SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali tad-databases — Dritt sui generis — Kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database — Estrazzjoni — Parti sostanzjali tal-kontenut ta’ database — Database elettronika ta’ data ġuridika uffiċjali”

Fil-Kawża C-545/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-, fil-proċedura

Apis-Hristovich EOOD

vs

Lakorda AD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Apis-Hristovich EOOD, minn E. Marcov u A. Andréev, advokati,

għal Lakorda AD, minn D. Mateva u M. Mladenov, advokati,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, kif ukoll minn A. Ananiev, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Nikolova u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Apis-Hristovich EOOD (iktar ’il quddiem “Apis”) kontra Lakorda AD (iktar ’il quddiem “Lakorda”), żewġ kumpanniji rregolati taħt id-dritt Bulgaru li jqiegħdu fis-suq databases ġuridiċi uffiċjali.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-Direttiva 96/9 għandha bħala suġġett, skont l-Artikolu 1(1) tagħha “il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta”.

4

Il-kunċett ta’ databases huwa ddefinit, għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, fl-Artikolu 1(2) tagħha, bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

5

Skont l-Artikolu 1(3) tal-istess direttiva, “[i]l-protezzjoni taħt din id-Direttiva ma tapplikax għal programmi tal-kompjuter użati biex isiru u jitħaddmu databases aċċessibbli b’mezzi elettroniċi”.

6

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/9 jipprovdi:

“Limitazzjonijiet fuq il-qasam ta’ l-applikazzjoni:

a)

l-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter;

[…]”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur tad-“databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu”.

8

L-Artikolu 7 tal-istess direttiva intitolat “Għan tal-protezzjoni” jistabbilixxi dritt sui generis fit-termini li ġejjin:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)

‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)

‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità.

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.   L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

9

Fil-liġi tar-Repubblika tal-Bulgarija, il-protezzjoni legali tad-databases hija rregolata mil-liġi dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati (Zakon za avtorskoto pravo i srodnite mu prava, Darzhaven vestnik Nru 56, tad-29 ta’ Ġunju 1993), fil-verżjoni emendata tagħha ppubblikata fil-Darzhaven vestnik Nru 73, tal-) (iktar ’il quddiem iz-“ZAPSP”). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 96/9 ġew trasposti fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-dispożizzjonijiet supplementari taz-ZAPSP, u dawk tal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva għall-Artikoli 93 b u l-paragrafu (1) tal-Artikolu 93 c ta’ din il-liġi.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

10

Is-Sofiysdi gradski sad (qorti tal-Belt ta’ Sofia) ġiet ippreżentata b’rikors mingħand Apis sabiex, minn naħa, jitwaqqaf l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid allegatament illegali, minn Lakorda, ta’ partijiet sostanzjali tal-moduli tagħha imsejħa “Apis pravo” (“Apis liġi”) u“Apis praktika” (“Apis ġurisprudenza”) li jagħmlu parti minn sistema globali ta’ informazzjoni ġuridika, jiġifieri fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, “Apis 5x”, wara “Apis 6” u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet sostniet minħabba l-aġir ta’ Lakorda.

11

Apis tikkonferma li hija tagħmel databases skont iz-ZAPSP u li hija għamlet investiment sostanzjali fil-ġabra, il-verifika u s-sistematizzazzjoni u t-twettiq tad-data li tinsab fil-moduli “Apis pravo” u “Apis pratika”. L-attivitajiet prinċipali marbuta ma’ dan l-investiment kienu fin-numerizzazzjoni, il-konverżjoni, ix-xogħol ta’ korrezzjoni, l-ipproċessar tekonoloġiju, il-konsolidazzjoni tat-testi statutorji u l-ipproċessar ġuridiku.

12

Apis issostni li persuni li kienu preċedentement ħadmu fid-dipartiment informatiku tagħha qabel ma ħolqu Lakorda kienu illegalment għamlu estrazzjoni ta’ partijiet sostanzjali tal-moduli tagħha, u b’hekk dawn setgħu jipproduċu u jqiegħu fis-suq, matul ix-xahar ta’ Settembru tas-sena 2006, il-moduli tagħha stess, imsejħa “Balgarsko pravo” (“dritt Bulgaru”) u “Sadebna praktika” (“ġurisprudenza tal-qrati”), li jagħmlu parti mis-sistema globali ta’ informazzjoni ġuridika “Lakorda legis”.

13

Apis tallega li Lakorda, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, għamlet estrazzjoni mill-modulu “Apis pravo” tat-testi, fil-verżjoni kkonsolidata tagħhom, ta’ aktar minn 19700 dokumenti, li jikkorrispondu għal atti statutorji fis-seħħ, għal atti li ġew emendati jew tħassir ta’ atti preċedenti, kif ukoll atti li mhumiex statutorji. Minbarra dan, aktar minn 2500 dokument, li jikkorrispondu għal verżjonijiet preċedenti ta’ atti statutorji li jmorru lura għall-perijodu bejn 2001 u 2006, kienu ġew estratti mill-modulu “Apis pravo” u użati mill-ġdid fis-sistema “Lakorda legis”. B’hekk, 82.5% tad-dokumenti kollha li jinsabu f’dan il-modulu b’hekk kienu ġew estratti u użati mill-ġdid minn Lakorda, li jirrappreżenta parti kwantitattiva sostanzjali tal-kontenut ta’ dan il-modulu.

14

Minbarra dan, skont l-allegazzjonijiet ta’ Apis, 2516 deċiżjonijiet ġuridiċi mhux ippubblikati, li din tal-aħħar kienet kisbet bl-awtorizzazzjoni tal-qrati kkonċernati u li hija ġabret fil-modulu tagħha “Apis pratika”, kienu ġew estratti minnu minn Lakorda u inkorporati fil-modulu “Sadebna praktika”, li, b’kunsiderazzjoni tal-valur partikolari ta’ din il-ġurisprudenza mhux ippubblikata, jirrappreżenta, skont Apis, parti kwalitattivament sostanzjali tal-modulu “Apis pratika”.

15

Apis issostni li l-atti ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid ta’ Lakorda saru mhux biss fit-testi tad-dokumenti elenkati fil-moduli “Apis pravo” u “Apis pratika” iżda ukoll fid-data marbuta ma’ dawn id-dokumenti, bħal fil-każ ta’ referenzi bejn dawn tal-aħħar u definizzjonijiet legali ta’ ċerti termini u kunċetti. Ir-realtà ta’ dawn l-atti mhux awtorizzati hija kkonfermata mill-preżenza, fil-moduli ta’ Lakorda, ta’ karatteristiċi identiċi għal dawk tal-moduli tagħha stess, bħal, b’mod partikolari, noti testwali, referenzi għal traduzzjonijiet fil-lingwa Ingliża, ordnijiet, riċerki, hyperlinks u indikazzjonijiet dwar l-istorja tal-atti leġiżlattivi.

16

Lakorda tiċħad kull estrazzjoni u użu mill-ġdid illegali tal-moduli ta’ Apis. Hija ssosnti li s-sistema tagħha “Lakorda legis” hija r-riżultat ta’ investiment awtonomu sinjifikattiv, ekwivalenti għal BGN 215000. Il-ħolqien ta’ din is-sistema kien immobilizza tim ta’ esperti tal-informatika, ġuristi kif ukoll amministraturi u kien ibbażat fuq softwer informatiku oriġinali ta’ ħolqien, ta’ twettiq u ta’ viżwalizzazzjoni ta’ databases, li jippermettu pproċessar tad-data u aċċess għall-informazzjoni aktar malajr u effettiva milli s-sistemi l-oħra ta’ informazzjoni ġuridika. Minbarra dan, dawn il-moduli huma kkaratterizzati minn struttura fondamentalment differenti minn dik tal-moduli ta’ Apis.

17

Lakorda ssostni li, sabiex twettaq sew il-proġett tagħha, hija bbażat ruħha fuq ir-relazzjonijiet tagħha ma’ awtoritajiet nazzjonali u Ewropej differenti. Minbarra dan hija kienet utilizzat sorsi aċċessibbli għall-pubbliku, bħad-Darzhaven vestnik (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Bulgarija) u s-siti uffiċjali tal-istituzzjonijiet u tal-qrati nazzjonali, li jispejga x-xebh kbir tal-kontenut eżistenti bejn dawn il-moduli u dawk ta’ Apis, kif ukoll il-preżenza, għalkemm limitata, ta’ karatteristiċi analogi għal dawk tal-moduli ta’ Apis, fir-rigward b’mod partikolari tar-referenzi għal traduzzjonijiet u ordnijiet. Barra minn hekk, skont iz-ZAPSP, l-atti uffiċjali tal-organi tal-Istat ma jaqgħux taħt is-sistema ta’ protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur.

18

Lakorda ssostni li l-parti kbira tan-noti testwali kif ukoll il-hyperlinks li jidhru fis-sistema “Lakorda Legis” huma r-riżultat ta’ ħsieb personali, ibbażat fuq ipproċessar, ikklassifikar u definizzjoni sistematika estremament iddettaljati fl-atti elenkati. B’hekk din is-sistema fiha 1200000 data strutturali, aċċessibbli separatament, u aktar minn 2700000 hyperlinks, infassla skont metodu uniku ta’ rikonoxximent u ta’ klassifikar. Barra minn hekk, jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn id-deċiżjonijiet ġuridiċi elenkati fis-sistemi informatiċi rispettivi ta’ Lakorda u ta’ Apis, b’mod partikolari fil-livell tal-elementi indikati bħala li huma essenzjali għall-qari tad-deċiżjoni kkonċernata. Fir-rigward tat-teknika testwali li tikkaratterizza l-moduli ta’ Apis, din tirriżulta minn regoli komuni ta’ punteġġatura fis-seħħ fil-lingwa Bulgara.

19

Is-Sofiyski gradski sad tikkonferma li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fil-kawża li tressqet quddiemha, għandu jiġi interpretat u applikat l-Artikolu 93 c (1) taz-ZAPSP, li jittrasponi l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 96/9.

20

Filwaqt li ssostni, minn naħa, li l-kwistjoni fiċ-ċentru tal-kawża prinċipali tinsab fl-allegata estrazzjoni illegali minn Lakorda tal-kontenut tal-moduli ta’ Apis u, min-naħa l-oħra, li dan il-kontenut huwa kompost minn atti ta’ organi tal-Istat, kostantement emendati, kompletati jew imħassra, din il-qorti tikkunsidra li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur għaz-ZAPSP, għandu jiġi ddeterminat kemm il-mument li fih l-allegata estrazzjoni seħħet kif ukoll jekk dan jikkostitwixxix trasferiment permanenti jew trasferiment temporanju.

21

Peress li dawn l-aħħar żewġ kunċetti ma kinux iddefiniti miz-ZAPSP, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġu intepretati t-termini “permanenti” jew “temporanju” li jinsabu fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, għandux jiġi applikat kriterju fondat fuq it-tul tal-perijodu ta’ trasferiment jew fuq il-perijodu tal-konservazzjoni tal-prodott tal-estrazzjoni fuq apparat ieħor. Hija kkunsidrat li t-tieni kriterju, li għandu jiġi kkunsidrat, jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk id-database li minnha seħħet l-allegata estrazzjoni kinitx ġiet immemorizzata għal żmien twil fuq sistema ta’ hardwer, li f’dan il-każ ikun trasferiment permanenti jew jekk, bil-kontra, din id-database kinitx ġiet ikkonservata temporanjament fil-memorja operattiva tal-kompjuter, li f’dak il-każ ikun trasferiment temporanju.

22

B’kunsiderazzjoni tal-allegazzjoni ta’ Lakorda li l-moduli “Apis pravo” u “Apis pratika” jirrappreżentaw, mill-aspett kwantitattiv, parti mhux sostanzjali tas-sistema tagħha “Lakorda legis”, il-qorti tar-rinviju tqis barra minn hekk li hija għandha tinterpreta l-kunċett ta’ parti sostanzjali mill-aspett kwantitattiv, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ estrazzjoni li tirrigwarda din il-parti, għandhomx jiġu pparagunati l-ġabra ta’ data estratta minn dawn il-moduli mal-ġabra ta’ data li tinsab fil-moduli ta’ Lakorda kkunsidrati separatament jew, bil-kontra, flimkien.

23

L-affermazzjoni ta’ Apis li tikkonċerna l-preżenza, fil-modulu tagħha “Apis pratika”, ta’ deċiżjonijiet ġuridiċi miksuba minn qrati li l-ġurisprudenza tagħhom mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku twassal lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ parti sostanzjali, mill-aspett kwalitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 96/9, huwiex l-aċċessibbiltà tad-data mill-aspett tal-ġbir tagħha jew l-importanza tal-valur informattiv ta’ din id-data.

24

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ estrazzjoni taħt l-Artikou 7 tad-Direttiva 96/9, għandhomx jiġu pparagunati mhux biss id-databases inkwantu tali, iżda ukoll il-programmi informatiċi ta’ ġestjoni tagħhom.

25

Quddiem dawn id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, is-Sofiyski gradski sad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Kif għandhom jiġu interpretati u ddefiniti l-kunċetti ta’ “trasferiment permanenti” u ta’ “trasferiment temporanju” sabiex jiġi stabbilit:

l-eżistenza ta’ estrazzjoni skont l-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva [96/9] minn database aċċessibbli elettronikament [?]

f’liema mument għandu jiġi aċċettat li teżisti estrazzjoni skont l-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva [96/9] minn database aċċessibbli elettronikament?

x’inhija l-importanza, sabiex tiġi evalwata l-estrazzjoni, tal-fatt li l-kontenut tad-database, hekk kif estratt, serva għall-ħolqien ta’ database emendata ġdida?

2)

Liema kriterju għandu jiġi applikat matul l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ estrazzjoni ta’ parti sostanzjali mill-aspett kwantitattiv jekk id-databases jiġu miġbura u użati f’gruppi sussidjarji separati li huma prodotti kummerċjali awtonomi? Għandu jittieħed bħala kriterju l-volum tad-databases fil-prodott kummerċjali kollu kemm hu jew il-volum tad-databases fil-gruppi sussidjarji kkonċernati?

3)

Matul l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti sostanzjali minn aspett kwalitattiv” għandha tittieħed bħala kriterju ċ-ċirkustanza li ċerta tip ta’ data li huwa allegat li ġiet estratta inkisbet minn min għamel id-database minn sors li mhuwiex aċċessibbli għal kulħadd u li, għal din ir-raġuni, il-provvista tagħha ma setgħetx isseħħ ħlief permezz tal-estrazzjoni tagħha minn databases ta’ min għamel din id-database preċiżament?

4)

Skont l-applikazzjoni ta’ liema kriterji għandha tiġi stabbilita l-eżistenza tal-estrazzjoni ta’ database aċċessibbli elettronikament? Jekk id-database ta’ min għamilha għandha struttura speċifika, ta’ noti, ta’ referenzi, ta’ ordnijiet, ta’ riċerki, ta’ hyperlinks u ta’ dispożizzjonijiet u li dawn jinsabu fid-database tal-awtur tal-allegat ksur, dan l-istat ta’ fatt jista’ jiġi intepretat bħala prova li tersaq lejn is-sens ta’ estrazzjoni? Matul din l-evalwazzjoni, l-istrutturi oriġinali differenti tal-organizzazzjoni taż-żewġ databases opposti għandhom effett?

5)

Il-programm/sistema informatika għall-ġestjoni ta’ database għandhom effett fuq id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni meta ma jagħmlux parti mid-database?

6)

Sa fejn, skont id-direttiva [96/9] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ‘parti sostanzjali tad-database minn aspett kwantitattiv u kwalitattiva’ hija marbuta ma’ investiment sostanzjali sabiex jinkiseb, mill-verifika jew mill-preżentazzjoni tad-database, kif għandhom jiġu interpretati dawn il-kunċetti fir-rigward tal-atti statutorji u individwali, aċċessibbli għall-pubbliku, adottati minn organi b’setgħa eżekuttiva tal-Istat, kif ukoll fir-rigward tat-traduzzjonijiet uffiċjali tagħhom u l-ġurisprudenza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Lakorda tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari mhijiex neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni għall-kawża prinċipali.

27

Lakorda ssostni f’dan ir-rigward li din il-kawża ma tirrigwardax l-interpretazzjoni li għandha tingħata għal kunċetti bħal dawk ta’ “estrazzjoni” jew “parti sostanzjali [tal-kontenut] ta’ database”, skont id-Direttiva 96/9. Hija ssostni li l-kunċett ta’ estrazzjoni huwa ddefinit mid-dritt Bulgaru u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija żżid tgħid li, fir-rigward tal-allegata estrazzjoni illegali li hija akkużata biha, il-qorti tar-rinviju hija fil-pożizzjoni li tevalwa l-elementi li ġew ipprovduti lilha mill-partijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rapporti tal-perizja teknika u ta’ kontabbiltà li hija talbet u kisbet sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, mingħajr ma jirriżulta neċessarju l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59; tal-, Centro Europa 7, C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 52, u tas-, Michaniki, C-213/07, Ġabra, p. I-9999, punt 32).

29

Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27, u Michaniki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

30

Ir-rifjut li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PrussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, u Michaniki, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

31

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża ma taqax taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Bil-kontra, id-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, li jinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, juri — li, minbarra dan, ġie kkonfermat matul is-seduta — li s-soluzzjoni tal-kawza li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju hija soġġetta, b’mod partikolari, għall-ksib, minn din tal-aħħar, ta’ sensiela ta’ preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw il-kunċetti ta’ “estrazzjoni” u ta’ “parti sostanzjali”, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

32

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura intiża fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex din tal-aħħar tagħti risposta effettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsdirat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

34

L-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw prinċipalment il-kunċett ta’ estrazzjoni, inkwantu trasferiment fiżiku ta’ data, fil-kuntest tad-Direttiva 96/9. It-tieni, it-tielet u s-sitt domandi, li ukoll għandhom jinġabru flimkien sabiex jiġu eżaminati konġuntament, jirrigwardaw essenzjalment il-kunċett ta’ parti sostanzjali, evalwat b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, f’dan l-istess kuntest.

Fuq l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi, dwar il-kunċett ta’ “estrazzjoni” taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “trasferiment permanenti” u ta’ “trasferiment temporanju” użati fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9 sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ estrazzjoni. Hija tistaqsi ukoll dwar, minn naħa, f’liema mument iseħħ estrazzjoni minn database aċċessibbli elettronikament u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li l-kontenut li kien ġie estratt minn database serviex għall-ħolqien ta’ database immodifikata ġdida huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali estrazzjoni.

36

Ir-raba’ domanda tikkonċerna, essenzjalment, ir-rilevanza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni minn database aċċessibbli elettronikament, minn naħa, taċ-ċirkustanza li karatteristiċi materjali u tekniċi ta’ din il-database jinsabu fid-database tal-awtur preżunt ta’ ksur tad-dritt sui generis u, min-naħa l-oħra, tad-differenza eżistenti fl-organizzazzjoni strutturali taż-żewġ databases ikkonċernati.

37

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-programm informatiku użat sabiex tiġi ġestita database, mingħajr ma jagħmel parti minnha, għandux effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ estrazzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, bħala “it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma”.

39

Peress li l-kunċett ta’ estrazzjoni kien intuża f’dispożizzjonijiet differenti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, ir-risposti għad-domandi eżaminati għandhom jinsabu fil-kuntest ġenerali ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Directmedia Publishing, C-304/07, Ġabra 2008, p. I-7565, punt 28).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tat-termini użati, fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ estrazzjoni, kif ukoll l-għan tad-dritt sui generis stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C-203/02, Ġabra p. I-10415, punti 45, 46 u 51, kif ukoll Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 sa 33), dan il-kunċett għandu, fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu 7, jinftiehem f’sens wiesà, bħala li jkopri kull att mhux awtorizzat ta’ approprjazzjoni tal-kontenut kollu ta’ database jew ta’ parti minnu, filwaqt li n-natura u l-forma tal-proċedura utilizzata ma kinux rilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 67, kif ukoll Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34, 35, 37 u 38).

41

Il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward jinsab fl-eżistenza ta’ att ta’ “trasferiment” tal-kontenut kollu tad-database kkonċernata jew ta’ parti minnu lejn apparat ieħor, li jkun tal-istess natura bħall-apparat ta’ din id-database jew ta’ natura differenti. Tali trasferiment jippreżupponi li l-kontenut kollu ta’ database jew parti minnu jinsab f’apparat differenti minn dak tad-database oriġinali (ara s-sentenza Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, f’rabta mal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju li, kif jirriżulta mit-termini tal-istess Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jinkludi fil-kunċett ta’ “estrazzjoni” skont l-Artikolu 7, mhux biss l-atti ta’ “trasferiment permanenti” iżda wkoll dawk li jikkorrispondu għal “trasferiment temporanju”.

43

Hekk kif ġie ppreċiżat matul is-seduta mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-għan ta’ dan il-leġiżlatur huwa li jeskludi espliċitament l-eżistenza ta’ forma ta’ regola de minimis fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9. Barra minn hekk, kif ikkonfermat ukoll il-Kummissjoni matul is-seduta, din id-direttva żgur li ma torbot ebda konsegwenza legali speċifika man-natura permanenti jew, bil-kontra, temporanja tat-trasferiment ikkonċernat. Madankollu, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment permanenti jew ta’ trasferiment temporanju tista’, skont il-kuntest ta’ dritt nazzjonali inkwistjoni, tkun ta’ interess sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ eventwali ksur tad-dritt sui generis ta’ min għamel id-database protetta jew ukoll il-portata tad-dannu kumpensabbili fir-rigward ta’ tali ksur.

44

Bħal ma ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li d-distinzjoni bejn it-trasferiment permanenti u t-trasferiment temporanju jinsab fil-perijodu tal-konservazzjoni, fuq apparat ieħor, tal-elementi estratti mid-database oriġinali. Ikun hemm trasferiment permanenti meta dawn l-elementi jinsabu preżenti għal żmien twil f’apparat ieħor li mhuwiex l-apparat oriġinali, filwaqt li jkun hemm trasferiment temporanju meta dawn l-elementi huma miġbura għal żmien limitat fuq apparat ieħor, pereżempju fil-memorja operattiva ta’ kompjuter.

45

Fir-rigward tal-mument tal-eżistenza ta’ estrazzjoni minn database elettronika, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkorrispondi għall-mument meta jiġu stabbiliti elementi intiżi permezz tal-estrazzjoni għal fuq apparat li mhuwiex dak tad-database oriġinali, indipendentement mill-kwistjoni jekk din il-preżenza tirrappreżentax natura permanenti jew temporanja.

46

Barra minn hekk, l-għan li l-att ta’ trasferiment fittex li jilħaq huwa immaterjali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “estrazzjoni”. Għaldaqstant, huwa insinjifikattiv jekk l-att inkwistjoni għandux bħala għan il-ħolqien ta’ database oħra, li tkun f’kompetizzjoni mad-database oriġinali jew le, jew jekk dan l-att isirx fil-kuntest ta’ attività, kummerċjali jew le, għajr il-ħolqien ta’ database (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 kif ukoll 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Hekk kif tikkonferma t-tmienja u tletin premessa tad-Direttiva 96/9, huwa wkoll mingħajr importanza, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ estrazzjoni, li t-trasferiment tal-kontenut ta’ database protetta fuq apparat ieħor iwassal għal dispożizzjoni jew organizzazzjoni tal-elementi kkonċernati differenti minn dik li tikkaratterizza d-database oriġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

48

Konsegwentement, u fir-rigward tal-possibbiltajiet tekniċi ta’ organizzazzjoni mill-ġdid li fuqhom jistgħu jibbażaw id-databases elettroniċi, iċ-ċirkustanza li l-kontenut kollu ta’ tali database protetta permezz tad-dritt sui generis, jew parti minnu, isib ruħu, taħt forma immodifikata, f’database oħra ma tipprekludix, inkwantu tali, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni. L-istess japplika għaċ-ċirkustanza, invokata mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha, dwar l-eżistenza ta’ differenzi dwar l-organizzazzjoni strutturali taż-żewġ databases ikkonċernati.

49

Għandu ukoll jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, jekk kien stabbilit — ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa — li l-kontenut jew parti sostanzjali minnu ta’ database protetta permezz tad-dritt sui generis ikun ġie ttrasferit, mingħajr awtorizzazzjoni ta’ min ikun għamel id-database, fuq apparat li jappartjeni lil persuna oħra sabiex jiġi, sussegwentement, mogħti minnha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku pereżempju taħt il-forma ta’ database oħra, eventwalment immodifikata, tali ċirkustanza hija ta’ natura li turi, minbarra l-eżistenza ta’ estrazzjoni, dik tal-użu mill-ġdid intiż skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, peress li l-kunċett ta’ użu mill-ġdid huwa intiż, fil-fatt, għal kull att mhux awtorizzat ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku tal-kontenut ta’ database protetta, jew parti sostanzjali minn dan il-kontenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 67).

50

Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, minbarra dan għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza, li l-qorti tar-rinvju ukoll għandha tivverifika l-eżistenza tagħha, li estrazzjoni illegali minn database protetta seħħet għall-finijiet tal-ħolqien u t-tqegħid fis-suq ta’ database ġdida, li tikkompeti ma’ database oriġinali, tista’, jekk ikun il-każ, tirriżulta rilevanti sabiex tiġi evalwata l-portata tad-dannu kkawżat minn dan l-att lil min għamel id-database oriġinali.

51

Fir-rigward taċ-ċirkustanza, ukoll imsemmija mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha, li l-karatteristiċi materjali u tekniċi preżenti fil-kontenut ta’ database jinsabu ukoll fil-kontenut ta’ databse oħra, hija tista’ tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza ta’ trasferiment bejn dawn iż-żewġ databases u, b’hekk, ta’ estrazzjoni. Hekk kif sostniet Lakorda, hija din il-qorti li għandha tevalwa jekk din il-koinċidenza tistax tiġi spjegata minn fatturi oħra, bħan-natura identika tas-sorsi użati matul il-ħolqien taż-żewġ databases u l-preżenza ta’ tali karatteristiċi f’dawn is-sorsi komuni.

52

Kif isostni l-Gvern Bulgaru, għandu ukoll jiġi ppreċiżat li l-fatt li elementi miksuba minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli għall-pubbliku jinsabu ukoll f’database ta’ persuna oħra, mhuwiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex juri l-eżistenza ta’ trasferiment mill-apparat tal-ewwel database fuq l-apparat tat-tieni waħda, fir-rigward tal-possibbiltà li dawn l-elementi kienu ukoll miġbura direttament minn min għamel it-tieni database mill-istess sorsi bħal dawk użati mill-ewwel persuna li għamlet id-database. Madankollu tali fatt jista’ tikkostitwixxi prova ta’ estrazzjoni.

53

Fl-aħħar nett, hekk kif isostnu l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza — invokata minn Lakorda fil-kawża prinċipali u li kienet immotivat il-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju — dwar in-natura oriġinali tal-programm informatiku utilizzat, għall-ġestjoni tad-database tagħha, mill-awtur ta’ allegat ksur tad-dritt sui generis ta’ min kien għamel database oħra, tista’, ċertament, tirriżulta rilevanti, skont il-każ, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114) [ara, f’dan ir-rigward, it-tlieta u għoxrin premessa u l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 96/9].

54

Min-naħa l-oħra, tali ċirkustanza mhijex ta’ natura, inkwantu tali, li teskludi li l-preżenza tal-elementi kollha jew ta’ parti minnhom li jinsabu f’apparat tad-database tal-awtur preżunt ta’ tali ksur ġejja minn trasferiment mhux awtorizzat ta’ dawn l-elementi mwettaq l-ewwel nett mill-apparat tad-database protetta.

55

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domandi għandhom jiġu risposti li:

Id-delimitazzjoni tal-kunċetti rispettivi ta’ “trasferiment permanenti” u ta’ “trasferiment temporanju” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 hija bbażata fuq il-kriterju tal-perijodu ta’ konservazzjoni tal-elementi estratti minn database protetta fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Il-mument tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7, minn database protetta, aċċessibbli elettronikament, jikkorrispondi għall-mument meta jiġu stabbiliti elementi intiżi mill-att ta’ trasferiment fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Dan il-kunċett ta’ estrazzjoni huwa indipendenti mill-għan segwit mill-awtur tal-att inkwistjoni, mill-bidliet eventwalment magħmula minn dan l-awtur għall-kontenut tal-elementi hekk ittrasferiti kif ukoll mid-differenzi eventwali relatati mal-organizzazzjoni strutturali tad-databases ikkonċernati.

Iċ-ċirkustanza li karatteristiċi materjali u tekniċi preżenti fil-kontenut ta’ database protetta ta’ min għamel id-database jinsabu wkoll fil-kontenut ta’ database ta’ persuna oħra tista’ tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, sakemm tali koinċidenza ma tistax tiġi spjegata minn fatturi oħra barra trasferiment li seħħ bejn iż-żewġ databases ikkonċernati. Il-fatt li elementi miksuba minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli għall-pubbliku jinsabu wkoll fid-database ta’ persuna oħra mhuwiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex juri l-eżistenza ta’ tali estrazzjoni, iżda jista’ jikkostitwixxi prova tagħha.

In-natura tal-programmi informatiċi użati għall-ġestjoni ta’ żewġ databases elettroniċi ma tikkostitwixxix element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

Fuq it-tieni, it-tielet u s-sitt domandi, dwar il-kunċett ta’ “parti sostanzjali [tal-kontenut] ta’ database” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9

56

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huwa l-mod li bih għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ estrazzjoni “ta parti sostanzjali” evalwat b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, peress li d-databases ikkonċernati jikkostitwixxu, fi ħdan ġabra ta’ elementi, “gruppi sussidjarji” (moduli) separati, li jikkorrispondu għal prodotti kummerċjali awtonomi.

57

It-tielet domanda hija intiża, essenzjalment, biex wieħed issir jaf jekk iċ-ċirkustanza li uħud mill-elementi allegatament estratti minn database inkisbu minn min għamel din id-database minn sors li mhuwiex liberament aċċessibbli lill-pubbliku hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti sostanzjali” evalwat b’mod kwalitattiv, tal-kontenut ta’ database skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

58

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat, fil-kuntest tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, il-kunċett ta’ “parti sostanzjali [tal-kontenut] ta’ database”, fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet li diġà jinsabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din id-database tinkludi atti uffiċjali aċċessibbli għall-pubbliku, bħal fil-każ ta’ atti statutorji u individwali ta’ setgħa eżekuttiva tal-Istat u t-traduzzjonijiet uffiċjali tagħhom, kif ukoll tal-ġurisprudenza.

59

Fir-rigward tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ parti sostanzjali, evalwat b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database protetta jirreferi għall-volum ta’ elementi estratti u/jew użati mill-ġdid minn din id-database u għandu jiġi evalwat fil-konfront tal-volum tal-kontenut totali tagħha. Fil-fatt, jekk persuna li tuża’ d-database twettaq estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid ta’ parti kwantitattivament sinjifikattiva tal-kontenut ta’ database li l-ħolqien tagħha kien jeħtieġ l-implementazzjoni ta’ mezzi sostanzjali, l-investiment relatat mal-parti estratta u/jew użata mill-ġdid huwa, proporzjonalment, ukoll sostanzjali (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

60

Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, għandu jingħad ukoll dwar dan il-punt li l-volum tal-kontenut tad-database li fuq l-apparat tagħha ġew ittrasferiti elementi li ġejjin minn database protetta min-naħa l-oħra bl-ebda mod ma huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura sostanzjali tal-parti tal-kontenut ta’ din id-database protetta kkonċernata mill-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid allegat.

61

Barra minn hekk, hekk kif sostniet Apis kif ukoll il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni, mill-aspett kwantitattiv, tan-natura sostanzjali ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi applikata ħlief fir-rigward ta’ ġabra ta’ elementi li jistgħu jiġu protetti permezz tad-dritt sui generis minħabba, minn naħa, il-karatteristika tagħha bħala database, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, u, min-naħa l-oħra, in-natura sostanzjali tal-investiment marbut mal-ħolqien ta’ din id-database, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

62

Isegwi li, fl-ipoteżi, bħal dik invokata mill-qorti tar-rinvju fit-tieni domanda tagħha, fejn ġabra ta’ elementi hija kkostitwita minn diversi “gruppi sussidjarji” separati, sabiex jiġi evalwat jekk estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid allegatament operati minn wieħed minn dawn il-gruppi sussidjarji kinux ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, għandu jiġi ddeterminat minn qabel jekk dan il-grupp sussidjarju jikkostitwixxi minnu nnifsu database, skont id-Direttiva 96/9 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-444/02, Ġabra p. I-10549, punti 19 sa 32) li barra minn hekk jirrispondi għall-kriterji ta’ għoti tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis li jinsab fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

63

Fl-affermattiv, il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid tal-grupp sussidjarju kkonċernat għandu b’hekk jiġi pparagunat ma’ dak tal-kontenut totali ta’ dan il-grupp sussidjarju biss.

64

Fin-negattiv, u sa fejn l-elementi kollha li jagħmel parti minnhom il-grupp sussidjarju kkonċernat jikkostitwixxu minnhom infushom database eliġibbli għall-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis skont l-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, il-paragun għandu għalhekk jiġi applikat bejn il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid ta’ dan il-grupp sussidjarju kif ukoll, eventwalment, gruppi sussidjarji oħra u dak tal-kontenut totali ta’ din il-ġabra ta’ elementi.

65

Għandu ukoll jiġi ppreċiżat fuq dan is-suġġett li ċ-ċirkustanza li l-gruppi sussidjarji differenti tal-istess ġabra ta’ elementi jitqiegħdu fis-suq, kull wieħed minnhom separatament, bħala prodotti awtonomi mhijiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex jagħtihom il-kwalifika bħala database eliġibbli, bħala tali, għall-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis. Tali kwalifika hija bbażata, fil-fatt, mhux fuq kunsiderazzjonijiet ta’ sistema kummerċjali, iżda fuq il-preżenza tal-kundizzjonijiet legali msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

66

F’dak li jirrigwarda t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ parti sostanzjali, evalwat b’mod kwalitattiv, tal-kontenut ta’ database protetta jirreferi għall-ammont tal-investiment marbut mal-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tas-suġġett tal-att ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid, irrispettivament minn jekk dan is-suġġett jirrappreżentax parti kwantitattivament sostanzjali tal-kontenut ġenerali tad-database protetta. Fil-fatt, parti kwantitattivament negliġibbli tal-kontenut ta’ database tista’ fil-fatt tirrappreżenta, mill-aspett ta’ kisba, ta’ verifika jew ta’ preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikattiv (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

67

Fid-dawl tas-sitta u erbgħin premessa tad-Direttiva 96/9, li tgħid li l-eżistenza tad-dritt sui generis ma tagħtix lok għall-ħolqien ta’ dritt ġdid fuq ix-xogħlijiet, id-data jew l-elementi stess ta’ database, barra minn hekk ġie deċiż li l-valur intrinsiku tal-elementi kkonċernati mill-att ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 78).

68

Fid-dawl ta’ dak li ġie mfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn database protetta permezz tad-dritt sui generis inkisbu minn persuna li għamlet dik id-database minn sorsi mhux aċċessibbli lill-pubbliku tista’, skont l-importanza tal-mezzi umani, tekniċi u/jew finanzjarji użati minnha sabiex tiġbor l-elementi inkwistjoni minn tali sorsi, ikollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ investiment sostanzjali marbut mal-“kisba” ta’ dawn l-elementi, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-46/02, Ġabra p. I-10365, punti 34 u 38), u, għaldaqstant, influwenza fuq il-kwalifika tagħhom inkwantu parti sostanzjali, minn aspett kwalitattiv, tal-kontenut tad-database ikkonċernat.

69

Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza, invokata mill-qorti tar-rinviju fis-sitt domanda tagħha, rigward il-preżenza, fid-database ikkonċernata, ta’ elementi uffiċjali aċċesibbli għall-pubbliku, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta kemm mill-ġeneralità tat-termini użati fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 sabiex jiddefinixxu l-kunċett ta’ database skont din id-direttiva kif ukoll mill-għan ta’ protezzjoni permezz tad-dritt sui generis, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jagħti lil dan il-kunċett portata wiesgħa, mingħajr kunsiderazzjonijiet li jirreferu, b’mod partikolari, għall-kontenut materjali tal-elementi kollha inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fixtures Marketing, C-444/02, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 sa 21).

70

Barra minn hekk, kif jirriżulta fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 96/9, id-dritt sui generis japplika indipendentement mill-possibbiltà għad-database u/jew għall-kontenut tagħha li jiġu protetti b’mod partikolari permezz tad-dritt tal-awtur.

71

Hekk kif irrileva l-Gvern Bulgaru, isegwi li ċ-ċirkustanza, allegata minn Lakorda, li l-elementi li jinsabu fis-sistema ta’ informazzjoni ġuridika ta’ Apis mhumiex eliġibbli, minħabba n-natura uffiċjali tagħhom, għall-protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur ma tistax, inkwantu tali, tiġġustifika li ġabra li tinkludi tali elementi tiġi mċaħħda mill-kwalifika ta’ “database” skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, jew li tali ġabra tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis stabbilita fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

72

Konsegwentement, kif sostnew Apis, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, in-natura uffiċjali u aċċessibbli lill-pubbliku tal-elementi kollha jew parti minnhom miġbura f’ġabra ta’ data ma teżentax lill-qorti tar-rinviju milli tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt rilevanti, jekk din il-ġabra tikkostitwixxix database li tista’ tiġi protetta permezz tad-dritt sui genereis għar-raġuni li investiment sostanzjali, mill-aspett kwantitattiv jew kwalitattiv, kien neċessarju għall-kisba, il-verifika u/jew il-preżentazzjoni tal-kontenut globali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fixtures Marketing, C-46/02, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 sa 38).

73

Iċ-ċirkustanza li l-kontentut ta’ database protetta jinkludi essenzjalment elementi uffiċjali, aċċessibbli lill-pubbliku, xorta ma jeżentax lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid dwar parti sostanzjali ta’ dan il-kontenut, jekk l-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn din id-database jikkostitwixxu, mill-aspett kwantitattiv, parti sostanzjali tal-kontenut totali tagħha jew, skont il-każ, jekk jikkostitwixxux, mill-aspett kwalitattiv, tali parti sostanzjali peress li jirrappreżentaw, mill-aspetti ta’ kisba, ta’ verifika jew ta’ preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikattiv.

74

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni, it-tielet u s-sitt domandi għandhom jiġu risposti li:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, quddiem ġabra globali ta’ elementi li jinkludu gruppi sussidjarji separati, il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid ta’ wieħed minn dawn il-gruppi sussidjarji għandu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont dan l-artikolu, jiġi pparagunat mal-volum tal-kontenut totali ta’ dan il-grupp sussidjarju jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxi, inkwantu tali, database li tirrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis. F’każ kuntrarju, u sa fejn din il-ġabra tikkostitwixxi tali database protetta, il-paragun għandu jsir bejn il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid tal-gruppi sussidjarji differenti ta’ din il-ġabra u l-volum tal-kontenut totali tagħha.

Iċ-ċirkustanza li elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn database protetta permezz tad-dritt sui generis inkisbu minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli lill-pubbliku tista’, skont l-importanza tal-mezzi umani, tekniċi u/jew finanzjajri użati minn min għamel id-database sabiex jiġbor l-elementi inkwistjoni minn tali sorsi, ikollha effett fuq il-kwalifika tagħhom b’mod sostanzjali, mill-aspett kwalitattiv, tal-kontenut tad-database ikkonċernata, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

In-natura uffiċjali u aċċessibbli lill-pubbliku ta’ parti mill-elementi li jinsabu f’database ma teżentax lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid dwar parti sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database, jekk l-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn din id-database jikkostitwixxu, mill-aspett kwantitattiv, parti sostanzjali tal-kontenut totali tagħha jew, skont il-każ, jekk jikkostitwixxux, mill-aspett kwalitattiv, tali parti sostanzjali peress li jirrappreżentaw, f’termini ta’ kisba, ta’ verifika jew ta’ preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikattiv.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-delimitazzjoni tal-kunċetti rispettivi ta’ “trasferiment permanenti” u ta’ “trasferiment temporanju” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, hija bbażata fuq il-kriterju tal-perijodu ta’ konservazzjoni tal-elementi estratti minn database protetta fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Il-mument tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7, minn database protetta, aċċessibbli elettronikament, jikkorrispondi għall-mument meta jiġu stabbiliti elementi intiżi mill-att ta’ trasferiment fuq apparat differenti minn dak ta’ din id-database. Dan il-kunċett ta’ estrazzjoni huwa indipendenti mill-għan segwit mill-awtur tal-att inkwistjoni, mill-bidliet eventwalment magħmula minn dan l-awtur għall-kontenut tal-elementi hekk ittrasferiti kif ukoll mid-differenzi eventwali relatati mal-organizzazzjoni strutturali tad-databases ikkonċernati.

 

2)

Iċ-ċirkustanza li karatteristiċi materjali u tekniċi preżenti fil-kontenut ta’ database protetta ta’ min għamel id-database jinsabu ukoll fil-kontenut ta’ database ta’ persuna oħra tista’ tiġi interpretata bħala prova tal-eżistenza ta’ estrazzjoni, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, sakemm tali koinċidenza ma tistax tiġi spjegata minn fatturi oħra barra trasferiment li seħħ bejn iż-żewġ databases ikkonċernati. Il-fatt li elementi miksuba minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli għall-pubbliku jinsabu ukoll fid-database ta’ persuna oħra mhuwiex biżżejjed, inkwantu tali, sabiex juri l-eżistenza ta’ tali estrazzjoni, iżda jista’ jikkostitwixxi prova tagħha.

 

3)

In-natura tal-programmi informatiċi użati għall-ġestjoni ta’ żewġ databases elettroniċi ma tikkostitwixxix element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ estrazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

 

4)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, quddiem ġabra sħiħa ta’ elementi li jinkludu gruppi sussidjarji separati, il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid ta’ wieħed minn dawn il-gurppi sussidjarji għandu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid ta’ parti sostanzjali, evalwata b’mod kwantitattiv, tal-kontenut ta’ database, skont dan l-artikolu, jiġi pparagunat mal-volum tal-kontenut totali ta’ dan il-grupp sussidjarju jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxi, inkwantu tali, database li tirrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-protezzjoni permezz tad-dritt sui generis. F’każ kuntrarju, u sa fejn din il-ġabra tikkostitwixxi tali database protetta, il-paragun għandu jsir bejn il-volum tal-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid tal-gruppi sussidjarji differenti ta’ din il-ġabra u l-volum tal-kontenut totali tagħha.

 

5)

Iċ-ċirkustanza li elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn database protetta permezz tad-dritt sui generis inkisbu minn min għamel id-database minn sorsi mhux aċċessibbli lill-pubbliku tista’, skont l-importanza tal-mezzi umani, tekniċi u/jew finanzjajri użati minn min għamel id-database sabiex jiġbor l-elementi inkwisjtoni minn tali sorsi, ikollha effett fuq il-kwalifika tagħhom b’mod sostanzjali, mill-aspett kwalitattiv, tal-kontenut tad-database ikkonċernata, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

In-natura uffiċjali u aċċessibbli lill-pubbliku ta’ parti mill-elementi li jinsabu f’database ma teżentax lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid dwar parti sostanzjali mill-kontenut ta’ din id-database, jekk l-elementi allegatament estratti u/jew użati mill-ġdid minn din id-database jikkostitwixxu, mill-aspett kwantitattiv, parti sostanzjali tal-kontenut totali tagħha jew, skont il-każ, jekk jikkostitwixxux, mill-aspett kwalitattiv, tali parti sostanzjali peress li jirrappreżentaw, mill-aspetti ta’ kisba, ta’ verifika jew ta’ preżentazzjoni, investiment uman, tekniku jew finanzjarju sinjifikattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.