Kawża C-537/07

Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 30 de Madrid)

“Direttiva 96/34/KE — Ftehim qafas fuq il-leave parentali — Drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fid-data li fiha jibda l-leave — Kontinwità fil-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-leave — Direttiva 79/7/KEE — Prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali — Kisba ta’ drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti matul il-leave parentali”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 6528

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6545

Sommarju tas-sentenza

  1. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Trattament ugwali – Direttiva li timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali

    (Direttiva tal-Kunsill 96/34, Anness, klawżola 2, punt 6)

  2. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Trattament ugwali – Direttiva li timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali

    (Direttiva tal-Kunsill 96/34, Anness, klawżola 2, punti 6 u 8)

  3. Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Trattament ugwali – Direttiva li timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali

    (Direttiva tal-Kunsill 96/34, Anness, klawżola 2, punt 8)

  4. Politika soċjali – Trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali – Direttiva 79/7

    (Direttiva tal-Kunsill 79/7, Artikolu 7(1)(b))

  1.  Il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, li tidher fl-Anness tad-Direttiva 96/34, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, tista’ tiġi invokata minn individwi quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, din il-klawżola timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu taż-żamma fl-istat tagħhom, u sat-tmiem tal-leave parentali, id-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda tali leave kif ukoll l-obbligu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija drittijiet fit-tmiem tal-leave, inkluż kull tibdil li jseħħ sadanittant. L-imsemmija klawżola, li hija intiża sabiex tiġi evitata kull ħsara għad-drittijiet tal-ħaddiema li jagħżlu li jibbenifikaw minn leave parentali, għalhekk tobbliga, b’mod ġenerali u f’termini inekwivoċi, kemm lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll lil min iħaddem, li jirrikonoxxu d-drittijiet diġà kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fil-bidu ta’ tali leave u li jiggarantixxu li, fit-tmiem tal-leave, il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiksbu d-drittijiet bħallikieku l-leave qatt ma seħħ. Għaldaqstant, il-kontenut tal-imsemmija klawżola 2, punt 6, jidher li huwa suffiċjentement preċiż sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti.

    (ara l-punti 35-37 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-klawżola 2, punti 6 u 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, li tidher fl-Anness tad-Direttiva 96/34, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità permanenti ta’ ħaddiem, tal-fatt li dan tal-aħħar ibbenifika minn perijodu ta’ leave parentali part time li matulu huwa ħallas kontribuzzjonijiet u kiseb drittijiet ta’ pensjoni fi proporzjon mas-salarju rċevut.

    Fil-fatt, minn-naħa, il-klawżola 2, punt 6, tal-ftehim qafas ma tirregolax id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg matul il-perijodu tal-leave parentali, iżda tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-ftehim kollettivi għad-determinazzjoni tal-iskema li tirregola l-kuntratt jew ir-relazzjoni tax-xogħol, inkluża l-miżura li fiha l-ħaddiem, waqt il-perijodu tal-imsemmi leave, ikompli jikseb drittijiet fil-konfront ta’ min iħaddmu kif ukoll taħt l-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, il-klawżola 2, punt 8, ta’ dan il-ftehim qafas tirreferi għaż-żamma tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodu li fih il-ħaddiem jibbenefika minn leave parentali, mingħajr madankollu ma timponi obbligi konkreti fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu lill-ħaddiema, matul il-perijodu li fih jibbenifikaw minn leave parentali part time, il-kontinwità tal-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji futuri ta’ sigurtà soċjali bl-istess mod bħallikieku huma komplew jeżerċitaw attività full time.

    (ara l-punti 40, 42-44 u d-dispożittiv 2)

  3.  Il-klawżola 2, punt 8, tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, li jidher fl-Anness tad-Direttiva 96/34, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri, għajr dak li jeżaminaw u jiddeterminaw il-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta ma’ dan il-ftehim qafas b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, hija ma tobbligahomx jipprovdu, matul il-perijodu tal-leave parentali, għall-kontinwità tal-intitolament għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali. L-imsemmija klawżola 2, punt 8, ma tistax tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali minn individwi kontra l-awtoritajiet pubbliċi.

    (ara l-punt 51 u d-dispożittiv 3)

  4.  Il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, u, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali fis-sens tad-Direttiva 79/7, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma jipprekludix li, matul il-perijodu ta’ leave parentali part time, ħaddiem jikseb drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti skont il-ħin ta’ xogħol imwettaq u s-salarju rċevut, u mhux bħallikieku eżerċita attività full time.

    Fil-fatt, l-imsemmija direttiva hija intiża biss għall-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u, skont l-Artikolu 7(1)(b), l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kisba ta’ drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali taħt skemi legali wara perijodi ta’ waqfien mill-impjieg minħabba l-edukazzjoni tat-tfal. Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni rigward il-kisba ta’ drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali matul perijodi ta’ waqfien mill-impjieg minħabba l-edukazzjoni tat-tfal għadha fil-kompetenza tal-Istati Membri.

    (ara l-punti 60, 61, 63 u d-dispożittiv 4)