12.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 8/7


Appell imressaq fil-5 ta' Novembru 2007 minn Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG kontra d-digriet mogħti mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tieni Awla) fit-28 ta' Awwissu 2007 fil-kawża T-46/06, Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-483/07 P)

(2008/C 8/13)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG (rappreżentant: K. Bott, avukat)

Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

1.

Tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Awwissu 2007 u

2.

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta li tirriżerva l-isem tad-dominju “galileo.eu”;

3.

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż ta' dan l-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

4.

sussidjarjament biss għat-talbiet 2) u 3), tordna li l-proċeduri jiġu rrinvjati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż ta' dan l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell ir-rikorrenti ssostni li seħħ ksur tad-dritt Komunitarju (l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 58(1) ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja), jiġifieri, tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet dan il-ksur meta kkunsidrat ir-rikors tar-rikorrenti inammissibbli għar-raġuni li d-deċiżjoni tal-konvenuta li tirriżerva għaliha l-isem tad-dominju “galileo.eu”, ikkontestata mir-rikorrenti, ma “tikkonċernax individwalment” lir-rikorrenti. Fid-dawl tad-drittijiet tagħha marbuta mat-trade mark verbali Ġermaniż “Galileo”, meħuda in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni ġuridika tagħha fir-rigward tal-proċedura għar-reġistrazzjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/200, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-isem tad-dominju “galileo.eu” huwa oġġett b'valur ekonomiku li jista' jiġi kkummerċjalizzat u li jista' jingħata darba waħda biss, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżerva għaliha l-isem tad-dominju “galileo.eu” tikkonċernaha individwalment fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.