Kawża C-558/07

The Queen, fuq talba ta’:

S.P.C.M. SA et      

vs

Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Sustanzi kimiċi — Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi u restrizzjonijiet applikabbli għalihom (REACH) — Kunċett ta’ ‘sustanzi monomeriċi’ — Validità — Proporzjonalità — Trattament ugwali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 2(9), 3(5) u (6), u 6(1) sa (3))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi — Regolament REACH

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 6(3))

1.        Il-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, imniżżel fl-Artikolu 6(3) tar‑Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti magħquda mal-polimeri.

Fil-fatt, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jispjega prinċipju ġenerali ta’ reġistrazzjoni li jirrigwarda sustanzi manifatturati jew importati mingħajr distinzjoni. Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tiegħu, il-monomeri mhux reaġiti għandhom jiġu rreġistrati, peress li huma jikkostitwixxu, skont l‑Artikolu 3(6) tal-imsemmi regolament, sustanzi minnhom infushom. Bil‑kontra, il-polimeri huma, skont l-Artikolu 2(9) tal-istess regolament, esklużi mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni. B’hekk, ladarba, l-ewwel nett, il‑polimeru huwa kompost, skont l-Artikolu 3(5), minn unitajiet ta’ monomeri, it-tieni nett, il-monomeru huwa sustanza meta ma jkunx reaġit u, it-tielet nett, skont il-kliem tal-imsemmi Artikolu 6(3), ir-reġistrazzjoni tirrigwarda s-sustanzi monomeriċi jew kull sustanza oħra li tifforma l‑polimeru, jirrizulta li r-reġistrazzjoni tirrigwarda biss s-sustanzi monomeriċi reaġiti.

(ara l-punti 20, 21, 23, 24, 27, 30, 31 u d-dispożittiv 1)

2.        L-għan prinċipali tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mill-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l‑awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fir‑rigward ta’ qasam li fih il-leġiżlatur Komunitarju jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li tista’ tolqot il-validità tagħha.

Issa, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri, minn naħa, iservi sabiex itejjeb l-informazzjoni lill-pubbliku u lill-esperti li jinsabu “downstream” fuq ir-riskji u, għaldaqstant, huwa strument għat‑titjib tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u min-naħa l-oħra, jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiggarantixxi b’hekk kompetizzjoni leali fi ħdan il-Komunità, sa fejn l-imsemmi obbligu huwa impost fuq il-manifatturi Komunitarji kif inhu impost fuq il-manifatturi mhux stabbiliti fil-Komunità u l-importaturi, li għandhom isegwu proċedura identika, kemm għall-prodotti manifatturati fil-Komunità, kif ukoll għal dawk manifatturati barra l-Komunità. Jirrizulta li l-piż fuq il‑manifatturi jew importaturi li mhux stabbiliti fil-Komunità mhuwiex itqal minn dak fuq il-manifatturi Komunitarji. Għaldaqstant, l-imsemmi obbligu huwa xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, u l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi Regolament mhuwiex invalidu minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-Artikolu 6(3) mhu lanqas invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. L-ewwel nett, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa identiku kemm għall-manifatturi Komunitarji u kemm għall-importaturi. It-tieni nett, is-sustanzi monomeriċi reaġiti f’polimeri manifatturati jew importati fil-Komunità jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli sakemm ikunu interkambjabbli jew identiċi. It-tielet nett, għalkemm huwa minnu li l-manifatturi Komunitarji u l-importaturi jinsabu f’sitwazzjoni differenti, għaliex tal-ewwel għandhom it-tagħrif dwar l-prodotti tagħhom filwaqt li tat-tieni jiddependu mill-informazzjoni pprovduta mill-fornituri li jinsabu barra mit-territorju tal-Komunità, dan it-trattament identiku huwa oġġettivament iġġustifikat mill-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli fis-suq intern. Fil-fatt, trattament differenti bejn l-importaturi ta’ sustanzi monomeriċi reaġiti u l-manifatturi ta’ dawn is-sustanzi, li jinsabu fil-Komunità, jibbenefika iktar lil tal-ewwel milli tat-tieni.

(ara l-punti 42, 45, 49, 56, 58, 63, 67, 72, 75-80 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Lulju 2009 (*)

“Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Sustanzi kimiċi – Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi u restrizzjonijiet applikabbli għalihom (REACH) – Kunċett ta’ ‘sustanzi monomeriċi’ – Validità – Proporzjonalità – Trattament ugwali”

Fil-kawża C‑558/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-11 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Diċembru 2007, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta’:

 S.P.C.M. SA,


 C.H. Erbslöh KG,


 Lake Chemicals and Minerals Ltd,


 Hercules Inc.

vs

 Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris (Relatur), J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S.P.C.M. SA u Hercules Inc., minn D. Vaughan, QC, D. Scannell, barrister, M. Lohn, K. Van Maldegem u R. Cana, solicitors,

–        għal C.H. Erbslöh KG u Lake Chemicals and Minerals Ltd, minn H. Scheidmann, U. Karpenstein u F. Bredt, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou u A. Neergaard, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Florindo Gijón u G. Kimberley, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Oliver, bħala aġent.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir‑reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal‑Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id‑Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p.1, u rettifika ĠU 2007, L 136, p.3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S.P.C.M. SA, impriża stabbilita fi Franza u produttriċi ta’ polimeri mħalla fl-ilma użati fl-industriji tat‑trattament tal-ilma mniġġes, C.H. Erbslöh KG, impriża stabbilita fil-Ġermanja u distributriċi u grossista ta’ prodotti kimiċi speċifiċi u industrijali li jinkludu l‑preparati u l-polimeri, Lake Chemicals and Minerals Ltd, impriża taħt id-dritt Ingliż, importatriċi ta’ prodotti kimiċi li jinkludu l-polimeri u l-produzzjoni artifiċjali ta’ sustanzi komposti minn elementi kostitwenti, Hercules Inc., kumpannija holding stabbilita fl-Istati Uniti u fornitriċi ta’ prodotti polimeriċi li jinħallu fl-ilma u fl-organiżmi, u s-Secretary of State for the Environnement, Food and Rural Affairs dwar il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni applikabbli għas‑sustanzi monomeriċi.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 1 tar-Regolament REACH tipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, waħedhom, fi preparati u f’oġġetti filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. [...]”

4        Il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tippreċiża:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi dmirijiet u obbligi speċifiċi għal manifatturi, importaturi u utenti ‛downstream’ ta’ sustanzi waħedhom, fi preparati u f’oġġetti. Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq il-prinċipju li l-industrija għandha timmanifattura, timporta jew tuża sustanzi jew tqegħidhom fis-suq b’tali responsabbiltà u attenzjoni li jkunu meħtieġa sabiex ikun żgurat li, taħt kondizzjonijiet raġonevolment prevedibbli, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ma jkunux milquta ħażin”.

5        Skont il-premessa 19 tal-imsemmi regolament:

“[…]id-dispożizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jeħtieġu li l-manifatturi u l-importaturi jiġġeneraw data dwar is-sustanzi li huma jiffabrikaw jew jimportaw, li jużaw din id-data sabiex jagħmlu stima tar-riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti ta’ l-immaniġġar tar-riskji. […]”

6        Skont il-premessa 41 tar-Regolament REACH:

“Għal raġunijiet ta’ funzjonalità u minħabba n-natura speċjali tagħhom, ir-rekwiżiti speċifiċi tar-reġistrazzjoni għandhom ikunu stabbiliti għas-sustanzi intermedji. Il-polimeri għandhom ikunu eżentati mir-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni sakemm dawk li jeħtieġu rreġistrazzjoni minħbba r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent jistgħu jintgħażlu b’mod prattiku u kost-effettiv fuq il-bażi ta’ kriterji tekniċi sodi u kriterji xjentifiċi validi”.

7        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

[…]

3.      Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li hija r-responsabbiltà tal-manifatturi, ta’ l-importaturi u ta’ l-utenti ‛downstream’ li jiżguraw li huma jimmanifatturaw, iqiegħdu fis-suq, jew jużaw tali sustanzi li ma jolqtux b’mod ħażin is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni”.

8        Il-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament REACH huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 9 tiegħu, li “[i] d-dispożizzjonijiet tat-Titoli II u VI ma għandhomx japplikaw għall-polimeri”.

9        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘Sustanza’: tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha;

2)      ‘Preparat’: tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

[…]

5)      ‘Polimeru’: tfisser sustanza li tikkonsisti minn molekuli karatterizzati minn sekwenza ta’ tip wieħed jew aktar ta’ unitajiet monomeriċi. Tali molekuli għandhom ikollhom firxa ta’ piżijiet molekulari fejn id-differenzi fil-piż molekulari jkun attribwibbli primarjament għad-differenzi fin-numru ta’ unitajiet monomeriċi. Polimeru jkun fih dan li ġej:

a)      maġġoranza ta’ piż sempliċi ta’ molekoli li jkun fih ta’ l-anqas tliet unitajiet monomeriċi li jkunu marbuta b’mod kovalenti ma’ ta’ l-anqas unità monomerika oħra jew sustanza reattiva oħra;

b)      anqas minn maġġoranza sempliċi ta’ piż ta’ molekoli ta’ l-istess piż molekolari.

Fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni ‛unità monomerika’ tfisser il-forma li ġiet suġġetta għal reazzjoni ta’ sustanza monomerika f’polimeru.

6)      ‘Monomeru’: tfisser sustanza li kapaċi tifforma rabtiet kovalenti ma’ sekwenza ta’ molekoli simili jew dissimili taħt il-kondizzjonijiet tar-reazzjoni relevanti tal-formazzjoni tal-polimeri użati għall-proċess partikolari.

[…]

9)      ‘Manifattur’: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li timmanifattura xi sustanza fil-Komunità;

[…]

11)      ‘Importatur’: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun responabbli għall-importazzjoni;

[…]”

10      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Ebda data, ebda suq”, jipprovdi:

“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati fil-Komunità jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ”.

11      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew fi preparati”, jipprovdi:

“1.      Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi preparat wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni [lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi].

[…]

3.      Kull manifattur jew importatur ta’ polimeru għandu jippreżenta reġistrazzjoni [lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi] għas-sustanza jew sustanzi monomeriċi jew kwalunkwe sustanza oħra, li ma jkunux diġà ġew reġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal-provvista, jekk ikunu sodisfatti iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-polimeru fih 2 % piż b’piż (w/w) jew aktar ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta;

b)      il-kwantità totali ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra tikkostitwixxi tunnellata metrika jew aktar kull sena.

[…]”

12      L-Artikolu 8 tar-Regolament REACH jipprovdi:

“1.      Persuna fiżika jew ġuridika stabbilita barra l-Komunità li timmanifattura xi sustanza waħidha, fi preparati jew f’oġġetti, li tifformula preparat jew tipproduċi oġġett li jiġi importat fil-Komunità tista’ bi ftehim reċiproku taħtar persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità sabiex twettaq, bħala l-uniku rappreżentant tagħha, l-obbligi imposti fuq limportaturi taħt dan it-Titolu.

2.      Ir-rappreżentant għandu jikkonforma wkoll ma’ l-obbligi l-oħrajn kollha ta’ l-importaturi taħt dan ir-Regolament. […]

3.      Jekk rappreżentant jiġi maħtur skond il-paragrafi 1 u 2, il-manifattur mhux Komunitarju għandu javża lill-importatur jew importaturi fl-istess katina ta’ provvista bil-ħatra. Dawn l-importaturi għandhom jitqiesu bħala utenti ‛downstream’ għall-finijiet ta’ dan ir- Regolament”.

13      L-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.      Fejn sustanza tkun ġiet reġistrata anqas minn 12-il sena qabel […]ir-reġistrant potenzjali:

a)       għandu, f’każ ta’ informazzjoni li tinvolvi testijiet fuq annimali vertebrati, u

b)       jista’, f’każ ta’ informazzjoni li ma tinvolvix testijiet fuq annimali vertebrati,

jitlob mingħand ir-reġistrant jew reġistranti preċedenti l-informazzjoni li jeħtieġ […] sabiex jirreġistra.

2.      Meta ssir talba għal informazzjoni skond il-paragrafu 1, ir-reġistrant jew reġistrant potenzjali u dawk preċedenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jilħqu ftehim dwar il-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni meħtieġa mir-reġistrant jew reġistranti potenzjali fir-rigward ta’ l-Artikolu 10(a)(vi) u (vii). Tali ftehim jista’ jiġi sostitwit bil-preżentazzjoni tal-kwistjoni lil bord ta’ arbitraġġ u bl-aċċettazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-arbitraġġ.

3.      Ir-reġistrant preċedenti u r-reġistrant jew reġistranti potenzjali għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li l-ispejjeż tal-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni jiġu determinati b’mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju. Dan jista’ jiġi faċilitat billi tiġi segwita gwida dwar il-qsim ta’ spejjeż ibbażata fuq dawk il-prinċipji u li tiġi adottata mill-[Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi]. […] Ir-reġistranti huma meħtieġa biss li jaqsmu l-ispejjeż ta’ l-informazzjoni li huma jkunu meħtieġa jippreżentaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom ta’ reġistrazzjoni.

[…]”

14      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 138(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġiżlattivi hekk kif jista’ jiġi stabbilit mod prattikabbli u effettiv, għall-ispejjeż magħmula, sabiex jintgħażlu polimeri għar-reġistrazzjoni abbażi ta’ kriterji teknikament u xjentifikament validi, u wara li jiġi pubblikat rapport dwar dan li ġej

a)      ir-riskji kawżati mill-polimeri b’paragun ma’ sustanzi oħra;

b)      il-ħtieġa, jekk ikun hemm, tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ polimeri, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetittività u ta’ l-innovazzjoni, fuq naħa waħda, u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, fuq in-naħa l-oħra”.

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-interpretazzjoni u sussegwentement il-validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed jibbażaw ruħhom fuq żewġ esperti tan‑Netherlands Organisation for Applied Scientific Research (TNO) sabiex isostnu li l-monomeri reaġiti jiefqu jippreżentaw in-natura kimika vera tagħhom u li l-polimeri huma ġeneralment stabbli u bla perikolu. Isegwi li jekk il-frażi “sustanzi monomeriċi”, imniżżla fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, għandha tiġi interpretata li tirreferi jew li tinkludi l-monomeri reaġiti, l-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni għall-polimeri ma tibqax tagħmel sens jekk ir-reġistrazzjoni għall-monomeri tkun meħtieġa. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-imsemmi regolament, diskriminatorja u sproporzjonata.

17      Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex iressqu rikors quddiemha u ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni fit-Titolu II tar‑Regolament REACH ma japplikawx għal polimeri skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament, ir-referenza għal sustanzi monomeriċi fl-Artikolu 6(3) għandha tfisser:

a)      monomeri reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li rreaġixxew flimkien b’tali mod li ma jistgħux jiġu sseparati mill-polimeri li jiffurmaw parti minnu;

b)      monomeri mhux reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li jifdal mill-proċess tal-polimerizzazzjoni u li jżommu separati l-identitajiet u l-proprjetajiet kimiċi tagħhom mill-polimera wara li dan il-proċess jitlesta; jew

ċ)       kemm monomeri reaġiti kif ukoll mhux reaġiti?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija jew (a) jew (b), għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) għall-manifatturi jew għall-importaturi tal-polimeri hija illegali peress li r-rekwiżiti huma irraġonevoli, diskriminatorji u sproporzjonati?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob li l-kunċett ta’ “sustanza monomerika”, hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, jiġi kkjarifikat.

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-manifattur jew l-importatur ta’ polimeru għandu jagħmel talba għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza monomerika jew ta’ sustanzi monomeriċi li ma jkunux diġà ġew irreġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal-provvista, jekk il‑polimeru fih tal-inqas 2 % piż, b’piż (w/w) ta’ din jew ta’ dawn is-sustanza(i) monomerika(ċi) fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u jekk il-kwantità totali ta’ din jew dawn is-sustanza(i) tikkostitwixxi tunnellata metrika jew iktar kull sena.

20      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament REACH, il‑monomeri mhux reaġiti għandhom jiġu rreġistrati, peress li huma sustanzi fihom infushom. Bil-kontra, il-polimeri huma esklużi mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

21      Għandu jiġi sussegwentement osservat li, l-ewwel nett, jirriżulta mill-kliem tal‑Artikolu 3(5) tar-Regolament REACH V li l-polimeru huwa kompost minn unitajiet ta’ monomeri li jfisser li huma bħal sustanzi monomeriċi reaġiti.

22      It-tieni nett, skont l-Artikolu 3(6) tal-imsemmi regolament, il-monomeru huwa, min-naħa l-oħra, “sustanza” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(1), meta ma jkunx reaġit.

23      It-tielet nett, jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH li r‑reġistrazzjoni tirrigwarda s-sustanzi monomeriċi jew kull sustanza oħra li tifforma l-polimeru.

24      Isegwi, fid-dawl tat-tifsira ta’ polimeru mogħtija fl-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament u mfakkra fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, illi r-reġistrazzjoni tirrigwarda s-sustanzi monomeriċi reaġiti.

25      Il-fatt li l-kliem “unitajiet monomeriċi” huma użati fl-Artikolu 6(3) tar‑Regolament REACH V u mhux il-kliem “unitajiet ta’ monomeri”, hekk kif imniżżla fl-Artikolu 3(5) fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża u Franċiża, hija bla konsegwenza fuq din il-konstatazzjoni.

26      Fil-fatt, jirriżulta mid-dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Novembru 2004 (Nru 137884/04, p. 5) li dawn il-kliem nżiedu fuq talba tar-Renju tal-Isvezja. Il-verżjoni bil-lingwa Svediża tar-Regolament REACH juża l-istess kliem, “unitajiet ta’ monomeri”, fl-Artikoli 3(5) u 6(3) ta’ dan ir-regolament.

27      Isegwi li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, imniżżel fl-Artikolu 6(3) tar‑Regolament REACH, jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti, integrati mal‑polimeri.

28      Din il-konklużjoni mhix ikkontestata mill-analiżi tal-kuntest strutturali tal‑imsemmi regolament.

29      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l‑obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi ma jikkostitwixxix deroga mill-eżenzjoni għal reġistrazzjoni applikabbli għall-polimeri.

30      Minn naħa, ħarsa lejn il-premessa 19 tar-Regolament jikkonferma l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi manifatturati jew importati mingħajr distinzjoni.

31      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tar-Regolament REACH, bit-titolu “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew fi preparati”, jispjega prinċipju ġenerali ta’ reġistrazzjoni u mhux ta’ eżenzjoni.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll injorat l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jipprovdi li interpretazzjoni, kif inhi dik fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, tirrendi mingħajr skop id-deroga mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni favur il‑polimeri, prevista fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament REACH.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6(3) tal-imsemmi regolament jirrigwarda s-sustanzi monomeriċi li ma jkunux għadhom ġew irreġistrati ’l fuq fil-katina tal-provvista.

34      Jirriżulta li mhumiex il-polimeri li huma kkonċernati mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni, imma biss is-sustanzi monomeriċi bil-karatteristiċi proprji tagħhom, hekk kif huma qabel il-polimerizzazzjoni.

35      Fl-aħħar nett, il-konklużjoni fformulata fil-punt 27 tas-sentenza preżenti hija konfermata mill-għanijiet tar-Regolament REACH, hekk kif spjegati fil-premessa 1 u fl-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar, li huma dawk li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni.

36      Fil-fatt, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi huwa intiż li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent sakemm dawn is-sustanzi jkollhom karatteristiċi li jistgħu jaffettwaw saħħet il-bniedem u l-ambjent.

37      L-għan tal-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern sabiex jittejbu l‑kompetittività u l-innovazzjoni ma jistax jitfa’ fid-dubju t-tifsira ta’ “sustanzi monomeriċi”, iżda li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(3), liema validità hija s‑suġġett tat-tieni domanda.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti, integrati mal-polimeri.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH huwiex null minħabba l-fatt li jimponi fuq il-manifatturi u l-esportaturi ta’ polimeri l-ħtieġa li jagħmlu talba għal reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeri, kif spjegat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti.

 Fuq l-irraġonevolezza tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH

40      Għandu jitqies li din il-kritika tagħmel parti minn dik li tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq [sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 122 u l‑ġurisprudenza ċċitata].

42      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ, li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih il‑leġiżlatur Komunitarju jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in‑natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din [British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      F’din il-kawża, huwa importanti li jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi, hekk kif spjegat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, jikkostitwixxix miżura proporzjonata sabiex l-għanijiet ta’ dan ir‑regolament jintlaħqu.

44      Kif tfakkar fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, l-għanijiet tal-imsemmi regolament, imfissra fl-Artikolu 1 tiegħu, huma li “jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas‑saħħa tal-bniedem u tal-ambjent […] kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni”.

45      Madankollu, fid-dawl tal-premessa 16 tar-Regolament REACH, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa, bħala għan prinċipali għall‑obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, l‑ewwel mit-tliet għanijiet tiegħu, jiġifieri, dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

46      Il-miżura sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, kif previst fil-premessa 19 tar‑Regolament REACH, hija l-obbligu ta’ reġistrazzjoni impost fuq il-manifatturi u l-importaturi, li jinkludi dak li jagħtu informazzjoni dwar is-sustanzi li huma jipproduċu jew jimportaw, li jużaw din l-informazzjoni sabiex jagħmlu stima tar‑riskji relatati ma’ dawn is-sustanzi u li jiżviluppaw u jirrakkomandaw miżuri adatti tal-immaniġġar tar-riskji.

47      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament REACH, dan l‑obbligu ta’ reġistrazzjoni jirrigwarda kull tip ta’ sustanza prodotta jew importata fil-Komunità fi kwantitajiet ta’ mhux inqas minn tunnellata metrika kull sena. Barra minn hekk, dan japplika għal sustanzi, kemm jekk ikunu jew ma jkunux ikklassifikati bħala perikolużi, ħlief fil-każ ta’ deroga espressa.

48      Fid-dawl tal-konklużjoni fformulata fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, filwaqt li l‑polimeri huma eżenti mill-imsemmi obbligu, il-monomeri reaġiti li jaqgħu taħt sottogruppi ta’ polimeri huma suġġett għall-imsemmi obbligu.

49      Fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, għandu jiġi qabel kollox ikkonstatat li r-reġistrazzjoni tas-sustanzi sservi sabiex ittejjeb l‑informazzjoni lill-pubbliku u lill-esperti li jinsabu ‘downstream’ fuq ir-riskji u li, għalhekk, din ir-reġistrazzjoni għandha titqies li hija strument għat-titjib ta’ din il‑protezzjoni.

50      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li jekk il-polimeri huma eżenti mir‑reġistrazzjoni minħabba raġunijiet prattiċi marbuta man-numru kbir wisq tagħhom, din is-sitwazzjoni tista’ tiġi rreveduta bis-saħħa tal-Artikolu 138(2) tar‑Regolament REACH, meta jkun jista’ jiġi stabbilit metodu effikaċi u ekonomiku ta’ għażla tas-sustanzi polimeri.

51      B’hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeri, li huma inqas numerużi mill-polimeri, jippermetti lil li jkunu magħrufa mhux biss ir-riskji marbuta ma’ dawn is-sustanzi, imma wkoll dawk tal-monomeri residwi wara l‑polimerizzazzjoni jew tal-monomeri wara d-degradazzjoni eventwali ta’ polimeri.

52      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ tal‑produzzjoni ta’ polimeri fil-Komunità, il-ħtieġa tar-reġistrazzjoni tal‑monomeri hija evidenti, għaliex is-sustanzi monomeriċi jintużaw bħala monomeri mhux reaġiti fi ħdan il-Komunità, b’mod li huwa neċessarju li l‑informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni għandha tkun magħrufa fit-territorju tagħha sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji eventwali.

53      Barra minn hekk, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ polimeri fil-Komunità, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti jikkontribwixxi fl-istess kundizzjonijiet għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, minħabba l-fatt li dan l‑obbligu jippermetti wkoll għarfien aħjar tal-polimeri.

54      Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi jissodisfa l-prinċipju, imfakkar fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH, tal‑prekawzjoni.

55      L-obbligu ta’ reġistrazzjoni impost fuq l-importaturi jwassal għal tqassim iktar ekwu tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni bejn il-produtturi Komunitarji u l-importaturi.

56      Trattament ugwali bħal dan jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiggarantixxi b’hekk kompetizzjoni leali fi ħdan il-Komunità.

57      Kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, il‑protezzjoni tal-manifattur Komunitarju minn żvantaġġi kompetittivi li jistgħu jirriżultaw minħabba sitwazzjoni differenti mogħtija lil importaturi huwa għan leġittimu tal-leġiżlatur Komunitarju.

58      Jirriżulta li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri huwa xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament REACH.

59       Madankollu, fadal li jiġi vverifikat jekk dan l-obbligu jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu.

60      Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni reali fil-Komuità, l-importaturi ta’ sustanzi monomeriċi għandhom jiġu suġġetti għall-istess obbligi bħal dawk li huma suġġetti għalihom il-manifatturi Komunitarji jew għal obbligi simili li jwasslu għal aġġustament fl-ispejjeż.

61      Kull dispożizzjoni oħra li b’xi mod tikkumpensa lill-importaturi għan-nuqqas ta’ spejjeż għar-reġistrazzjoni mhijiex neċessarjament inqas restrittiva għal dawn tal‑aħħar.

62      Bl-istess mod, kull limitazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni biss għall-monomeri manifatturati fil-Komunità tmur kontra l-għan ta’ kompetittività u ta’ innovazzjoni, għaliex l-importazzjoni ta’ monomeri bi prezz baxx, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-ispejjeż ta’ reġistazzjoni, jiskoraġġixxu kull manifattur Komunitarju milli jibda jew ikompli r-riċerka fuq l-istess monomeri.

63      Isegwi li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi maqgħuda f’polimeri ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għanijiet tar‑Regolament REACH jiġu ssodisfatti.

64      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw in-natura proporzjonata ta’ dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni peress li, minn naħa, l‑importaturi jaffaċċjaw diffikultajiet serji ta’ natura prattika bbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li huma ma jafux il-proprjetajiet tal-polimeri importati, u min-naħa l-oħra, l-ispejjeż għal proċedura ta’ reġistrazzjoni huma wisq sporporzjonati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ u l-kwantitajiet ta’ sustanzi inkwistjoni.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, l-Artikolu 8(1) tar‑Regolament REACH jipprovdi għall-possibbiltà li jinħatar rappreżentant esklużiv għall-manifattur ta’ sustanzi bħal dawk li jinsabu jew fi preparat jew li jipproduċu oġġett li jiġi importat fil-Komunità.

66      Dan ir-rappreżentant għandu jiżgura l-obbligi kollha applikabbli għall-importaturi li jiġu informati, u li, għalhekk, jitqiesu li huma utenti downstream. B’hekk, l‑obbligi ta’ reġistrazzjoni jaqgħu taħt l-imsemmi rappreżentant, li jinħatar minn manifattur li mhux stabbilit fil-Komunità u li fih ikollu l-fiduċja.

67      It-tieni nett, fir-rigward tal-ispejjeż iġġenerati mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura hija identika kemm għal prodotti manifatturati fil-Komunità u kemm għal dawk manifatturati barra l‑Komunità, u li għaldaqstant, il-piż fuq il-manifatturi jew importaturi li mhux stabbiliti fil-Komunità mhuwiex itqal minn dak fuq il-manifatturi Komunitarji.

68      Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Regolament REACH jipprovdi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż li jirrigwardaw is-sustanzi bejn id-diversi notifikanti tal-istess sustanza.

69      B’hekk, il-premessa 33 ta’ dan ir-regolament tipprovdi “Il-preżentazzjoni konġunta u l-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni dwar sustanzi għandhom ikunu previsti sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ta’ reġistrazzjoni, sabiex jitnaqqsu l‑ispejjeż u sabiex jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali vertebrati”.

70      L-implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet huwa żgurat permezz tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament REACH, li jipprovdi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż bejn ir-reġistranti.

71      B’hekk, fid-dawl tan-numru ristrett ta’ sustanzi monomeriċi potenzjali, tat-terminu ta’ validità ta’ 12-il sena mir-reġistrazzjoni preċedenti tas-sustanzi, hekk kif previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament REACH, kif ukoll tal-possibbiltà tal‑kondiviżjoni ta’ informazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, il-piż li jirriżulta mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi reaġiti f’polimeri ma jidhirx li huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-moviment liberu tal‑prodotti fis-suq intern miftuħ għal kompetizzjoni leali.

72      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

73      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas‑sustanzi monomeriċi hija identika, il-manifatturi Komunitarji ta’ polimeri jistgħu jirreġistraw dawn is-sustanzi b’iktar faċilità mill-importaturi sa fejn huma jkunu jafu l-proprjetajiet tal-prodotti tagħhom filwaqt li l-importaturi jridu jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-fornituri tagħhom li jinsabu barra mit-territorju tal-Komunità.

74      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I-403, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa identiku kemm għall-manifatturi Komunitarji u kemm għall-importaturi.

76      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li s-sustanzi monomeriċi reaġiti f’polimeri manifatturati jew importati fil-Komunità jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli meta jkunu interkambjabbli jew identiċi.

77      It-tielet nett, il-manifatturi Komunitarji u l-importaturi jinsabu f’sitwazzjoni differenti, għaliex tal-ewwel għandhom it-tagħrif dwar l-prodotti tagħhom filwaqt li tat-tieni jiddependu mill-informazzjoni pprovduta mill-fornituri li jinsabu barra mit-territorju tal-Komunità.

78      Madankollu, it-trattament identiku impost fuq dawn is-sitwazzjonijiet differenti huwa oġġettivament iġġustifikat mir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli fis-suq intern.

79      Fil-fatt, permezz tat-trattament differenti bejn l-importaturi ta’ sustanzi monomeriċi reaġiti u l-manifatturi ta’ dawn is-sustanzi li jinsabu fil-Komunità, tal-ewwel jibbenefikaw iktar milli tat-tieni.

80      Isegwi li l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jista’ jiġi kkonstatat u, għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex null minħabba ksur ta’ dan il-prinċipju.

81      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-analiżi tat-tieni domanda ma wriet l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, li jinsab fl-Artikolu 6(3) tar‑Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il‑valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti magħquda mal-polimeri.

2)      L-analiżi tat-tieni domanda ma wriet l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1907/2006.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.