Kawżi magħquda C-570/07 u C-571/07

José Manuel Blanco Pérez

u

María del Pilar Chao Gómez

vs

Consejería de Salud y Servicios Sanitarios

u

Principado de Asturias

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Asturias)

“Artikolu 49 TFUE — Direttiva 2005/36/KE — Libertà ta’ stabbiliment — Saħħa pubblika — Spiżeriji — Prossimità — Provvista ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni — Awtorizzazzjoni għall-użu — Tqassim territorjali tal-ispiżeriji — Limiti stabbiliti abbażi tal-kriterju ta’ densità demografika — Distanza minima bejn l-ispiżeriji — Kandidati li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’parti mit-territorju nazzjonali — Prijorità — Diskriminazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni amministrattiva qabel il-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’reġjun determinat

(Artikolu 49 TFUE)

2.        Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni amministrattiva qabel il-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’reġjun determinat

(Artikolu 49 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 85/432, Artikolu 1(1) u (2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36, Artikolu 45(2)(e) u (g))

1.        L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala regola ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda, li tistabbilixxi li

- f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda;

- spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il‑limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident, u

- kull spiżerija għandha tosserva distanza minima meta mqabbla mal-ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu r-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident jew ta’ 250 metru jfixklu, f’kull żona ġeografika b’karatteristiċi demografiċi partikolari, il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adegwat, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika.

Fil-fatt, Stat Membru jista’ jqis li jeżisti riskju ta’ nuqqas ta’ spiżeriji f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, u, għaldaqstant, ta’ nuqqas ta’ provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali u, isegwi li fid-dawl ta’ dan ir-riskju, Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li tista’ tinfetaħ biss spiżerija waħda għal ċertu numru ta’ residenti, b’mod li tqassam l-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali. Sabiex jiġi kkonstatat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ssegwix b’mod koerenti u sistematiku l-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l‑awtoritajiet kompetenti jużawx miżuri ta’ aġġustament previsti minn din il-leġiżlazzjoni u li jippermettu (1) li jittaffew il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tar-regola bażika ta’ 2 800 resident, (2) li jawtorizzaw, minħabba l-konċentrazzjoni tal‑popolazzjoni, distanza iżgħar bejn l-ispiżeriji, u b’hekk iżidu n-numru ta’ spiżeriji disponibbli fiż-żoni b’konċentrazzjoni kbira ta’ popolazzjoni u (3) jinterpretaw ir-regola ġenerali bħala regola li tippermetti li tingħata awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ spiżerija f’distanza inqas minn 250 metru, mhux biss f’każijiet kompletament eċċezzjonali, imma kull darba li l-applikazzjoni stretta tar-regola ġenerali ta’ 250 metru tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’ċerti żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni demografika qawwija.

Barra minn hekk, peress li, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, Stat Membru jista’ jqis li s-sistema “a minima”, li biha jistabbilixxi numru minimu ta’ spiżeriji fiż-żoni ġeografiċi determinati, ma tippermettix li jintlaħaq – bl-istess effikaċja bħas-sistema attwali – l-għan intiż sabiex jiżgura provvista garantita u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali fiż-żoni l‑inqas imfittxija, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan intiż.

(ara l-punti 75, 76, 78, 84, 95, 98, 100-102, 105, 106, 112, 113 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tad‑Direttiva 85/432, jikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija, u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad‑Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterji previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li bihom jintgħażlu l‑proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda, intiża, l-ewwel nett, għaż-żieda, b’20 % tal-merti professjonali dwar l-eżerċizzju tal-professjoni miksuba fuq parti determinata tat-territorju nazzjonali u, it-tieni nett, sabiex, fil-każ ta’ ugwaljanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskala, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw skont ordni li jagħti priorità lill-ispiżjara li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fl-imsemmija parti tat-territorju nazzjonali.

Fil-fatt, dawn il-kriterji huma naturalment iktar faċli sabiex jintlaħqu għall-ispiżjara nazzjonali, li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom ħafna drabi fit-territorju nazzjonali tagħhom, milli għall-ispiżjara ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jeżerċitaw din l-attività ħafna drabi fi Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 21, 122-125 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2005/36/KE – Libertà ta’ stabbiliment – Saħħa pubblika – Spiżeriji – Prossimità – Provvista ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni – Awtorizzazzjoni għall-użu – Tqassim territorjali tal-ispiżeriji – Limiti stabbiliti abbażi tal-kriterju ta’ densità demografika – Distanza minima bejn l-ispiżeriji – Kandidati li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’parti mit-territorju nazzjonali – Prijorità – Diskriminazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑570/07 u C‑571/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Asturias (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru u tat-22 ta’ Ottubru 2007, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru u s-27 ta’ Diċembru 2007, fil-proċeduri

José Manuel Blanco Pérez,

María del Pilar Chao Gómez

vs

Consejería de Salud y Servicios Sanitarios (C-570/07),

Principado de Asturias (C-571/07),

fil-preżenza ta’

Federación Empresarial de Farmacéuticos Españoles (C-570/07),

Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias (C-570/07),

Celso Fernández Gómez (C-571/07),

Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España,

Plataforma para la Defensa del Modelo Mediterráneo de Farmacias,

Muy Ilustre Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia,

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Blanco Pérez, Chao Gómez u l-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias, minn D. Cueva Díaz, avukat,

–        għall-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u l-Principado de Asturias, minn R. Paredes Ojanguren, avukat,

–        għall-Federación Empresarial de Farmacéuticos Españoles, minn R. Ariño Sánchez, avukat,

–        għall-Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España, minn A. García Castillo, C. Ruixo Claramunt, M. Troncoso Ferrer u I. Igartua Arregui, avukati,

–        għall-Plataforma para la Defensa del Modelo Mediterráneo de Farmacias u l-Muy Ilustre Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia, minn E. Navarro Varona u E. García Aguado, avukati,

–        għall-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), minn J. Pérez-Bustamante Köster, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn S. Alexandridou u V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u T. Kröll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. P. Antunes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, R. Vidal Puig u G. Luengo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn J.-M. Blanco Pérez u M. Chao Gómez u l-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios (awtorità tas-saħħa u tas‑servizzi sanitarji) (C‑570/07) kif ukoll il-Principado de Asturias (C-571/07) dwar sejħa għal kandidaturi sabiex jingħataw awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), li, essenzjalment, hija bħat-tieni premessa tad‑Direttiva tal-Kunsill 85/432/KE, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l‑koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 129):

“Din id-Direttiva ma tikkordinax il-kondizzjonijiet kollha għall-aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. B’mod partikolari, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispiżjeriji u l-monopolju fl-għotja ta’ mediċini jibqgħu kwistjonijiet f’idejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva ma tibdilx id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jżommu kumpanniji milli jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ spiżjara jew li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għal ċerti kondizzjonijiet.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l‑aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall‑kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi [...] għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar [...] u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni”.

5        L-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ spiżjar” jipprovdi:

“1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet ta’ spiżjar huma dawk, li l-aċċess għalihom u l-eżerċizzju tagħhom jiddependi, f’wieħed mill-Istati Membri jew aktar, mill-kwalifiki professjonali u li huma miftuħa għat-titolari ta’ provi ta’ kwalifiki formali tat-tipi elenkati fl-Anness V, punt 5.6.2.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-titolari ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell ikkunsidrat bħala ekwivalenti, li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44, jistgħu jgawdu aċċess għal u jwettqu mhux inqas minn l-attivitajiet li ġejjin, soġġett għar-rekwiżit, fejn xieraq, ta’ esperjenza professjonali supplimentari:

a)      il-preparazzjoni tal-forma farmaċewtika ta’ prodotti mediċinali;

b)      il-fabbrikazzjoni u l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali;

c)      l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali f’laboratorju għall-kontroll tal-prodotti mediċinali;

d)      il-ħażna, il-preservazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa;

e)      il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u l-provvista ta’ prodotti mediċinali fl-ispiżjeriji miftuħa għall-pubbliku;

f)      il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u t-tqassim ta’ prodotti mediċinali fl-isptarijiet;

g)      l-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prodotti mediċinalil-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prodotti mediċinali.

[…]

5.      Jekk, fis-16 ta’ Settembru 1985, Stat Membru kellu eżami kompetittiv intiż sabiex jintgħażlu minn fost it-titolari msemmija fil-paragrafu 2, dawk li għandhom ikunu awtorizzati li jsiru sidien ta’ farmaċiji ġodda li l-kreazzjoni tagħhom kienet deċiża bħala parti minn sistema nazzjonali ta’ diviżjoni ġeografika, dak l-Istat Membru jista’, b’deroga mill-paragrafu 1, jipproċedi b’dak l-eżami u jirrikjedi ċittadini ta’ Stati Membri li għandhom provi ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Anness V, punt 5.6.2 jew li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 [dwar id-drittijiet miksuba], sabiex jipparteċipaw fih.”

6        Il-paragrafi 2 u 5 tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2005/36 huma, essenzjalment, bħall-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/432.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Mill-Artikolu 103(3) tal-liġi ġenerali 14/1986, dwar is-saħħa (Ley General de Sanidad 14/1986), tal-25 ta’ April 1986 (BOE Nru 102, tad-29 ta’ April 1986, p. 15207), jirriżulta li d-diversi spiżeriji huma suġġetti għal pjan sanitarju skont il‑kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni speċjali dwar il-mediċini u l‑ispiżeriji.

8        L-Artikolu 2 tal-liġi 16/1997, dwar ir-regolamentazzjoni tal-ispiżeriji (Ley de Regulación de los Servicios de las Oficinas de Farmacia 16/1997), tal-25 ta’ April 1997 (BOE Nru 100, tas-26 ta’ April 1997, p. 13450), jipprovdi:

“1.      […] Sabiex jiġu organizzati s-servizzi farmaċewtiċi pprovduti lill‑popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi, li għandhom l-obbligu jivverifikaw li dawn is-servizzi jiġu żgurati, għandhom jistabbilixxu kriterji speċifiċi ta’ pjanifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spiżeriji.

[…]

2.       Il-pjanifikazzjoni tal-ispiżeriji għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-densità demografika, il-karatteristiċi ġeografiċi u t-tqassim tal-popolazzjoni, b’mod li jiġu ggarantiti l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizz u provvista adegwata tal-mediċini, fid-dawl tal-bżonnijiet mediċi ta’ kull territorju.

It-tqassim territorjali ta’ dawn l-istabbilimenti għandu jsir fid-dawl tan-numru ta’ residenti għal kull spiżerija u tad-distanza bejn l-ispiżeriji, stabbiliti mill-Komunitajiet Awtonomi, skont il-kriterji ġenerali msemmija iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli ta’ tqassim territorjali għandhom jiggarantixxu servizz farmaċewtiku adattat għall-popolazzjoni.

3.      Il-porzjon minimu ta’ popolazzjoni sabiex jiġi permess il-ftuħ ta’ spiżerija huwa, bħala regola ġenerali, ta’ 2 800 resident għal kull stabbiliment. Skont il‑konċentrazzjoni tal-popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni ogħla, li ma jistgħux jaqbżu l-4 000 resident għal kull spiżerija. Fi kwalunkwe każ, meta jintlaħqu l-limiti, tkun tista’ tinfetaħ spiżerija oħra għal kull frazzjoni ogħla minn 2 000 resident.

Bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni iżgħar għaż-żoni rurali, turistiċi, fil-muntanja, jew għaż-żoni fejn, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi, demografiċi jew sanitarji tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali ma jippermettux li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku.

4.      Id-distanza minima bejn l-ispiżeriji, fid-dawl tal-kriterji ġeografiċi u t-tqassim tal-popolazzjoni, hija, bħala regola ġenerali, ta’ 250 metru. Skont il-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jawtorizzaw distanzi iqsar bejniethom; bl-istess mod, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu limiti għall-ftuħ ta’ spiżeriji viċin ċentri mediċi.”

9        Skont din il-leġiżlazzjoni, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias adottat id‑Digriet 72/2001 li jirregola l-ispiżeriji u s-servizzi ta’ spiżerija fil-Prinċipat ta’ Asturias (Decreto 72/2001 regulador de las oficinas de farmacia y botiquines en el Principado de Asturias) tad-19 ta’ Lulju 2001 (BOPA Nru 175, tat-28 ta’ Lulju 2001, p. 10135).

10      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“It-territorju tal-Komunità Awtonoma huwa maqsum f’żoni farmaċewtiċi li jikkoinċidu, bħala regola, maż-żoni sanitarji bażiċi li huma stabbiliti fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni sanitarja tal-Prinċipat ta’ Asturias.”

11      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u mill-Principado de Asturias, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias hija maqsuma fi 68 żona sanitarja bażika li jikkoinċidu, bħala regola, maż-żoni farmaċewtiċi.

12      L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess digriet jistabbilixxi:

“1.      F’kull żona farmaċewtika, in-numru ta’ spiżeriji jirrispetta l-porzjon ta’ popolazzjoni ta’ 2 800 resident għal kull spiżerija. Meta dan il-limitu jinqabeż, tkun tista’ tinfetaħ spiżerija oħra għal kull frazzjoni ogħla minn 2 000 resident.

2.      Fiż-żoni sanitarji bażiċi u fid-distretti kollha, jista’ jkun hemm tal-anqas spiżerija waħda.”

13      L-Artikolu 3 tad-Digriet 72/2001 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan id-digriet, il-kalkol u tal-popolazzjoni għandu jsir abbażi tal‑informazzjoni li tirriżulta mill-aħħar reviżjoni taċ-ċensiment muniċipali.”

14      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“1.      Id-distanza minima bejn l-ispiżeriji hija, bħala regola, ta’ 250 metru tkun liema tkun iż-żona farmaċewtika li jkunu jinsabu fiha.

2.      Din id-distanza minima ta’ 250 metru għandha tiġi rrispettata wkoll fir‑rigward taċ-ċentri tas-saħħa ta’ kwalunkwe żona farmaċewtika, irrispettivament mill-fatt jekk dawn humiex ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati marbutin b’kuntratt biex jipprovdu kura li ma tingħatax fl-isptarijiet jew dik li tingħata fl-isptarijiet, li joffru konsultazzjonijiet esterni jew li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza, u irrispettivament mill-fatt jekk dawn humiex qegħdin jiffunzjonaw diġà jew jekk għadhomx fi stat ta’ kostruzzjoni.

Dan ir-rekwiżit tad-distanza bejn iċ-ċentri tas-saħħa ma għandux japplika f’żoni farmaċewtiċi fejn hemm biss spiżerija waħda jew fi bliet li fil-preżent għandhom spiżerija waħda biss, u fejn mhux maħsub, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, li jinfetħu spiżeriji ġodda.

[…]”

15      Il-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ hija rregolata mill-Artikoli 6 sa 17 tad-Digriet 72/2001.

16      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias għandha, b’mod partikolari, tiftaħ ex officio, proċedura tal-anqas darba fis-sena sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tad‑densità demografika.

17      Is-sejħa għal applikazzjoni tindika ż-żona farmaċewtika u, jekk ikun il-każ, il‑komun u l-lokalità tal-ispiżerija. Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għall‑applikazzjoni, l-ispiżjara interessati għandhom jippreżentaw l‑applikazzjonijiet u d-dokumenti li jattestaw l-kwalifiki tagħhom. Sussegwentement, għandha tiltaqa’ kummissjoni magħmula minn membri tal‑amministrazzjoni, tal-ordni professjonali u ta’ assoċjazzjonijiet professjonali sabiex tevalwa l-kwalifiki tal-kandidati.

18      Wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, l-ispiżjar magħżul għandu jindika l-post fejn ikun ser jeżerċita l-attività tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk il-kriterji ta’ pjanifikazzjoni territorjali imposti mil-leġiżlazzjoni humiex irrispettati.

19      Id-Digriet 72/2001 jipprovdi wkoll, fl-anness, skala ta’ kwalifiki li jinkludu l‑kriterji li, fil-proċedura msemmija iktar ’il fuq, il-kandidati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni sabiex isiru l-proprjetarji ta’ spiżerija ġdida, huma evalwati abbażi tagħhom.

20      L-iskala ta’ kwalifiki tevalwa l-kandidati b’mod partikolari skont il-kwalifiki akkademiċi, l-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll l-esperjenza akkademika tagħhom.

21      Id-Digriet 72/2001 jipprovdi wkoll fil-punti 4 u 7 ta’ dan l-anness:

“4.      La l-esperjenza professjonali bħala spiżjar proprjetarju jew ko-proprjetarju ta’ spiżerija u lanqas kwalunkwe tip ieħor ta’ kwalifika ma tkun tgħodd jekk waħda jew l-oħra tkun diġà ntużat fil-passat sabiex dak li jkun jakkwista l-awtorizzazzjoni għall-istabbiliment.

[…]

6.      Il-kwalifiki professjonali relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni miksuba fit-territorji tal-Prinċipat ta’ Asturias għandhom jiżdiedu b’20 %.

7.      Fil-każ li tirriżulta ugwalità fl-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont l-ordni ta’ priorità li ġej:

a)      l-ispiżjara li mhumiex proprjetarji ta’ spiżeriji;

b)      l-ispiżeriji li huma proprjetarji ta’ spiżerija fiż-żoni ta’ spiżerija jew ta’ muniċipalitajiet li l-popolazzjoni tagħhom hija inqas minn 2 800 resident;

ċ)      l-ispiżjara li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Prinċipat ta’ Asturias;

[…]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22      Fl-2002, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias iddeċidiet li skont l-Artikoli 6 sa 17 tad-Digriet 72/2001, tibda proċedura intiża għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

23      Fl-14 ta’ Ġunju 2002, il-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios ħadet deċiżjoni li tagħti bidu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jingħataw awtorizzazzjonijiet għal spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias (BOPA Nru 145, tal-24 ta’ Ġunju 2002, p. 8145, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-14 Ġunju 2002”).

24      Ir-regoli tas-sejħa għall-kandidaturi stabbilew il-ftuħ ta’ 24 spiżerija ġdida skont, b’mod partikolari, id-densità demografika, it-tqassim tal-popolazzjoni, id-distanza bejn l-ispiżeriji kif ukoll il-gruppi minimi ta’ popolazzjoni.

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, spiżjara kkwalifikati, xtaqu jiftħu spiżerija ġdida fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias, mingħajr, madankollu, ma ġiet applikata għalihom is-sistema ta’ pjanifikazzjoni territorjali skont id-Digriet 72/2001.

26      Konsegwentment, fil-kuntest tal-ewwel kawża prinċipali, huma ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2002, kif ukoll kontra dik tal-Consejo de Gobierno del Principado de Asturias, tal-10 ta’ Ottubru 2002, li tikkonferma d‑deċiżjoni preċedenti.

27      Fit-tieni kawża prinċipali, dawn l-istess rikorrenti ressqu quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias rikors li permezz tiegħu attakkaw id-deċiżjoni impliċita dwar l-oġġezzjoni magħmula kontra d-Digriet 72/2001 u, b’mod partikolari, kontra l-Artikoli 2, 4, 6 u 10 kif ukoll kontra l-anness dwar l-iskala tal‑kwalifiki.

28      F’dawn iż-żewġ kawżi, l-imsemmija rikorrenti kkontestaw il-legalità tad‑deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tad-Digriet 72/2001 b’mod partikolari minħabba li dawn għandhom l-effett li jċaħħdu l-aċċess tal-ispiżjara għall‑ispiżeriji l-ġodda fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias. Barra minn hekk, dan id-digriet jipprovdi kriterji ta’ selezzjoni tal-ispiżeriji l-ġodda inammissibbli.

29      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk is-sistema prevista mid-Digriet 72/2001 tikkostitwix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment inkompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti fil-kawża C-570/07:

“L-Artikolu [49 TFUE] jipprekludi dak li huwa stabbilit fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad‑[Digriet 72/2001], kif ukoll il-punti 4, 6 u 7 ta’ l-anness tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq?”

31      Fil-kawża C-571/07, it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu [49 TFUE] jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal‑Komunità awtonoma [...] ta’ Asturias dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti spiżeriji?”

32      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2008, il‑Kawżi C-570/07 u C-571/07 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil‑miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Il-Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España, kif ukoll il-Gvern Spanjol, Grieg, Franċiż u dak Taljan jikkontestaw l-ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari.

34      Il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija ma tindikax b’mod ċar id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati u ma tesponix biżżejjed ir‑raġunijiet li wassluha tistaqsi lilha nnifisha dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu 49 TFUE. Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula huma ipotetiċi peress li l-kawżi prinċipali jinvolvu żewġ ċittadini Spanjoli. Fin-nuqqas ta’ element transkonfinali, dawn id-domandi ma għandhom l‑ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra, p. I-1721, punt 24).

36      Minn dan isegwi li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22).

37      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fid‑deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali motivat id-deċiżjoni tagħha għalfejn fil-fehma tagħha huwa meħtieġ li jsiru d-domandi preliminari billi osservat li l‑legalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill‑interpretazzjoni li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 49 TFUE.

38      It-tieni nett, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal-fatti jew is-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

39      Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom ċittadinanza Spanjola u li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-risposta tal-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju anki f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li tagħti l-benefiċċju lil ċittadin Spanjol li jgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, jgawdi minnhom skont id-dritt tal‑Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29, kif ukoll Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

40      Barra minn hekk, minkejja li, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ‑ċittadini Spanjoli u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn – tista’ tirriżulta biss minn dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat inkwantu din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-iskambji bejn Stati Membri, imkien ma huwa eskluż li ċittadini stabbiliti fl-Istati Membri barra r-Renju ta’ Spanja kienu interessati sabiex iħaddmu spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punti 23 u 24, kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

41      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jiddeskrivu, b’mod suffiċjenti, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawżi prinċipali u li l-indikazzjonijiet pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad‑domandi magħmula. B’hekk, dawn id-deċiżjonijiet taw lill-partijiet interessati possibbiltà effettiva li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif barra minn hekk jattesta l-kontenut tal-osservazzjonijiet magħmula f’dawn il-proċeduri.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu kkunsidrati ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

43      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jieħdu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġu organizzati servizzi ta’ saħħa bħal dawk tal‑ispiżeriji. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l‑projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas‑saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Hartlauer, iċċitata qabel, punt 29; tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑531/06, Ġabra p. I-4103, punt 35 u tad-19 ta’ Mejju 2009, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I-4171, punt 18).

44      Għalhekk, fl-evalwazzjoni tar-rispett ta’ dan l-obbligu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-assi u l-interessi protetti mit-trattat u li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il‑livell ta’ protezzjoni li huwa jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 51, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

45      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li la d-Direttiva 2005/36 u l-ebda att ieħor li jimplementa l-libertajiet fundamentali ma jistabbilixxu regoli ta’ aċċess għall‑attivitajiet tas-settur tal-farmaċija li huma intiżi sabiex jistabbilixxu l‑kundizzjonijiet li fihom l-ispiżeriji l-ġodda jistgħu jinfetħu fit-territorji tal‑Istati Membri.

46      L-Artikolu 45(5) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li, jekk, fis-16 ta’ Settembru 1985, Stat Membru kellu eżami kompetittiv intiż sabiex jintgħażlu l-ispiżjara magħżula sabiex isiru proprjetarji ta’ spiżeriji ġodda li l-kreazzjoni tagħhom kienet deċiża fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ diviżjoni ġeografika, l-imsemmi Stat Membru jista’ jipproċedi b’dak l-eżami u jirrikjedi li ċittadini ta’ Stati Membri jipparteċipaw fih.

47      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, f’din id-data, fi Spanja kien jeżisti eżami kompetittiv bħal dan, u li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal dan l-eżami. Konsegwentement, l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jżomm tali proċedura u jissottometti lill-ispiżjara kollha għal dan it-test, fuq il-kundizzjoni li r-regoli relatati miegħu jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

48      Għaldaqstant, ma jsegwix li r-regoli li jirregolaw il-proċedura kkonċernata jistgħu jaħarbu mid-dispożizzjonijiet tat-trattat f’dak li jikkonċerna l-eżiġenzi dwar it‑tqassim territorjali tal-ispiżeriji, minħabba li dan l-element jibqa’ barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36.

49      Fil-fatt, id-direttiva kkonċernata għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sabiex min ikollu dawn il-kwalifiki jkun jista’ jeżerċita professjoni rregolamentata jew b’mod indipendenti jew bħala impjegat. Min-naħa l-oħra, hija ma tinkludiex regoli li jirregolaw l-istabbiliment ta’ spiżeriji, u lanqas il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom u lanqas it-tqassim territorjali tagħhom.

50      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 26 tad‑Direttiva 2005/36, li tgħid li hija ma tiżgurax il-koordinament tal‑kundizzjonijiet kollha ta’ aċċess għall-attivitajiet tas-settur tal-farmaċija, b’mod li, b’mod partikolari, it-tqassim tal-ispiżeriji fit-territorju jkompli jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli ta’ dritt intern ikkonċernati, dwar it-tqassim territorjali, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, u b’mod partikolari tal-Artikolu 49 tiegħu.

 Fuq l-ewwel parti tad-domandi preliminari, dwar il-kundizzjonijiet prinċipali marbuta mad-densità demografika u mad-distanza minima bejn l-ispiżeriji

52      Permezz tal-ewwel parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda, billi tipprovdi li:

–        f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda.

–        spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il-limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident; u

–        kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal-ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

 Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċiżżju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15, u tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C-140/03, Ġabra p. I-3177, punt 27).

54      B’mod partikolari, taħt din il-kategorija taqa’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ impriża ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari, peress li din tista’ tostakola, għal din l-impriża, l‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment billi ċċaħdu milli jeżerċita liberament l‑attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment stabbli. Fil-fatt, l-imsemmija impriża tirriskja, minn naħa, li tbati spejjeż amministrattivi u finanzjarji addizzjoniali li jimplika l-għoti ta’ kull awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari teskludi mill-eżerċizzju ta’ attività indipendenti l‑operaturi ekonomiċi li ma jissodisfawx l-eżiġenzi predeterminati li huma meħtieġa sabiex tingħata din l-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).

55      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni meta tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal kundizzjoni dwar il-bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali li din l-attività għandha tissodisfa, peress li tillimita n-numru ta’ dawk li jipprovdu servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

56      Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ftuħ ta’ spiżerija ġdida għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari, u li barra minn hekk, din tingħata biss lil min jgħaddi mill-eżami kompetittiv.

57      It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tippermetti, f’kull żona farmaċewtika, il-ftuħ ta’ spiżerija waħda għal kull porzjon ta’ popolazzjoni ta’ 2 800 resident, fejn spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss meta jinqabeż dan il-limitu, u li din tista’ tinfetaħ għall-frazzjoni superjuri għal 2 000 resident.

58      It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprekludi spiżjara milli jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti f’lokalità tal-għażla tagħhom, peress li huma għandhom jirrispettaw, bħala regola, distanza minima ta’ 250 metru mill-ispiżeriji li jeżistu diġà.

59      Għalhekk, tali regoli għandhom l-effett li jillimitaw u jrendu inqas attraenti l‑eżerċizzju, minn spiżjara ta’ Stati Membri oħra, l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Spanjol permezz ta’ stabbiliment stabbli.

60      Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil‑kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 44, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 25).

62      Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

63      It-tieni nett, mill-Artikolu 52(1) TFUE jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat bħal-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 46, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 27).

64      B’mod iktar preċiż, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati mill-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, punt 52, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 28).

65      L-importanza tal-imsemmi għan hija kkonfermata mill-Artikoli 168(1) TFUE u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdu b’mod partikolari li l-livell ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jiġi żgurat fid‑definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni Ewropea.

66      Minn dan isegwi li l-għan li huwa intiż sabiex jiżgura provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni jista’ jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk tali leġiżlazzjoni hijiex adatta sabiex tiggarantixxi dan il-għan.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni mfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli iktar stretti fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika minn dawk stabbiliti minn Stat Membru ieħor ma jistax jimplika li dawn ir-regoli huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, Ġabra p. I-519, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Konsegwentement, il-fatt li l-Istati Membri jadottaw regoli differenti f’dan il‑qasam, u b’mod iktar partikolari, li wħud fosthom ma jillimitawx in-numru ta’ spiżeriji li jistgħu jinfetħu fit-territorju nazzjonali filwaqt li oħrajn jillimitaw in-numru tagħhom billi jissuġġettawhom għal regoli ta’ pjanifikazzjoni ġeografika ma huwiex determinanti għas-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi.

70      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilimenti u infrastrutturi sanitarji jistgħu jiġu ppjanifikati. Din il‑pjanifikazzjoni tista’ tinkludi awtorizzazzjoni preliminari għall-professjonisti ġodda li jipprovdu l-kura, meta din issir indispensabbli sabiex timla lakuni eventwali fl-aċċess għall-prestazzjonijiet sanitarji u sabiex tevita l-kreazzjoni ta’ strutturi inutli, b’mod li jiġi żgurat servizz sanitarju adattat għall-bżonnijiet tal‑popolazzjoni, li jkopri t-territorju kollu u li jieħu inkunsiderazzjoni reġjuni li huma ġeografikament iżolati jew b’xi mod ieħor żvantaġġati (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punti 76 sa 80; tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra, p. I-4325, punti 108 sa 110, kif ukoll Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52).

71      Din il-konklużjoni tista’ tiġi applikata kollha kemm hi għall-professjonisti li joffru servizzi sanitarji fil-qasam tal-farmaċija.

72      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li jeżistu agglomerazzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati minn ħafna spiżjara bħala postijiet li jħallu ħafna profitt, u, għaldaqstat, iktar attraenti, bħal dawk li jinsabu fiż-żoni urbani. Min-naħa l-oħra, partijiet oħra tat-territorju nazzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati inqas attraenti, bħal dawk fiż-żoni rurali, ġeografikament iżolati jew li huma b’xi mod ieħor żvantaġġati.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni, l-ispiżjara jkkonċentraw lilhom infushom fil-lokalitajiet meqjusa attraenti, b’mod li ċerti lokalitajiet oħrajn inqas attraenti jsofru minn numru mhux biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adegwat u ta’ kwalità.

74      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal‑eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa pubblika, l-Istat Membru għandu jkun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna sa meta r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun evidenti (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jista’ jqis li jeżisti riskju ta’ nuqqas ta’ spiżeriji f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, u, għaldaqstant, ta’ nuqqas ta’ provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali.

76      Isegwi li fid-dawl ta’ dan ir-riskju, Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li tista’ tinfetaħ biss spiżerija waħda għal ċertu numru ta’ residenti (ara l‑punt 57 ta’ din is-sentenza).

77      Fil-fatt, tali kundizzjoni jista’ jkollha l-effett li tidderieġi l-ftuħ ta’ spiżeriji lejn partijiet tat-territorju nazzjonali fejn l-aċċess għas-servizz farmaċewtiku huwa nieqes peress li, billi tipprojbixxi l-ispiżjara milli jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni fejn diġà jkun hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, hija b’hekk tistidinhom jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni fejn hemm nuqqas ta’ spiżeriji.

78      Minn dan isegwi li l-imsemmija kundizzjoni tista’ tqassam l-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, li b’hekk jiġi żgurat għall-poplazzjoni kollha aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku, u, għalhekk, li tiżdied l-adegwatezza u l‑kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni.

79      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-unika kundizzjoni marbuta mal‑porzjonijiet ta’ popolazzjoni tirriskja li ma tippermettix li tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ spiżeriji, fi ħdan żona ġeografika partikolari skont din il‑kundizzjoni, f’ċerti lokalitajiet attraenti ta’ din iż-żona. Tali konċentrazzjoni ta’ spiżeriji tista’ twassal għall-ħolqien ta’ strutturi inutli, filwaqt li partijiet oħra tal‑istess żona jistgħu jsofru nuqqas ta’ spiżeriji.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa permess li Stat Membru jimplementa kundizzjonijiet addizzjonali intiżi sabiex ma jħallux din il-konċentrazzjoni, billi jadotta kundizzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi distanzi minimi bejn l‑ispiżeriji.

81      Fil-fatt, din il-kundizzjoni tippermetti li tiġi evitata tali konċentrazzjoni minħabba n-natura tagħha stess, u b’hekk tista’ tqassam l-ispiżeriji b’mod iktar ekwilibrat fi ħdan żona ġeografika partikolari.

82      Konsegwentement, il-kundizzjoni marbuta mad-distanza minima żżid ukoll iċ‑ċertezza tal-pazjenti li huma għandhom spiżerija viċin, u, għalhekk, li għandhom aċċess faċli u rapidu għal servizz farmaċewtiku xieraq.

83      Tali kundizzjonijiet ta’ aċċess jistgħu jiġu kkunsidrati neċessarji iktar u iktar peress li, minn naħa, l-użu tal-prodotti mediċinali jista’ jsir urġenti u li, min-naħa l-oħra, il-klijentela tal-ispiżeriji tinkludi persuni b’mobilità nieqsa, bħall-persuni anzjani jew morda serjament.

84      Għalhekk, il-kundizzjoni marbuta mad-distanza minima hija komplementari għal dik marbuta mal-porzjonijiet tal-popolazzjoni, u, għaldaqstant, tista’ tgħin sabiex jitwettaq l-għan intiż għat-tqassim tal-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, u b’hekk ikun żgurat għall-popolazzjoni kollha aċċess xieraq għas‑servizz farmaċewtiku, u, b’hekk, tiżdied l-adegwatezza u l-kwalità tal‑provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni.

85      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li t-tfittxija li jintlaħaq l-għan intiż miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq hija msaħħa permezz ta’ ċerti kriterji li japplikaw, skont id-Digriet 72/2001, matul il-fażi ta’ selezzjoni tal-proprjetarji ta’ spiżeriji ġodda.

86      Fil-fatt, skont il-punt 7(b) tal-Anness ta’ dan id-digriet, fil-każ ta’ ugwaljanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskala tal-kwalifiki li biha l-proprjetarji tal‑ispiżeriji l-ġodda jintagħżlu, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw skont ordni li jagħti priorità, wara l-kategoriji ta’ spiżjara li jinsabu fl-imsemmi punt 7(a), lill-ispiżjara li kienu proprjetarji ta’ spiżeriji li jinsabu f’żoni jew muniċipalitajiet fejn il-popolazzjoni hija inqas minn 2 800 resident.

87      Fid-dawl tal-fatt li ż-żoni ġeografiċi li l-popolazzjoni tagħhom hija inqas minn 2 800 resident huma ġeneralment żoni kkunsidrati mill-ispiżjara bħala inqas attraenti (ara l-punt 72 ta’ din is-sentenza), l-imsemmija kundizzjoni tal-għoti tal‑awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-ispiżjara jinstallaw irwieħhom f’dawn iż-żoni bil-ħsieb li jiġu rrikompensati ulterjorament meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

88      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias isostnu li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata li tista’ tilħaq dan il-għan invokat peress li għandha l‑konsegwenza li ċerti spiżjara jiġu mċaħħda minn kull aċċess għal attività professjonali indipendenti filwaqt li l-ispiżjara stabbiliti fuq is-suq jibbenefikaw minn profitti sproporzjonati.

89      Tali argument ma jistax jintlaqa’.

90      Fil-fatt, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ekonomiċi għandha tiġi bbilanċjata mal-obbligi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li l-gravità tal-għanijiet intiżi f’dan il-qasam tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra p. I‑4315, punti 42 u 43).

91      Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw tal‑anqas darba f’sena proċedura intiża sabiex jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda skont l-evoluzzjoni demografika. Għalhekk, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2002, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias bdiet proċedura intiża għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta’ 24 spiżerija ġdida fit-territorju tagħha sa mis-sena 2002.

92      Fl-aħħar nett, skont il-punt 4 tal-Anness tad-Digriet 72/2001, la l-esperjenza professjonali bħala spiżjar proprjetarju jew koproprjetarju ta’ spiżerija u lanqas l‑ebda kategorija oħra ta’ kwalifiki ma tittieħed inkunsiderazzjoni meta waħda jew l-oħra tkun serviet preċedentement sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ ftuħ. Bl‑istess mod, il-punt 7(a) ta’ dan l-istess anness jistabbilixxi li, fil-każ ta’ riżultat ugwali skont l-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont ordni li tagħti priorità lill-ispiżjara li ma kinux proprjetarji ta’ spiżerija.

93      B’dawn il-kriterji, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tiffavorixxi, fil-konsegwenzi tagħha, lill-ispiżjara li jkunu għadhom ma kisbux awtorizzazzjoni ta’ stabbilment, u, għaldaqstant, hija intiża sabiex tiggarantixxi lil iktar spiżjara l-aċċess għall‑attività professjonali indipendenti.

94      Minkejja li minn dak li ntqal qabel jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija bħala prinċipju adatta għall-għan intiż sabiex jiżgura provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-mod kif din il-leġiżlazzjoni ssegwi l-imsemmi għan ma jkunx inkoerenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja r-regoli differenti kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-intier tagħha, hija adattata sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan invokat biss jekk din b’mod ġenwin tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Hartlauer, punt 55 kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 42).

95      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-Digriet 72/2001 jipprovax isegwi b’mod koerenti u sistematiku l-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni meta jistabbilixxi n-numru minimu ta’ residenti għal kull spiżerija, bħala regola, għal 2 800 jew 2 000, u d-distanza minima bejn l-ispiżeriji, bħala regola, għal 250 metru. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-liġi 16/1997, peress li d-Digriet 72/2001 jimplementa din il-liġi.

96      Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ kundizzjonijiet previsti minn dan id-digriet – applikabbli għat-territorju kollu kkonċernat – għandhom jiżguraw provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ mediċinali għall-popolazzjoni abbażi ta’ indikazzjonijiet ta’ natura fissa li jieħdu neċessarjament inkunsiderazzjoni tal‑elementi demografiċi ordinarji, ikkunsidrati bħala medji. Minn dan isegwi li l‑applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet hekk maħsuba tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’żoni li għandhom ċerti partikolaritajiet demografiċi.

97      Dan jista’ jkun il-każ, l-ewwel nett, f’ċerti żoni rurali li l-popolazzjoni tagħhom ġeneralment hija mxerrda u iżgħar. Din il-partikolarità jista’ jkollha l-effett li, minkejja li l-kundizzjoni tan-numru minimu ta’ 2 800 resident tiġi dejjem applikata, ċerti residenti affettwati jsibu ruħhom barra mill-portata lokali raġonevoli ta’ spiżerija, u b’hekk ikunu mċaħħda minn aċċess xieraq għal servizz farmaċewtiku.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi ċerti miżuri ta’ aġġustament li jippermettu li jittaffew il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tar-regola bażi ta’ 2 800 resident. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(3) tal-liġi 16/1997, il-komunitajiet awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni iżgħar minn 2 800 resident għal kull spiżerija għaż-żoni rurali, turistiċi, fil-muntanja jew għaż-żoni fejn, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi, demografiċi jew sanitarji tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali ma tippermettix li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku, u tagħmel spiżerija li tinsab f’tali żona partikolari iktar aċċessibbli għall-porzjon tal-popolazzjoni li tinsab madwaru.

99      It-tieni nett, jirriżulta li applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni l-oħra tad‑Digriet 72/2001, dwar id-distanza minima bejn l-ispiżeriji, tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’ċerti żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni demografika qawwija. Fil-fatt, f’dawn iż-żoni, id-densità tal‑popolazzjoni madwar spiżerija tista’ nettament taqbeż in-numru ta’ residenti stabbilit b’mod fiss. F’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, l-applikazzjoni tal‑kundizzjoni tad-distanza minima ta’ 250 metru bejn l-ispiżeriji tirriskja li twassal għal sitwazzjoni fejn il-perimetru previst għal spiżerija waħda jkun jinkludi iktar minn 2 800 resident – anki iktar minn 4 000 resident fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 2(3) tal-liġi 16/1997. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li r-residenti taż-żoni hekk ikkaratterizzati, minħabba l-applikazzjoni stretta tar‑regola dwar id-distanza minima, jistgħu jsibu diffikultajiet sabiex jaslu għal spiżerija f’kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku xieraq.

100    Għalhekk, anki f’tali każ, dawn il-konsegwenzi jistgħu jittaffew bil-miżura ta’ flessibbiltà prevista fl-Artikolu 2(4) tal-liġi 16/1997 li tipprovdi li minkejja li d‑distanza minima bejn l-ispiżeriji hija stabbilita “bħala regola” għal 250 metru, il-komunitajiet awtonomi jistgħu jawtorizzaw, minħabba l-konċentrazzjoni tal‑popolazzjoni, distanza iżgħar bejn l-ispiżeriji, u b’hekk iżidu n-numru ta’ spiżeriji disponibbli fiż-żoni b’konċentrazzjoni kbira ta’ popolazzjoni.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku xieraq b’mod koerenti u sistematiku, fil-każ bħal dak deskritt fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu anki jaslu sabiex jinterpretaw ir-regola ġenerali bħala regola li tippermetti li tingħata awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ spiżerija f’distanza inqas minn 250 metru mhux biss f’każijiet kompletament eċċezzjonali, imma kull darba li l-applikazzjoni stretta tar-regola ġenerali tal-250 metru tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’ċerti żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni demografika qawwija.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l‑awtoritajiet kompetenti jużawx, fis-sens spjegat fil-punti 98, 100 u 101 ta’ din is‑sentenza, il-possibbiltà offerta minn tali dispożizzjonijiet f’kull żona ġeografika li għandha karatteristiċi demografiċi partikolari fejn l-applikazzjoni stretta tar-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident u ta’ 250 metru tirriskja li tfixkel il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċetiku xieraq.

103    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, b’riżerva għall‑kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 94 sa 100 ta’ din is-sentenza, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

104    Ir-raba’ nett, jibqa’ li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż, jiġifieri jekk jeżistux miżuri inqas minatorji sabiex jintlaħaq.

105    Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li huwa biżżejjed li jiġu stabbiliti regoli li jistabbilixxu numru minimu ta’ spiżeriji fiż-żoni ġeografiċi determinati (iktar ’il quddiem is-“sistema ‘a minima’”). B’dan il-mod, l-ebda ftuħ ta’ spiżerija ġdida ma jista’ jiġi awtorizzat – bħas-sistema attwali – fiż-żoni fejn diġà hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, u dan sakemm kull waħda miż-żoni ġeografiċi stabbiliti jkollha n-numru minimu meħtieġ ta’ spiżeriji. Għaldaqstant, il-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda jista’ jsir mill-mument fejn kull waħda minn dawn iż‑żoni jkollha dan in-numru minimu ta’ spiżeriji.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jqis li s-sistema “a minima” ma tippermettix li jintlaħaq – bl-istess effikaċa bħas-sistema attwali – l-għan intiż sabiex jiżgura provvista garantita u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali fiż-żoni l‑inqas imfittxija.

107    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fis-sistema attwali, il-fattur li jħeġġeġ lill-ispiżjara jiftħu fiż-żoni neqsin mill-ispiżeriji jirriżulta mill-fatt li ma jistgħux jiftħu fiż-żoni fejn diġà hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, u dan skont kriterju demografiku oġġettiv, jiġifieri sal-mument fejn il-popolazzjoni ta’ dawn iż-żoni tiżdied iktar mil-limitu stabbilit. Għalhekk, bħala regola, din is-sistema ma tħallix għażla oħra għall-ispiżjara li jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività professjonali indipendenti ħlief li joperaw f’żoni fejn hemm nuqqas ta’ spiżeriji, fejn il-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni hija nieqsa u fejn għalhekk il-ftuħ ta’ spiżeriji huwa awtorizzat.

108    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li Stat Membru, bħar-Renju ta’ Spanja, jista’ leġittimament japplika s-sistema ta’ tqassim territorjali għal-livell reġjonali, jiġifieri li jagħti lir-reġjuni differenti r-responsabbiltà li jorganizzaw it-tqassim tal‑ispiżeriji bejn iż-żoni ġeografiċi tat-territorji rispettivi tagħhom.

109    Is-sitwazzjoni fid-diversi reġjuni tista’ tkun differenti b’mod kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-ftuħ tal-ispiżeriji.

110    Iktar preċiżament, huwa possibbli li fi ħdan ċerti reġjuni, jkunu jeżistu żona jew żoni ġeografiċi fejn in-numru minimu meħtieġ ta’ spiżjara ma jkunx għadu ntlaħaq. Għalhekk, huwa biss f’dawn iż-żoni fejn hemm nuqqas li tippreżenta ruħha l-possibbiltà tal-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

111    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ reġjuni oħrajn, jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn fiż-żoni ġeografiċi kollha tagħhom jkun diġà hemm in-numru minimu meħtieġ ta’ spiżeriji, u – fis-sistema alternattiva “a minima” deskritta fil-punt 105 ta’ din is‑sentenza – it-territorju kollu tagħhom huwa għalhekk miftuħ għall-ftuħ liberu ta’ spiżeriji, inkluż ukoll iż-żoni l-iktar attraenti. Din is-sitwazzjoni tista’ timmina l-għan nazzjonali, kif jirriżulta mil-liġi 16/1997, li jidderieġi l-ispiżeriji lejn żona nieqsa minn spiżeriji ikun liema jkun ir-reġjun. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l‑ispiżjara kkonċernati għandhom tendenza jiżdiedu ma’ spiżjara li jkunu stabbilew irwieħhom fiż-żoni diġà mimlija – u għalhekk miftuħa għall-ftuħ liberu – minflok jikkunsidraw il-ftuħ fiż-żoni nieqsin mill-ispiżeriji fir-reġjuni mhux mimlijin.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan intiż.

113    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domandi preliminari li saru għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li bħala regola ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda li tistabbilixxi li:

–        f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda;

–        spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il-limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident, u

–        kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal‑ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

114    Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu r-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident jew ta’ 250 metru jfixklu, f’kull żona ġeografika b’karatteristiċi demografiċi partikolari, il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adattat, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika.

 Fuq it-tieni parti tad-domandi preliminari, dwar il-kriterji ta’ selezzjoni tal‑proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda stabbiliti fil-punti 4, 6 u 7(a) sa (ċ) tal‑Anness tad-Digriet 72/2001

115    Bit-tieni parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 4, 6 u 7 (a) sa (ċ) tal-Anness tad-Digriet 72/2001, li bihom jintagħżlu l-proprjetarji tal‑ispiżeriji l-ġodda.

116    F’dak li jikkonċerna l-kriterji previsti fil-punti 4 u 7(a) u (b) ta’ dan l-anness, mill‑kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 86, 87, 92 u 93 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn jikkontribwixxu, skont l-Artikolu 49 TFUE, għall‑implementazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali invokat.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi jibqa’ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix il-kriterji stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal-imsemmi anness, fid-dawl tal‑fatt li dan l-artikolu jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-kriterji applikabbli fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva ma jkunux diskriminatorji (ara s-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti jew ċari, ibbażati fuq in‑nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-użu ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-212/99, Ġabra p. I-4923, punt 24, u tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑224/00, Ġabra p. I-2965, punt 15).

119    Għalhekk, sakemm ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja meta hija suxxettibbli, min-natura tagħha stess, li taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali u li tirriskja, konsegwentement, li tqiegħed fi żvantaġġ iktar partikolarment lil tal‑ewwel (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punt 30).

120    F’dan il-każ, il-punt 6 tal-Anness tad-Digriet 72/2001 jistabbilixxi li l-kwalifiki professjonali dwar l-eżerċizzju tal-professjoni miksuba fit-territorju tal‑Komunità Awtonoma ta’ Asturias jiżdiedu b’20 %.

121    Għalhekk, mill-punt 7(ċ) ta’ dan l-istess anness jirriżulta li, fil-każ ta’ riżultat ugwali skont l-applikazzjoni tal-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont ordni li jagħti priorità, wara l-kategoriji ta’ spiżjara imsemmija fl-imsemmi punt 7(a) u (b), lill-ispiżjara li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil‑Komunità Awtonoma ta’ Asturias.

122    Għalhekk, dawn iż-żewġ kriterji jipprivileġġaw lill-ispiżjara fil-proċedura ta’ selezzjoni minħabba li jkunu eżerċitaw l-attività tagħhom f’parti mit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant, tali kriterju huwa naturalment iktar faċli sabiex jintlaħaq għall-ispiżjara nazzjonali li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom ħafna drabi fit-territorju nazzjonali tagħhom, milli għall-ispiżjara ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jeżerċitaw din l-attività ħafna drabi fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza Hartmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

123    Għaldaqstant, il-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u l-Principado de Asturias isostnu li d-differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jinżamm livell ta’ kwalità tas-servizz farmaċewtiku, fid-dawl tal-fatt li dan il‑livell jitbaxxa jekk l-ispiżjara li jiftħu ma jkunux kapaċi li jipprovdu s-servizz farmaċewtiku. Tali operabbiltà immedjata tal-ispiżjara tirrikjedi, b’mod partikolari, li jkunu jafu l-programmi ta’ saħħa previsti mill-amministrazzjoni reġjonali, kif ukoll il-funzjonament tal-ispiżeriji f’dan ir-reġjun.

124    Tali argument ma jistax jintlaqa’ peress li l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 85/432 u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad-Direttiva 2005/36 jeħtieġu li l-proprjetarji ta’ kwalifika universitarja fil-farmaċija jkunu jistgħu jaċċedu għall-attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta’ kontroll, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali fl‑ispiżeriji miftuħa għall-pubbliku kif ukoll għall-attivitajiet ta’ għoti ta’ informazzjoni u ta’ pariri dwar il-prodotti mediċinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑eżiġenzi msemmija fil-punt preċedenti ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw trattament mhux ugwali bħal dak fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

125    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni parti tad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tad‑Direttiva 85/432 u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad-Direttiva 2005/36, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal‑Anness tad-Digriet 72/2001, li bihom jintagħżlu l-proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda.

 Fuq l-ispejjeż

126    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala regola ma jipprekludix, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda li tistabbilixxi li

–        f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda;

–        spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il‑limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident, u

–        kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal-ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu r-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident jew ta’ 250 metru jfixklu, f’kull żona ġeografika b’karatteristiċi demografiċi partikolari, il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adattat, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika.

2)      L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tad‑Direttiva tal-Kunsill 85/432/KEE, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad‑Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal-Anness tad-Digriet 72/2001, li jirregola l‑ispiżeriji u s-servizzi ta’ spiżerija fil-Prinċipat ta’ Asturias (Decreto 72/2001 regulador de las oficinas de farmacia y botiquines en el Principado de Asturias), tad-19 ta’ Lulju 2001, li bihom jintgħażlu l‑proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.