12.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 8/6


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Rechtbank 's-Gravenhage (L-Olanda) fit-2 ta' Novembru 2007 — AHP Manufacturing BV vs Bureau voor de Industriële Eigendom, li jopera wkoll bl-isem Octrooicentrum Nederland

(Kawża C-482/07)

(2008/C 8/12)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank 's-Gravenhage

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AHP Manufacturing BV

Konvenuti: Bureau voor de Industriële Eigendom (Uffiċċju għall-Proprjetà Industrijali), li jopera wkoll bl-isem Octrooicentrum Nederland (Ċentru Olandiż għall-Privattivi )

Domandi preliminari

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (1) (KEE) Nru 1768/92, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta' ċertifikat ta' protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU L 182, p. 1, kif emendat sussegwentement), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1)(c) tiegħu, jipprekludi li jingħata ċertifikat lid-detentur ta' privattiva bażika għal prodott li fir-rigward tiegħu jkun diġà ngħata ċertifikat jew diversi ċertifikati lil detentur jew lil diversi detenturi ta' privattiva jew ta' diversi privattivi bażiċi oħra fil-mument tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal ċertifikat?

2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1610/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tat-23 ta' Lulju 1996, dwar il-ħolqien ta' kull ċertifikat supplimentari ta' ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 198, p. 30, kif emendat sussegwentement), u b'mod aktar partikolari s-17-il premessa u t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 3(2), iwassal għal risposta differenti għall-ewwel domanda?

3)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa rilevanti li l-applikazzjoni li tkun ippreżentata l-aħħar, l-istess bħall-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet preċedenti, tkun ġiet ippreżentata fit-terminu previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1768/92, pjuttost milli fit-terminu previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1768/92?

4)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa rilevanti li l-perijodu ta' protezzjoni mogħtija mill-ħruġ ta' ċertifikat taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1768/92 jiskadi fl-istess mument bħal jew f'mument aktar tard mill-perijodu ta' protezzjoni mogħtija minn ċertifikat jew minn diversi ċertifikati li jkunu diġà ngħataw għall-istess prodott?

5)

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preċedenti, huwa rilevanti li r-Regolament (KE) Nru 1768/92 ma jippreċiżax it-terminu li fih l-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni għal ċertifikat u eventwalment joħorġuh, ħaġa din li twassal għal differenza fil-ħeffa ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li tista' tkun is-sors ta' differenzi fil-possibbiltà li jinħareġ ċertifikat?


(1)  ĠU L 182, p. 1.

(2)  ĠU L 198, p. 30.