SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Frar 2009 ( *1 )

“Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment ta’ impriżi — Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati — Kunċett ta’ ‘trasferiment’ — Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra — Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment”

Fil-Kawża C-466/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura

Dietmar Klarenberg

vs

Ferrotron Technologies GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Klarenberg, minn J. Dieker, Rechtsanwalt,

għal Ferrotron Technologies GmbH, minn M. Trayer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05, Vol. 04 p. 98 ).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Klarenberg u Ferrotron Technologies GmbH (iktar ’il quddiem “Ferrotron”) rigward il-konstatazzjoni ta’ trasferiment tar-relazzjonijiet ta’ impjieg lejn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”).

4

Skont it-tmien premessa tad-Direttiva 2001/23:

“Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

5

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“a)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)

Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

6

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ [i]mpjieg jew minn relazzjoni ta’ [i]mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

7

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

8

L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdu kif ġej:

“Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju jippreservaw l-awtonomija tagħhom, l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegati milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien[u] jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni ta’ l-impjegat ikunu sodisfatti.

[…]

Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju ma jippreservawx l-awtonomija tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti li kienu rappreżentati qabel it-trasferiment jibqgħu jiġu rappreżentati b’mod addattat waqt il-perjodu neċessarju biex terġa’ titwaqqaf jew terġa’ tiġi maħtura r-rappreżentanza ta’ l-impjegati skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali.”

9

Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, hija, essenzjalment, identika għal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-Kodiċi ċivili Ġermaniż, (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) tipprovdi kif ġej:

“Jekk impriża jew parti minnha tiġi ttrasferita lil persuna oħra li timpjega permezz ta’ negozju ġuridiku, dan l-individwu għandu jsir responsabbli fir-rigward tad-drittijiet u tad-dmirijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ impjieg li kien hemm fil-waqt tat-trasferiment.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Mill-1 ta’ Jannar 1989, D. Klarenberg kien impjegat ma’ ET Electrotechnology GmbH (iktar ’il quddiem “ET”), kumpannija li tispeċjalizza fl-iżvilupp u fil-manifattura ta’ prodotti fil-qasam tal-awtomatizzazzjoni industrijali u tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll għall-industrija tal-azzar.

12

Fl-1 ta’ Mejju 1992, D. Klarenberg inħatar bħala d-Direttur tad-Dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” (Riċerka u żvilupp / Sistemi elettroniċi / Netwerks / Interfaces) ta’ ET. Dan id-dipartiment kien magħmul minn tliet taqsimiet, jiġifieri, “F+E / ET Systeme” (Riċerka u żvilupp / Sistemi elettroniċi), li kien imexxi direttament D. Klarenberg, “EDV / Netzwerk / Serversysteme / Datensicherung” (IT / Netwerks / Servers / Sigurtà tal-informazzjoni) u “Produktion / Schaltschränke / Platinen” (Produzzjoni / Panils ta’ kontroll / Skedi), li kien imexxihom is-Sur Neumann, li kien ukoll il-Viċi Direttur tad-dipartiment kollu.

13

Ferrotron tispeċjalizza fil-ħolqien u fil-manifattura ta’ prodotti fis-settur tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll għall-industrija tal-azzar.

14

Fit-22 ta’ Novembru 2005 ET ikkonkludiet ma’ Ferrotron u mal-kumpannija parent ta’ din tal-aħħar, li hija stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika, kuntratt imsejjaħ “asset and business sale and purchase agreement” (“ftehim ta’ bejgħ u xiri tal-assi u tal-impriża”), li kien ikopri l-prodotti li ġejjin, żviluppati mit-taqsima “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” ta’ ET u msemmija “ET-DecNT”, “ET-DecNT light”, “ET-DecNT Power Melt”, “ET-TempNet”, “ET-OxyNet” u “FT7000”.

15

Skont dan il-kuntratt, il-kumpannija parent ta’ Ferrotron akkwistat id-drittijiet kollha fuq is-softwer, fuq il-privattivi, fuq l-applikazzjonijiet għal privattivi, u fuq l-invenzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll id-drittijiet fuq l-ismijiet tagħhom u fuq l-għarfien tekniku. Ferrotron akkwistat il-ħardwer sabiex tiżviluppahom u l-materjal ta’ manifattura li kien maħżun minn ET, u kif ukoll lista ta’ fornituri u lista tal-klijenti. Ferrotron ħadet ukoll ċerti impjegati ta’ ET, jiġifieri s-Sur Neumann, kif ukoll tliet inġinjieri mill-grupp “F+E / ET-Systeme”.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li Ferrotron tiżviluppa, timmanifattura u tiddistribwixxi, minbarra l-prodotti li kienu s-suġġett tal-imsemmi kuntratt, prodotti oħra fis-settur tat-teknoloġiji tal-kejl tal-metalli u li l-ex impjegati ta’ ET ġew integrati fl-istruttura implementata minn Ferrotron. Barra minn hekk, l-imsemmija impjegati jeżerċitaw ukoll funzjonijiet marbuta ma’ prodotti oħra minbarra dawk li Ferrotron akkwistat mingħand ET.

17

Fis-17 ta’ Lulju 2006 nbdiet proċedura ta’ falliment fil-konfront ta’ ET.

18

D. Klarenberg ressaq kawża quddiem l-Arbeitsgericht Wesel bl-intenzjoni li Ferrotron tiġi ordnata timpjegah magħha bħala direttur ta’ dipartiment. Madankollu, b’deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, l-Arbeitsgericht Wesel ċaħdet it-talba tiegħu.

19

D. Klarenberg appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, fejn talab li Ferrotron tiġi ordnata timpjegah magħha skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg konkluż ma’ ET fl-1 ta’ Jannar 1989. Sussidjarjament, D. Klarenberg talab lil din il-qorti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet b’effett mid-9 ta’ Diċembru 2005.

20

L-imsemmija qorti qieset li d-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” immexxi minn D. Klarenberg huwa parti min-negozju, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-BGB, li ġiet ittrasferita lil Ferrotron, peress li din tal-aħħar akkwistat il-mezzi ta’ produzzjoni essenzjali tan-negozju kkonċernat u l-listi relatati tal-fornituri u tal-klijenti, peress li hija żammet parti mill-persunal li għandhom l-għarfien u peress li l-kumpannija parent tagħha kienet akkwistat id-drittijiet relatati mal-prodotti u mat-teknoloġiji prinċipali.

21

Madankollu, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk dan huwiex trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, skont ċertu numru ta’ deċiżjonijiet reċenti tal-Bundesarbeitsgericht, l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ parti min-negozju lil persuna li timpjega ġdida ma tistax tiġi ammessa fil-każ fejn il-persuna li lilha jsir it-trasferiment ma tibqax tmexxi l-parti min-negozju kkonċernata mingħajr bidla sostanzjali u fil-każ li din il-persuna ma żżommx l-identità ta’ din il-parti. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-trasferiment jeħtieġ li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment iżżomm l-awtonomija tal-parti tan-negozju fis-sens organizzattiv. Għall-kuntrarju, parti min-negozju ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ttrasferita meta din tiġi kompletament integrata fl-istruttura organizzattiva tal-impriża l-oħra jew meta x-xogħol jitwettaq fi ħdan struttura organizzattiva li tkun ħafna ikbar.

22

Fil-kawża prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju, Ferrotron ma żammitx l-awtonomija organizzattiva tal-parti tan-negozju kkonċernata, sa fejn l-impjegati ġew integrati f’dipartimenti differenti u sa fejn is-servizzi pprovduti huma mwettqa fil-kuntest ta’ struttura organizzattiva oħra.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“It-trasferiment ta’ parti minn impriża jew min-negozju lil persuna li timpjega oħra, li jirriżulta minn trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23/KE […], jeħtieġ li l-persuna li timpjega l-ġdida tkompli tmexxi l-parti minn impriża jew min-negozju bħala parti minn impriża jew min-negozju awtonoma fis-sens organizzattiv?”

Fuq l-ammissibbiltà u t-talba għal deċiżjoni preliminari

24

Fl-osservazzjonijiet tagħha, Ferrotron esprimiet xi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li kkontestat ir-rilevanza ta’ din it-talba għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

25

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jkollhom bżonn sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li huma jkunu mitluba jiddeċiedu dwarha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20; tal-14 ta’ Settembru 2006, Stradasfalti, C-228/05, Ġabra p. I-8391, punt 44, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano, C-313/07, Ġabra p. I-7907, punt 25).

26

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun qiegħda tittratta l-kontroversja u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kawża, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jittrattaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi dwarhom (sentenzi Schneider, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tat-30 ta’ Ġunju 2005; Längst, C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 31, kif ukoll Kirtruna u Vigano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

27

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-202/04 u C-94/04, Ġabra p. I-11421, punt 25; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22, kif ukoll Kirtruna u Vigano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

28

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari ma tistax tingħeleb mis-sempliċi ċirkustanza li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett ta’ dik il-kawża (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cipolla et, punt 26, kif ukoll van der Weerd et, punt 23).

29

Fl-ewwel lok, Ferrotron issostni li l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi eskluża a priori peress li ma ntweriex li l-elementi akkwistati minn Ferrotron kienu jikkostitwixxu entità li tista’ tkun is-suġġett ta’ tali trasferiment. Għaldaqstant, id-domanda preliminari preżenti mhijiex rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni fil-kawża prinċipali.

30

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju għamlet evalwazzjoni differenti ta’ dan il-punt. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, id-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” huwa parti min-negozju fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-BGB, li ġiet ittrasferita lil Ferrotron, peress li din tal-aħħar akkwistat il-mezzi ta’ produzzjoni essenzjali tan-negozju kif ukoll il-listi relatati tal-fornituri u tal-klijenti, peress li hija żammet parti mill-persunal li għandhom l-għarfien u peress li l-kumpannija parent tagħha akkwistat il-prodotti u t-teknoloġiji prinċipali. Fid-dawl tal-elementi evokati mill-qorti tar-rinviju u tal-konklużjoni li hija wasslet għaliha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, m’hemmx lok li jitqajjem dubju dwar ir-rilevanza tad-domanda preliminari magħmula minn dik il-qorti.

31

Fit-tieni lok, Ferrotron tosserva li, anki li kieku jiġi kkunsidrat li twettaq trasferiment ta’ impriża fuq il-bażi tad-Direttiva 2001/23, dan ma jimplikax it-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li l-funzjonijiet li dan tal-aħħar kien iwettaq fi ħdan ET kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, imwettqa f’dipartimenti differenti mid-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS” u għaldaqstant ma setgħux jiġu marbuta ma’ dan id-dipartiment.

32

Madankollu, il-qorti tar-rinviju, fid-deskrizzjoni tagħha tal-kuntest fattwali li fl-isfond tiegħu saret id-domanda, tindika espressament, għall-kuntrarju, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien imexxi d-dipartiment “F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS”. Issa, kif jirriżulta mill-punt 27 tas-sentenza preżenti, tali evalwazzjoni fattwali titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali biss, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tivverifika l-eżattezza tagħha.

33

Fit-tielet lok, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis li D. Klarenberg huwa skwalifikat mid-dritt tiegħu li jinvoka t-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu peress li, minkejja li kien jaf bil-ftehim li kien hemm bejnha u ET, xorta stenna li joħroġ fid-dawl l-istat ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar sabiex jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-konfront tagħha.

34

Issa, l-eżistenza fil-Ġermanja ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi terminu li wara l-iskadenza tiegħu r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jkunx jista’ jinkvoka iktar it-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu tikkostitwixxi kwistjoni li, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza preżenti, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifikaha.

35

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

36

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tiġi applikata wkoll f’sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega l-ġdida ma żżommx l-awtonomija, fis-sens organizzattiv, tal-parti minn impriża jew min-negozju ttrasferita.

37

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21; tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-53/05, Ġabra p. I-6215, punt 20, u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C-298/07, Ġabra p. I-7841, punt 15).

38

Mit-termini stess tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkopri kull trasferiment lejn persuna oħra li timpjega ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju, bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

39

Sabiex tkun applikabbli d-Direttiva 2001/23, minbarra li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-trasferiment għandu jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, jiġifieri għandu jirrigwarda entità ekonomika, jiġifieri “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, li żżomm, sussegwentement għal tali trasferiment, l-“identità” tagħha.

40

Għandu qabel kollox jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mit-tmien premessa tad-Direttiva 2001/23, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex tiċċara l-kunċett ta’ trasferiment fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, Botzen et, 186/83, Ġabra p. 519, punt 6, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, Ġabra p. 1119, punt 11). Skont din il-ġurisprudenza, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju u, b’hekk, sabiex tipproteġi lill-impjegati f’sitwazzjoni fejn isseħħ tali bidla.

41

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23, moqrija flimikien ma’ dawk tal-Artikolu 1(1)(b) tal-istess direttiva, jirriżulta li, fil-każ fejn l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha, id-dispożizzjoni prinċipali stabbilita f’dan l-Artikolu 1(1)(a) ma tapplikax minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 1(1)(b). Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tista’ tillimita l-portata tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 u, bl-istess mod, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni għandha tiġi interpretata strettament.

42

Issa, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-“entità ekonomika”, iddefinita fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, iżżomm l-identità tagħha biss meta tinżamm ir-rabta organizzattiva li tgħaqqad il-persuni u/jew l-elementi kollha. Għall-kuntrarju, l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha fil-każ fejn, minħabba t-trasferiment, titlef l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv minħabba li r-riżorsi akkwistati jiġu integrati mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment fi struttura kompletament ġdida.

43

Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan segwit mid-Direttiva 2001/23, li, kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza preżenti, hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impjegati f’sitwazzjoni ta’ trasferiment, tali interpretazzjoni tal-identità tal-entità ekonomika bbażata fuq fattur wieħed li jirrigwarda l-awtonomija organizzattiva, kif imressqa mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni timplika, minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment tiddeċiedi li xxolji l-parti tal-impriża jew tan-negozju akkwistata u li tintegraha fl-istruttura tagħha stess, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 għal din il-parti tal-impriża jew tan-negozju, u b’hekk iċċaħħad lill-impjegati kkonċernati mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva.

44

Fir-rigward preċiżament tal-fattur li jirrigwarda l-organizzazzjoni, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan huwa wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddefinita l-identità ta’ entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C-13/95, Ġabra p. I-1259, punt 15; tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C-234/98, Ġabra p. I-8643, punt 27; tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur, C-175/99, Ġabra p. I-7755, punt 53, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C-172/99, Ġabra p. I-745 punt 34), hija ddeċidiet ukoll li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita mhijiex ta’ natura li tostakolha l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C-171/94 u C-172/94, Ġabra p. I-1253, punti 20 u 21; Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C-458/05, Ġabra p. I-7301, punt 36).

45

Barra minn hekk, fih innifsu, l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika billi jirreferi għal “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, b’tali mod li ma jenfasizzax biss l-element organizzattiv tal-entità ttrasferita iżda wkoll dak tat-tkomplija tal-attività ekonomika tagħha.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-kundizzjoni marbuta maż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata billi jiġu kkunsidrati ż-żewġ elementi, kif previsti mill-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu din l-identità, kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati minn din id-direttiva.

47

Skont dawn il-kunsiderazzjonijiet u, sabiex id-Direttiva 2001/23 ma tiġix imċaħħda minn parti tal-effett utli tagħha, din il-kundizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ iż-żamma tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-persuna li timpjega fir-rigward tad-diversi fatturi tal-produzzjoni ttrasferiti imma, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li teħtieġ iż-żamma tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi.

48

Fil-fatt, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar, anki jekk wara t-trasferiment jiġu integrati fi struttura ġdida li tkun differenti mill-aspett organizzattiv, sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 1994, Schmidt, C-392/92, Ġabra p. I-1311, punt 17).

49

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-elementi preċedenti u fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spijkers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C-29/91, Ġabra p. I-3189, punt 24; Süzen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, kif ukoll Allen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), jekk inżammitx l-identità tal-entità ekonomika ttrasferita.

50

Kif irrilevaw kemm il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-termini tal-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 jikkonfermaw li, f’moħħ il-leġiżlatur Komunitarju, din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, kemm jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment u kemm jekk le.

51

Fl-aħħar, għandha tingħata tweġiba għall-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li, fil-każ li tintilef l-awtonomija organizzattiva tal-entità ekonomika ttrasferita, il-kontinwità fir-relazzjonijiet ta’ impjieg li d-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiggarantixxi ma tistax, f’kull każ, tiġi ggarantita, peress li l-pożizzjoni ta’ direttur ta’ dipartiment, okkupata qabel minn D. Klarenberg, ma tista’ tintrabat ma’ ebda pożizzjoni ekwivalenti fl-organizzazzjoni ta’ xogħol ġdida implementata mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eventwali obbligu li jintemmu l-kuntratti ta’ impjieg taħt id-dritt privat fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività ekonomika lil persuna ġuridika tad-dritt pubbliku jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment tal-impjegat, li tirriżulta direttament mit-trasferiment, b’tali mod li t-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti għandha titqies, f’każ bħal dan, bħala li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ min jimpjega (sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-eventwali impossibbiltà li, fil-każ ta’ trasferiment, impjegat jingħata, fl-istruttura organizzattiva implementata mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment, pożizzjoni ekwivalenti għal dik li dan l-impjegat kien jokkupa fis-servizz ta’ min għamel it-trasferiment tista’, jekk twassal għal bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment tal-impjegat ikkonċernat, tiġi ekwiparata għal terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ min jimpjega fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

53

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din ir-rabta tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga, kundizzjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozju, għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika wkoll f’sitwazzjoni fejn il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha fis-sens organizzattiv, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din ir-rabta tippermetti lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment tuża dawn tal-aħħar sabiex tkompli attività ekonomika identika jew analoga, kundizzjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.