Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2009 – Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija

(Kawża C‑564/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Avukati tal-privattivi – Obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali – Obbligu li tiġi maħtura persuna residenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tas-servizzi”

1.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 23)

2.                     Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet (Artikolu 49 KE) (ara l‑punti 31, 32, 35-37, 47-53, 55 u d-dispożittiv)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal-Artikolu 49 KE – Rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-avukati tal-privattivi, li huma legalment stabbiliti fi Stati Membri oħra, sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu, temporanjament, is-servizzi tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat – Obbligu li wieħed jirreġistra ruħu fir-reġistru nazzjonali, li jkollu, għal dan il-għan, assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali, li jkun suġġett għall-osservanza tar-regoli dixxiplinari nazzjonali kollha minbarra dawk marbuta mal-kwalifiki professjonali u li jopera bi sħab ma’ mandatarju lokali.

Dispożittiv

1)

Billi tobbliga lill-avukati tal-privattivi, li huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ, temporanjament, jipprovdu servizzi fl-Awstrija, jirrikorru għas-servizzi ta’ persuna residenti fl-Awstrija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.