 (2), jippermetti li fost il-“korpi” awtorizzati biex jikkonkludu kuntratti għall-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa tiġi inkluża kumpannija, li l-maġġoranza ta' l-azzjonisti tagħha jkunu produtturi, magħsri taż-żejt u kooperattivi ta' kultivaturi tas-siġar taż-żebbuġ, kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji? Kumpannija li jkollha dawn il-karatteristiċi tista' tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għall-gruppi ta' produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom rikonoxxuti mir-Regolament (KE) Nru 952/97 (3)?

2)

F'każ li l-kumpannija tista' tiġi inkluża fost il-“korpi” li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet ta' ħżin, l-“approvazzjoni mill-Istat” li dawn il-korpi għandu jkollhom skond l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66 tista' tinkiseb fil-kuntest ta' applikazzjoni għal eżenzjoni (“awtorizzazzjoni”) individwali ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni?

3)

L-Artikolu 12a tar-Regolament 136/66 jeżiġi b'mod imperattiv li l-Kummissjoni tawtorizza f'kull każ il-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa jew, fil-każ kuntrarju, dan l-Artikolu huwa kompatibbli ma' l-eżistenza ta' mekkaniżmu miftiehem bejn il-produtturi biex jinxtara u jinħażen l-imsemmi żejt taż-żebbuġa, iffinanzjat b'mod privat, li jiġi attivat biss taħt l-istess termini u kundizzjonijiet bħal dawk li jattivaw il-ħżin privat iffinanzjat mill-Komunità, bil-għan li dan il-ħżin iffinanzjat mill-Komunità jiġi ssupplementat u jiġi reż iktar effettiv, mingħajr ma jinqabżu l-limiti tiegħu?

4)

Il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003 (C-137/00, Milk Marque) fir-rigward ta' l-applikazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, tar-regoli nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għal ftehim bejn produtturi li jistgħu, bħala regola, jaqgħu taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26 (4) (li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta' prodotti agrikoli) jista' jiġi estiż għall-ftehim li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom u minħabba l-karatteristiċi tas-settur in kwistjoni, jistgħu jinfluwenzaw is-suq Komunitarju taż-żejt taż-żebbuġa b'mod ġenerali?

5)

F'każ li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma awtorizzati japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-imsemmija ftehim li jistgħu jaffettwaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tax-xaħmijiet, dawn l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw b'mod assolut li kumpannija bħar-rikorrenti tkun tista' tuża l-mekkaniżmi ta' ħażna taż-żejt taż-żebbuġa, anki f'każijiet ta' “tfixkil serju” fis-sens ta' l-Artikolu 12a tar-Regolament 136/66?


(1)  ĠU 172, p. 3025.

(2)  Regolament tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 136/66/KEE dwar l-istabbiliment ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU L 210, p. 32).

(3)  Regolament tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Mejju 1997, dwar gruppi ta' produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom (ĠU L 142, p.30).

(4)  ĠU 30, p. 993.