26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/27


Appell imressaq fis-16 ta' Novembru 2007 minn Aceites del Sur-Coosur, S.A., li qabel kienet Aceites del Sur, S.A. kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) mogħtija fit-12 ta' Settembru 2007 fil-kawża T-363/04, Koipe Corporación, S.L. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni)

(Kawża C-498/07 P)

(2008/C 22/53)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Aceites del Sur-Coosur, S.A., li qabel kienet Aceites del Sur, S.A. (rappreżentant J.-M. Otero Lastres, abogado)

Partijiet l-oħra fil-kawża: Koipe Corporación, S.L. u L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni)

Talbiet tal-rikorrenti

li jitqies li ġie ppreżentat fit-termini u l-forom stipulati l-appell imressaq, minħabba ksur tad-dritt Komunitarju, kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) tat-12 ta' Settembru 2007 fil-kawża T-363/07;

li, skond l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, jintlaqa' r-rikors u, b'konsegwenza, li d-deċiżjoni ċcitata tal-Qorti tal-Prim'Istanza tiġi annullata kollha kemm hi;

li, jekk iċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni jippermettu, il-kontroversja tinqata' definittivament;

li sussidjarjament, il-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tagħti deċiżjoni skond il-kriterji vinkolanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk tikkunsidra neċessarju, tindika liema huma l-effetti tas-sentenza annullata li għandhom jitqiesu li huma definittivi għall-partijiet fil-kawża, filwaqt li tiddeċiedi, skond l-Artikolu 112 tar-Regoli tal-Proċedura, li r-rikorrenti, li hija l-kontropartiparti f'din il-kawża, tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-preżenti appell kontra s-sentenza ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Settembre 2007 huwa bbażat fuq iż-żewġ motivi li ġejjin:

1.   Ksur ta' l-Artikolu 8(1) u (2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94 (1)

L-ewwel ksur tad-dritt Komunitarju imwettaq mis-sentenza kkontestata jikkonsisti f'li tqieset “irrilevanti” il-kwistjoni li jiġi stabbilit li t-trade marks tat-tip opposti minn CARBONELL għall-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja LA ESPAÑOLA Nru 236588 ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu trade marks “preċedenti”.

Peress li applikat l-Artikolu 8(1) u (2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza kellha teskludi t-trade mark Komunitarja CARBONELL Nru 338681 ta' KOIPE mit-trade marks li ġew invokati peress li din ir-reġistrazzjoni Komunitarja mhijiex trade mark preċedenti skond l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94. Kieku l-proċedura saret b'dan il-mod, l-uniċi trade marks preċedenti ta' KOIPE li jistgħu jopponu l-applikazjoni għal trade mark Komunitarja LA ESPAÑOLA Nru 236588 huma r-reġistrazzjonijiet Spanjoli tat-trade mark CARBONELL Nru 994364, 1238745 u 1698613.

Hekk kif iddefiniti, it-trade marks preċedenti li jistgħu jopponu l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja LA ESPAÑOLA Nru 236588 isibu ruħhom, għall-finijiet ta' l-Artikolu 8(1)(b) quddiem trade marks protetti fit-territorju Spanjol. Dan ifisser li l-kwistjoni ta' l-eżistenza tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja LA ESPAÑOLA Nru 236588 u ta' trade marks preċedenti invokati minn KOIPE għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tal-pubbliku tat-territorju Spanjol, li huwa l-post fejn it-trade marks preċedenti ta' KOIPE huma protetti, u mhux tal-pubbliku tat-territorju Komunitarju kollu, peress li ma hemm ebda trade mark Komunitarja fost it-trade marks preċedenti.

2.   Ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jirregola, kif inhu magħruf, ir-rifjut fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' applikazzjoni għal trade mark Komunitarja minħabba l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja mitluba u waħda jew aktar mit-trade marks preċedenti invokati. Madankollu, is-sentenza kkontestata kisret dan il-prinċipju minħabba ż-żewġ motivi li ġejjin:

L-ewwel parti

Riperkussjonijiet ta' l-indebita delimitazzjoni tat-trade marks preċedenti li jistgħu jopponu l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja LA ESPAÑOLA Nru 236588.

L-ewwel ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) li qed jiġi ddenunzjat għandu bħala punt ta' tluq l-indebita delimitazzjoni tat-trade marks “preċedenti” li jistgħu jopponu l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u jirreferi għar-riperkussjonijiet li din l-indebita delimitazzjoni tat-trade marks preċedenti invokati kellha fuq il-mod li bih is-sentenza kkontestata applikat l-Artikolu 8(1)(b) għall-kwistjoni li hija s-suġġett ta' din il-proċedura.

Minn dak kollu invokat f'din l-ewwel parti, għandu jiġi konkluż li s-sentenza kkontestata kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li:

ma kkunsidratx unikament bħala trade marks precedenti opponibbli t-trade marks Spanjoli CARBONELL Nru 994364, 1238745 u 1698613;

ma eskludietx esplicitament it-trade mark Komunitarja suċċessiva CARBONELL Nru 338681 mit-trade marks invokati;

bħala konsegwenza taż-żewġ affermazzjonijiet preċedenti, ma għamlitx delimitazzjoni korretta ta' “publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta” minħabba li peress li huma trade marks preċedenti esklużivament Spanoli, il-pubbliku tat-territorju rilevanti kien il-konsumatur Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa;

għalkemm għamlet riferiment f'uħud mill-punti tal-motivi għas-“suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa” hija kkunsidrat din il-informazzjoni b'mod parzjali u limitat ħafna, peress li ħaditha in kunsiderazzjoni biss meta evalwat il-karattru distintiv ta' l-elementi figurattivi tat-trade marks in kwistjoni;

b'konsegwenza, ma ħaditx in kunsiderazzjoni din l-informazzjoni la biex tevalwa l-fattur tax-xebh tas-sinjali kollu kemm hu (peress li ma jintqal xejn dwar is-“suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa” sabiex jiġi evalwat, per eżempju, il-karattru distintiv ta' l-elementi verbali tas-sinjali in kwistjoni) u lanqas biex tikkunsidra fatturi oħra li wkoll huma rilevanti għal dan il-każ sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza jew le tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni.

It-tieni parti

Impatt ta' l-indebita delimitazzjoni tat-trade marks invokati fil-parametru tal- pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Determinazzjoni mhux preciża u evalwazzjoni sussegwenti tal-fatturi rilevanti sabiex il-probabbiltà ta' konfużjoni tiġi evalwata.

L-argumenti qed jiġu dedotti sabiex jiġi ġġustifikat il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) indikat f'din it-tieni parti huma bbażati fuq żewġ pilastri jew fundamenti. Minn naħa, fuq dak kollu li preċedentement kien ġie żviluppat rigward l-indebita delimitazzjoni tat-“trade marks preċedenti invokati” u l-influwenza tagħha fil-paramentru tal-“pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta”. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' determinazzjoni mhux preċiża u l-evalwazzjoni li ssegwi tal-fatturi kollha li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk kinitx teżisti jew le probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark Komuntiarja li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni LA ESPAÑOLA Nru 236588 u t-trade marks preċedenti invokati, it-trade marks Spanjoli CARBONELL Nru 994364, 1238745 u 1698613.

L-argumenti li fuqhom din il-parti tibbaża l-argument tagħha li bihom is-sentenza kkontestata kisret l-Artikolu 8(1)(b) minħabba applikazzjoni indebita huma s-segwenti:

is-sentenza kkontestata ma eżaminatx is-sinjali in kwistjoni abbażi tal-kriterju ta' l-“evalwazzjoni globali” u ta' l-“impressjoni sħiħa” iżda skond viżjoni separata u suċċessiva u, għaldaqstant “analitika” ta' l-elementi li jikkostitwixxu t-trade marks komposti in kwistjoni, b'mod li għaldaqstant kisret l-Artikolu 8(1)(b) u l-ġurisprudenza Komunitarja li tipprovdi interpretazzjoni tiegħu;

is-sentenza kkontestata ma għamlitx dak li kellha l-obbligu li tagħmel fl-ewwel lok, jiġifieri li teżamina t-trade marks fid-dawl tal-kriterju ta' l-“evalwazzjoni globali” u ta' “l-impressjoni sħiħa” li kienu jipproduċu t-trade marks in kwistjoni. Mhux talli ma operatx b'dan il-mod, iżda s-sentenza kkontestata segwiet, sa mill-bidu, metodu analitiku u wara għamlet eżami separat u suċċessiv ta' l-elementi figurattivi, minn naħa (punti 75-87, it-tnejn inklużi), u verbali, min-naħa l-oħra (punti 88-93), fejn attribwixxiet piż deċiżiv fuq l-elementi figurattivi u ċaħdet kwalunkwe rilevanza, anki jekk minima, ta' l-elementi verbali. Huwa ċert li s-sentenza kkontestata tasal sabiex tirreferi għall-kriterju ta' l-evawlazzjoni globali u ta' l-impressjoni sħiħa (punt 99), iżda mhuwiex biżżejjed li jiġi ċċitat u rripetut kriterju ġurisprudenzjali sabiex ikun hemm għarfien tal-fatti tal-kawża, iżda jeħtieġ li jiġi segwit u applikat b'mod korrett fil-każ in eżami. U s-sentenza kkontestata m'għamlitx dan. Fil-fatt, meta evalwat il-fattur tax-xebh tas-sinjali in kwistjoni, is-sentenza kkontestata ma applikatx bħala kriterju primarju u prinċipali dak ta' l-evalwazzjoni globali u ta' l-imperssjoni sħiħa, iżda segwiet kriterju analitiku, billi pproċediet, fl-ewwel lok, għal qsim tat-trade marks fl-elementi figurattivi u verbali tagħhom, u wara għal evawlazzjoni separata, fl-ewwel lok, ta' l-elementi figurattivi tat-trade marks in kwistjoni; u sussegwentement ta' l-element verbali LA ESPAÑOLA billi naqset milli tagħmel kwalunkwe riferiment għall-element verbali ieħor tat-trade marks invokati, l-isem CARBONELL;

Min-naħa l-oħra, is-sentenza kkontestata kisret ukoll l-Artikolu 8(1)(b) billi naqset milli tevalwa żewġ fatturi rilevanti għall-każ in eżami, bħal dak tal-koeżistenza preċedenti għal żmien twil u dak tar-reputazzjoni, li kienu rilevanti sew sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni LA ESPAÑOLA Nru 236588 u t-trade marks Spanjoli preċedenti opposti CARBONELL.

Il-perċezzjoni tal-konsumatur medju Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa u l-preżunta probabbiltà ta' konfużjoni tat-trade marks in kwisjtoni.

Is-sentenza kkontestata, għalkemm tirreferi għall-profil tal-konsumatur medju żviluppat mill-ġurisprudenza Komunitarja, ma tutilizzax dan il-prototipu ta' konsumatur iżda tagħti bħala profil tal-konsumatur medju Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa konsumatur li huwa aktar qrib għall-prototipu tal-konsumatur medju li għalih il-ġurisprudenza Ġermaniża tirreferi: “konsumatur negliġenti u li ma jirriflettix” — milli l-prototipu ta' konsumatur Ewropew magħżul mill-ġurisprudenza Komunitarja “konsumatur normalment informat u raġunevolment attent u prudenti”(sentenzi LLOYD, punt 26, u PICASSO, punt 38). Minbarra dan l-iżball gravi, is-sentenza kkontestata tagħmel ieħor li huwa rilevanti bl-istess mod, li huwa li “tieħu in kunsiderazzjoni l-livell ta' attenzjoni l-aktar minimu” li l-pubbliku jista' jagħti għat-trade marks taż-żejt taż-żebbuġa, minflok ma tieħu in kunsiderazzjoni l-livell ta' attenzjoni li normalment jagħti l-konsumatur medju Spanjol taż-żejt taż-żebbuġa normalment informat u raġunevolment attent u prudenti.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/91 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja.