SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Direttiva 2000/13/KE — Ittikkettjar ta’ prodotti tal-ikel intiżi li jitqassmu tale kwali lill-konsumatur — Ittikkettjar li jista’ jqarraq lix-xerrej fir-rigward tal-oriġini jew tal-provenjenza tal-prodott tal-ikel — Ismijiet ġeneriċi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 — Effett”

Fil-Kawża C-446/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale civile di Modena (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-26 ta’ Settembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura

Alberto Severi, f’ismu u bħala rappreżentant legali ta’ Cavazzuti e figli SpA, li saret Grandi Salumifici Italiani SpA,

vs

Regione Emilia-Romagna,

fil-preżenza ta’:

Associazione fra Produttori per la Tutela del “Salame Felino”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Severi u Grandi Salumifici Italiani SpA, minn G. Forte u C. Marinuzzi, avukati,

għar-Regione Emilia-Romagna, minn G. Puliatti, avukat,

għall-Associazione fra Produttori per la Tutela del “Salame Felino”, minn S. Magelli u A. Ballestrazzi, avukati,

għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkia u V. Kondolaimos kif ukoll minn M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u B. Doherty, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti [prodotti] tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), tal-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Severi, f’ismu kif ukoll f’isem Grandi Salumifici Italiani SpA (iktar ’il quddiem “GSI”), li qabel kienet Cavazzuti e figli SpA, u r-Regione Emilia-Romagna, fir-rigward tal-ittikkettjar ta’ zalzett u ta’ salami li GSI tbigħ taħt l-isem “Salame tipo Felino”.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva 2000/13

3

Il-Premessa 4 tad-Direttiva 2000/13 tistabbilixxi li:

“L-iskop ta’ din id-direttiva għandu jkun li tagħmel regoli ta’ natura ġenerali tal-Komunità applikabli orizzontalment għall-prodotti kollha ta’ l-ikel li jitqiegħdu fis-suq.”

4

Skont il-Premessa 6 tad-Direttiva 2000/13:

“Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq il-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur.”

5

Il-Premessa 8 ta’ din l-istess direttiva tistabbilixxi li:

“Tikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles.”

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva tikkonċerna l-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel li għandu jiġi mqassam [tale kwali] lill-konsumatur u ċerti aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu.

[…]

3.   Għall-iskop ta’ dan id-Direttiva,

(a)

“tikkettjar” ifisser kwalunkwe kliem, partikolaritajiet, marka tipika tan-negozju, isem ta’ ditta, ħaġa mpinġija jew simboli li għandhom x’jaqsmu ma’ prodott ta’ l-ikel u poġġuti fuq kwalunkwe imballaġġ, dokument, avviż, tikketta, ċurkett jew kullar li jakkumpanja jew jirreferi għal dan il-prodott ta’ l-ikel;

[…]”

7

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

(a)

ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

(i)

għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

[…]

3.   Il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet riferiti f’paragrafi 1 u 2 japplikaw ukoll għal:

(a)

il-preżentazzjoni ta’ oġġetti ta’ l-ikel, b’mod partikolari l-forma tagħhom, l-apparenza jew il-mod li ġew imballeġġjati, il-materjal użat għall-imballeġġjar tagħhom, il-metodu li fih ġew irranġati u l-mod kif ġew murija;

(b)

riklamar.”

8

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija Direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti tal-indikazzjonijiet li b’mod obbligatorju għandhom jidhru fl-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel. Il-punt 7 tal-imsemmija dispożizzjoni jeħtieġ it-twaħħil tal-isem jew tal-isem tan-negozju u l-indirizz tal-manifattur jew ta’ dak li jippakkja, jew tal-bejjiegħ stabbilit fil-Komunità, filwaqt li l-punt 8 jipprovdi l-indikazzjonijiet tal-post ta’ oriġini jew provenjenza fil-każ fejn nuqqas li jingħataw dawn il-partikolaritajiet jistgħu jqarrqu bil-konsumatur rigward il-vera oriġini jew provenjenza tal-prodott tal-ikel.

9

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi li:

“1.   L-isem li taħtu jinbiegħ prodott ta’ l-ikel ikun l-isem ipprovdut fid-dispożizzjoni tal-Komunità applikabli għalih.

(a)

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Komunità, l-isem li taħtu jinbiegħ prodott ikun l-isem ipprovdut fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amminnistrattivi applikabli fl-Istat Membru fejn jinbiegħ il-prodott lill-konsumatur finali jew lill-“mass caterers”.

Fl-assenza ta’ dan, l-isem li taħtu jinbiegħ prodott ikun l-isem soltu fl-Istat Membru ta’ fejn jinbiegħ lill-konsumatur jew lill-“mass caterers”, jew deskrizzjoni tal-prodott ta’ l-ikel, u jekk neċessarju ta’ l-użu tiegħu, li huwa ċar biżżejjed biex tħalli lix-xerrej jaf il-vera natura tiegħu u jiddistingwih minn prodotti oħra li jistgħu jiġu konfużi miegħu.

[…]”

Ir-Regolament Nru 2081/92

10

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal- 20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213), li jħassar ir-Regolament Nru 2081/92, mill-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta li dan ir-Regolament Nru 510/2006 mhuwiex applikabbli għall-imsemmija kawża. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi applikat, fid-dawl tad-data li fiha Cavazzuti e figli SpA ġiet issanzjonata mill-pulizija Taljana, ir-Regolament Nru 2081/92 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2796/2000, tal-20 ta’ Diċembru 2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 31, p. 76, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2081/92 emendat”).

11

Ir-Regolament Nru 2081/92 emendat jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini (DOP) u tal-indikazzjoni ġeografika (IĠP) tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel. Din il-protezzjoni, mogħtija meta tkun teżisti rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-oriġini ġeografika, hija miksuba skont proċedura Komunitarja ta’ reġistrazzjoni.

12

Ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2081/92 emendat tistabbilixxi li, “minħabba il-varjetà kbira ta’ prodotti fis-suq u l-ammont kbir ta’ informazzjoni dwar dawn il-prodotti li hija pprovduta, il-konsumaturi, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet għandhom jingħataw informazzjoni ċara u konċiża dwar l-oriġini tal-prodott”.

13

Il-ħames premessa 5 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat taqra kif ġej:

“Billi t-tikkettjar ta’ prodotti agrikoli u ta’ affarijiet ta’ l-ikel huwa soġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fid-Direttiva [2000/13]; billi, minħabba n-natura speċifika tagħhom, għandhom jiġu addottati dispożizzjonijiet addizzjonali speċjali għall-prodotti agrikoli u għall-prodotti ta’ l-ikel minn żoni ġeografiċi speċifiċi.”

14

Skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, “struttura ta’ regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet geografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini; billi minħabba illi tipprovdi metodu iktar uniformi din l-istruttura tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li għandhom dawn l-indikazzjonijiet u b’hekk tittejjeb il-kredibilità tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi.”

15

Bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, dan japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra Komunitarji partikolari.

16

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat jipprovdi li:

“Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “isem li sar ġeneriku” ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità.

Meta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda minħabba illi l-isem ikun sar ġeneriku, il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

17

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat jiddeskrivi l-proċedura li l-Istat Membru għandu jsegwi meta ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-paragrafu (5) tal-imsemmi Artikolu 5 jipprovdi li:

“L-Istat Membru għandu jikkonferma illi l-applikazzjoni hija ġġustifikata u għandu jibgħat l-applikazzjoni, [l]il-Kummissjoni, […] jekk huwa jkun ta’ l-opinjoni illi l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Dak l-Istat Membru jista’, fuq bażi transitorja biss, jagħti fuq livell nazzjonali protezzjoni fis-sens tar-Regolament preżenti bid-denominazzjoni trasmessa bil-mod preskritt, u, fejn ikun il-każ, perjodu ta’ aġġustament, mid-data ta’ dik it-trasmissjoni; dawn jistgħu jingħataw b’mod transitorju bl-istess kondizzjonijiet in konnessjoni ma’ applikazzjoni għat-tbiddil ta’ l-ispeċifikazzjoni ta’ prodott […]

Protezzjoni transitorja nazzjonali bħal din għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċizjoni fuq ir-reġistrazzjoni taħt dan ir-Regolament. […]

[…]”

18

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat jipprovdi li “[l]-ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19

Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109, tas-27 ta’ Jannar 1992, li ttraspona d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1978, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel intiżi għall-konsumatur finali kif ukoll għar-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom (ĠU 1979 L 33, p. 1), dispożizzjonijiet li issa jinsabu fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 li ħassret u ssostitwiet id-Direttiva 79/112 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92”):

“1.   L-ittikkettjar u l-metodi użati li bihom dan isir huma intiżi sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikollu informazzjoni korretta u trasparenti. Għandhom isiru b’mod li:

a)

ma jqarrqux bix-xerrej fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel, u b’mod partikolari n-natura, l-identità, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni tal-prodott tal-ikel;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

GSI, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Modena, tipproduċi u tbigħ zalzett u salami.

21

Fit-12 ta’ Diċembru 2002, il-pulizija muniċipali ta’ Milan innotifikat lil A. Severi, f’ismu u bħala rappreżentant tal-imsemmija kumpannija, bl-akkuża tal-ksur tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92 dwar l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti tal-ikel, imressqa kontra din il-kumpannija, peress li din tal-aħħar biegħet salami mmanifatturat f’Modena li fuq it-tikketta tiegħu tidher il-kitba “Salami tipo Felino”.

22

Ir-rapport tal-investigazzjoni tal-ksur jindika, minn naħa, li, fuq it-tikketta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kelma “tipo” (tip) hija miktuba f’karattri grafiċi żgħar wisq sabiex ikunu jidhru biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li l-indikazzjonijiet l-oħrajn imsemmija fuq it-tikketta jikkonċernaw biss l-ingredjenti, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, bl-esklużjoni ta’ kull element ta’ informazzjoni dwar il-post ta’ produzzjoni jew tal-fatt li dan jikkoinċidi mal-uffiċċju rreġistrat tal-impriża produttriċi. Ir-rapport tal-investigazzjoni jikkonkludi li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ittikkettjar tal-prodott jista’ jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini u tal-provenjenza tas-salami, peress li ma jippermettiex identifikazzjoni ċara u korretta tal-provenjenza tal-prodott, li huwa intiż bħala l-post fejn il-laħam ġie pproċessat u ppakkjat. L-isem “Salame tipo Felino” jirreferi, fil-fatt, għal metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali u għal post ta’ produzzjoni — it-territorju tal-muniċipju ta’ Felino, li jinsab fl-Emilia-Romagna, fil-provinċja ta’ Parma — li, fil-kawża prinċipali, ma jikkorrispondiex għall-fatti tal-kawża, minħabba li, fl-imsemmija kawża, hija dwar prodott tal-ikel prodott f’Modena, li tinsab ukoll fl-Emilia Romagna, imma fil-provinċja ta’ Modena.

23

Abbażi tal-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-investigazzjoni tal-pulizija muniċipali ta’ Milan, ir-Reġjun Emilia-Romagna, fis-16 ta’ Mejju 2006, impona fuq A. Severi sanzjoni amministrattiva tal-ammont ta’ EUR 3108,33 għall-ksur tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92.

24

Fid-deċiżjoni tagħha, li tikkonferma l-interpretazzjoni tal-pulizija muniċipali, ir-Regione Emilia-Romagna tqis li l-isem “Salame Felino” kien jindika prodott awtentiku u tipiku, karatteristika tat-territorju tal-muniċpju ta’ Felino. Bħalma l-karatteristiċi attribwiti lis-Salame Felino ma jistgħux jiġu rikonoxxuti lis-salami kollha prodotti fuq riċetta simili, imma li joriġinaw minn żoni territorjali oħrajn, jew li jirriżultaw minn metodi ta’ produzzjoni “industrijali”, mhuwiex biżżejjed, sabiex ikun eskluż kull riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur, li tiġi miżjuda l-kelma “tipo”. L-ittikkettjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk huwa tali li jista’ jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-post tal-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni, li għalhekk, ma jippermettiex lill-imsemmi konsumatur li jagħmel ix-xiri tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti.

25

A. Severi kkontesta s-sanzjoni tas-16 ta’ Mejju 2006 quddiem it-Tribunale civile di Modena (Tribunal Ċivili ta’ Modena). Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa sostna li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, traspost permezz tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92, ikkunsidrat li jippreskrivi metodi ta’ ttikkettjar ta’ prodotti tal-ikel li jkunu tali li ma jqarrqux bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini u tal-provenjenza tal-prodott, kellha tiġi interpretata flimkien mad-dispożizzjonijiet Komunitarji l-oħrajn, u b’mod partikolari r-Regolament Nru 2081/92 emendat. Fil-fatt, minħabba li d-Direttiva 2000/13 ma tinkludi l-ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ oriġini u provenjenza, huwa fir-Regolament Nru 2081/92 emendat li jinsab il-kontenut ta’ dawn il-kunċetti.

26

Ir-Regione Emilia-Romagna ċaħdet dawn l-argumenti billi invokat in-natura awtonoma tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, li l-interpretazzjoni tiegħu ma teħtieġ l-ebda riferiment għar-Regolament Nru 2081/92 emendat sabiex jiġi interpretat u japplika għal kull nuqqas ta’ qbil bejn il-post imsemmi fuq it-tikketta u l-post ta’ produzzjoni effettiv, kemm jekk id-denominazzjoni tal-oriġini kkunsidrata tibbenefika jew le minn protezzjoni.

27

L-argument tar-Regione Emilia-Romagna, ibbażat fuq l-awtonomija tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, ma kienx meqjus konvinċenti mit-Tribunale civile di Modena. Filwaqt li laqa’ t-teżi li sostniet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-imsemmi Tribunale qies fil-fatt li l-kunċett ta’ oriġini u ta’ provenjenza ma setax jiġi llimitat għall-post fejn huwa stabbilit l-istabbiliment ta’ produzzjoni, imma kellu jkun ibbażat fuq l-aspettattivi li l-konsumatur jassoċja mat-toponomija li tikkonċerna t-tip ta’ prodott u l-karatteristiċi kwalittattivi tiegħu. Sabiex tistabbilixxi jekk l-ittikkettjar tal-prodott inkwistjoni kellux jitqies bħala qarrieqi, il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li ġuridikament tiddefinixxi l-isem “Salame Felino”. Hija qieset ukoll li kien meħtieġ li tivverifika jekk dan l-isem kienx jirreferi għal riċetta jew għal tip ta’ prodott u jekk kienx għalhekk isem ġeneriku, jew inkella jekk dan kienx jirreferi għal kwalitajiet, karatteristiċi, reputazzjoni dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku ta’ origini u, għalhekk, jekk kienx jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini vera fis-sens tar-Regolament Nru 2081/92 emendat.

28

Barra minn hekk, minħabba l-eżistenza ta’ trade mark kollettiva li għandha bħala suġġett il-kelma “Salame Felino”, il-qorti tar-rinviju qieset li kien meħtieġ li tiddefinixxi x’kienu r-rapporti reċiproċi bejn din it-trade mark u l-isem użat in bona fede għal iktar minn għaxar snin minn negozjanti bbażati barra mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Felino.

29

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-Tribunale civile di Modena ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2081/92 (li saru l-Artikoli 3(1) u 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006), moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Digriet-Leġiżlattiv 109/92 (Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li fih referenza [riferiment] ġeografika, li għalih, fuq livell nazzjonali, ġiet ‘miċħuda’ jew imwaqqfa applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea għar-reġistrazzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) jew indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, għandu jiġi kkunsidrat bħala isem ġeneriku matul il-perijodu li fih tali ‘ċaħda’ jew ‘waqfien’ jibqgħu fis-seħħ?

2)

L-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2081/92 (li saru l-Artikoli 3(1) u 13(2) tar-Regolament (KE) 510/2006), moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 109/92 (Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li jevoka isem ta’ post mhux irreġistrat bħala DPO jew IĠP fis-sens tar-regolamenti ċċitati jista’ jintuża legalment fis-suq Ewropew minn produtturi li użawh in bona fede u b’mod kostanti għal perijodu twil qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (li issa sar ir-Regolament (KE) Nru 510/2006) u fil-perijodu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu?

3)

L-Artikolu 15(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva għal prodotti tal-ikel li fiha referenza [riferiment] ġeografika ma jistax jipprojbixxi produtturi ta’ prodott li għandu l-istess karatteristiċi milli jiddeskrivuh b’isem simili għal dak li jinsab fit-trade mark kollettiva, meta dawn il-produtturi użaw dan l-isem in bona fede u b’mod kostanti, sa minn sew qabel id-data tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark kollettiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk denominazzjoni ġeografika li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala DOP jew IĠP li kienet is-suġġett ta’ ċaħda jew ta’ waqfien fuq livell nazzjonali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġenerika għall-anqas matul il-perijodu kollu li matulu l-effetti tal-imsemmija ċaħda jew waqfien jibqgħu pendenti.

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li din l-ewwel domanda, li l-ammissibbiltà tagħha hija kkontestata mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, toriġina mill-argument invokat minn GSI fil-kuntest tar-rikors li din ippreżentat kontra s-sanzjoni kontriha minħabba ksur tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92.

32

Insostenn tar-rikors tagħha intiż sabiex jiġi stabbilit li l-ittikkettjar tas-salami li hija tbigħ taħt l-isem “Salame tipo Felino” mhuwiex qarrieqi fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92, GSI ressqet argument f’żewġ stadji.

33

GSI sostniet, l-ewwel nett, li l-ittikkettjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala qarrieqi peress li l-isem “Salame tipo Felino” għandu jitqies ġeneriku fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat. GSI issostni, ukoll, li l-isem “Salame tipo Felino” għandu jitqies ġeneriku inkwantu, barra minn hekk, kienet tressqet applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-isem “Salame Felino” bħala IĠP minn żewġ assoċjazzjonijiet ta’ produtturi lokali u, fid-data tas-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx għadha ttieħdet deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni.

34

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat bħala ammess l-ewwel element tal-argument ta’ GSI u, konsegwentament, irrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tieni parti biss tal-argument, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda.

35

Madankollu, kemm il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw il-premessa li n-natura ġenerika tal-isem “Salame tipo Felino”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, għandha effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tal-ittikkettjar, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13. Huma jsostnu li d-domanda li saret, fir-rigward tal-valur ġuridiku tad-denominazzjoni stess, hija inammissibbli minħabba nuqqas ta’ rabta mal-kawża prinċipali, li hija dwar in-natura qarrieqa tal-ittikkettjar tal-prodotti hekk imsemmija.

36

Għalhekk qabel ma jiġi kkunsidrat il-mertu tad-domanda li saret, għandu jiġi deċiż dwar l-ammissibbiltà tagħha.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, bħala regola, huma l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet il-kawża li għandhom jevalwaw kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, din tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, b’mod partikolari meta huwa manifestament evidenti, li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba minnha ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali u għalhekk ma tkunx tirrispondi għal bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Tarantik, C-421/97, Ġabra p. I-3633, punt 33, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 24).

38

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li n-natura ġenerika ta’ isem, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, ma tistax teskludi a priori l-eventwali natura qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, tal-ittikkettjar tal-prodotti hekk imsemmija. Kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, jeżistu ċirkustanzi fejn il-konsumatur jista’ tabilħaqq jiġi mqarraq mill-użu tal-isem ġeneriku fuq it-tikketta ta’ prodott, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-ittikkettjar tal-imsemmi prodott. B’hekk, il-fatt li l-użu minn produttur ta’ isem ġeneriku, li b’definizzjoni mhuwiex protett, ma jiksirx ir-Regolament Nru 2081/92 emendat, ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-interess tal-konsumaturi, protett mid-Direttiva 2000/13, ikun neċessarjament garantit.

39

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-gvern Taljan u l-Kummissjoni, il-valur ġuridiku tal-isem, u b’mod partikolari l-eventwali natura ġenerika tiegħu, huwa wieħed mill-elementi, li, mingħajr ma jkun waħdu biss determinanti, jista’ utilment jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tal-ittikkettjar.

40

Fil-fatt, il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina jekk isem għandux jew le natura ġenerika, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, “is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum”. Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi sabiex tiddetermina jekk l-ittikkettjar tal-prodott ikkonċernat huwiex ta’ natura li jqarraq bil-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13.

41

Minn dan isegwi li huwa rilevanti għall-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li din għandha tagħmel fir-rigward tan-natura eventwalment qarrieqa tal-ittikkettjar tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ssir taf jekk l-isem inkwistjoni għandux jew le natura ġenerika.

42

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-domanda magħmula mhijiex manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li, għalhekk, hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

43

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ewwel domanda, kif saret fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirreferi għal żewġ fatti. Minn naħa, l-isem “Salame Felino” kien is-suġġett ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala DOP u IĠP skont ir-Regolament Nru 2081/92 emendat u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni ta’ din l-applikazzjoni lill-Kummissjoni kienet ukoll ġiet miċħuda jew għall-anqas imwaqqfa mill-awtoritajiet Taljani.

44

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(4) u (5), tal-Artikolu 6(2) sa (5), u tal-aħħar suparagrafu tal-Artikolu 3(1) moqrija flimkien tar-Regolament Nru 2081/92 emendat jirriżulta li, definittivament, il-Kummissjoni biss hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li jsirulha mill-awtoritajiet nazzjonali jew billi tagħti l-protezzjoni mitluba, jew inkella, kuntrarjment, billi tirrifjuta r-reġistrazzjoni mitluba minħabba, jekk ikun il-każ, in-natura ġenerika tal-isem inkwistjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet miċħuda jew imwaqqfa mill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll il-kawżi ta’ tali ċaħda jew ta’ tali waqfien, ma jistgħu bl-ebda mod, jaffettwaw ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda li saret.

45

Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju, billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, tistaqsi, essenzjalment, jekk teżistix, jekk ikun il-każ, preżunzjoni ta’ natura ġenerika tal-isem sa minn qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ladarba titressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan għall-anqas mill-perijodu minn meta titressaq din l-applikazzjoni sal-perijodu ta’ eventwali komunikazzjoni tal-applikazzjoni lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

46

F’dan ir-rigward, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, il-qorti tar-rinviju tidher li qegħda tistaqsi jekk l-interpretazzjoni a contrario ta’ din id-dispożizzjoni twassalx għal tali preżunzjoni.

47

Għandu jiġi kkonstatat li dan mhuwiex il-każ. L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat jipprovdi li l-ismijiet (diġà) protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi. Huwa minnu li a contrario jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-ismijiet li għadhom mhumiex protetti, peress li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal protezzjoni, jistgħu jsiru ġeneriċi fin-nuqqas ta’ ostakoli li jirriżultaw minn protezzjoni diġà fis-seħħ.

48

Madankollu, tali interpretazzjoni a contrario ma tippermetti li jiġi dedott xejn iżjed ħlief is-sempliċi possibbiltà li l-isem inkwistjoni jsir ġeneriku. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-ismijiet li għadhom mhumiex protetti li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ikunu preżunti ġeneriċi.

49

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, moqrija flimkien, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li isem li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jiġi kkunsidrat ġeneriku sakemm eventwalment tiġi kkomunikata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni.

50

Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-kontenut stess tal-kunċett ta’ natura ġenerika, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-kisba ta’ natura ġenerika mill-isem ta’ prodott hija r-riżultat ta’ proċess oġġettiv, li matulu dan l-isem, minkejja li jirreferi għall-post ġeografiku fejn il-prodott inkwistjoni kien ġie immanifatturat jew mibjugħ fil-bidu, isir l-isem komuni tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I-9115, punti 75 sa 100, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-132/05, Ġabra p. I-957, punt 53).

51

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu, bħala tali, jiġi kkunsidrat li ma għandux effett fuq ir-riżultat ta’ tali proċess oġġettiv tal-vulgarizzazzjoni jew tal-ksur tar-rabta bejn l-isem u t-territorju.

52

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ħolqien ta’ preżunzjoni ta’ natura ġenerika li tirriżulta mit-tressieq ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni tmur kontra l-għanijiet intiżi mir-Regolament Nru 2081/92 emendat.

53

Fil-fatt, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet bħala DOP jew IĠP, stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92 emendat, tirrispondi kemm għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif jirriżulta mir-raba’ premessa 4 tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, u kemm għall-ħtieġa li tinżamm kompetizzjoni leali bejn il-produtturi, hekk kif jirriżulta mis-seba premessa tal-imsemmi regolament. Issa, ir-rikonoxximent tan-natura ġenerika tal-isem, mid-definizzjoni, tipprekludi milli tingħata tali protezzjoni. B’hekk li ssir preżunzjoni li isem huwa ġeneriku, sempliċiment minħabba li tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, meta fil-fatt dan ma jkunx, jirriskja li ż-żewġ għanijiet imsemmija qabel ma jintlaħqux. Għalhekk, ir-rikonoxximent tan-natura ġenerika ta’ isem ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miksuba matul il-perijodu kollu li jippreċedi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li fih riferimenti ġeografiċi, li kien is-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala DOP jew IĠP fis-sens tal-imsemmi regolament, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġeneriku sakemm eventwalment tiġi kkomunikata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. In-natura ġenerika ta’ isem, fis-sens tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, ma tistax tkun preżunta, sakemm il-Kummissjoni tkun għadha ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem, jekk ikun il-każ, billi tiċħad din l-applikazzjoni speċifikament minħabba li l-imsemmi isem ikun sar ġeneriku.

Fuq it-tieni domanda

55

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li jsemmi post u li mhuwiex irreġistrat bħala DOP jew IĠP jistax ikun legalment użat minn produtturi li jużaw dan l-isem in bona fede u b’mod kostanti, kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2081/92.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

56

Il-Gvern Taljan u l-Associazione fra Produttori per la tutela del “Salame Felino” jsostnu li din it-tieni domanda hija inammissibbli. B’mod partikolari, dan il-gvern jinvoka n-nuqqas ta’ rilevanza tal-imsemmija domanda fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali minħabba li l-ebda dispożizzjoni Komunitarja jew nazzjonali dwar l-ittikkettjar tal-prodotti ma tieħu inkunsiderazzjoni in bona fede l-operatur ekonomiku li poġġa fis-suq prodott bit-tikketta qarrieqa.

57

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali argument, dwar il-mertu tad-domanda li saret, ma jistax ikollu effett fuq l-ammissibbiltà tagħha.

Fuq il-mertu

58

Preliminarjament, għandu jitfakkar, skont l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, li, minkejja l-eżistenza ta’ differenzi bejn l-għanijiet tad-Direttiva 2000/13 u tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, kemm fir-rigward tal-għanijiet tagħhom kif ukoll tal-portata tal-protezzjoni li joffru, l-indikazzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel tista’, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, taqa’ simultanjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti ġuridiċi.

59

Madankollu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi biss fuq il-punt dwar jekk, fir-rigward tal-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92, li jittrasponi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, GSI setgħetx tqarraq bil-konsumatur billi tindika l-isem “Salame tipo Felino” fuq it-tikketta tal-prodotti li hija tbigħ. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk il-fatt li l-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mhuwiex irreġistrat bħala DOP jew IĠP, ikun użat minn produtturi li jużawh in bona fede u b’mod kostanti għal ħafna żmien għandux effett fuq l-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tal-ittikkettjar fil-kawża prinċipali.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala regola, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ittikkettjar ta’ ċerti prodotti huwiex ta’ natura li jqarraq lix-xerrej jew bil-konsumatur jew li tiddeċiedi l-kwistjoni tan-natura eventwalment qarrieqa ta’ isem għall-bejgħ. Dan huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra p. I-4657, punt 30, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2000, Geffroy, C-366/98, Ġabra p. I-6579, punti 18 u 19). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tiddeċiedi domanda preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (sentenza Geffroy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

61

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ indikazzjoni li tidher fuq tikketta li tqarraq, il-qorti nazzjonali għandha essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-preżunti aspettattivi, fid-dawl tal-imsemmija indikazzjoni, ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-oriġini, il-provenjenza, il-kwalità marbuta mal-prodott tal-ikel, fejn l-essenzjali huwa li l-konsumatur ma jitqarraqx u li ma jitwassalx li jikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-prodott għandu, oriġini, provenjenza jew kwalità differenti milli fil-fatt huma fir-realtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1995, Mars, C-470/93, Ġabra p. I-1923, punt 24; Gut Springenheide and Tusky, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder, C-220/98, Ġabra p. I-117, punt 30).

62

Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tal-ittikkettjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul ta’ żmien tal-użu ta’ isem huwa element oġġettiv li jista’ jimmodifika l-aspettattivi tal-konsumatur raġonevoli. Min-naħa l-oħra, il-bona fede tal-produttur jew tal-bejjiegħ bl-imnut, li hija element suġġettiv, ma tistax taffettwa l-impressjoni oġġettiva li tagħti lill-konsumatur l-indikazzjoni ta’ isem ġeografiku fuq tikketta.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92 emendat, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li jkun jinkludi riferimenti ġeografiċi, li mhuwiex irreġistrat bħala DOP jew IĠP, jista’ jkun legalment użat bil-kundizzjoni li l-ittikkettjar tal-prodott hekk imsemmi ma jqarraqx bil-konsumatur medju, normalment informat, u raġonevolment attent u avżat. Sabiex jevalwaw jekk dan ikunx il-każ, il-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-użu tal-isem. Min-naħa l-oħra, l-eventwali bona fede tal-produttur jew tal-bejjiegħ bl-imnut mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

Fuq it-tielet domanda

64

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk, abbażi tad-Direttiva 89/104, il-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva għal prodott tal-ikel u li fih riferiment ġeografiku identiku għall-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jipprekludi l-użu tal-imsemmi isem.

65

Il-Gvern Taljan isostni li din it-tielet domanda hija inammissibbli inkwantu l-kawża quddiem il-qorti nazzjonali mhijiex dwar it-trade marks kollettivi. L-imsemmi gvern isostni li r-Regione Emilia-Romagna li imponiet is-sanzjoni fil-kawża prinċipali fuq GSI, mhjiex hi stess proprjetarja tal-ebda trade mark u barra minn hekk ma tallegax li GSI kkawżat dannu lil xi trade mark kollettiva. Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Gvern Taljan fakkar li l-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar il-kwistjoni li tkun taf jekk it-tikketta “Salame tipo Felino”, kif użata minn GSI, kinitx ta’ natura li tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini reali tal-prodott inkwistjoni. Minkejja l-intervent fil-proċeduri ta’ assoċjazzjoni ta’ produtturi lokali, proprjetarja tat-trade mark kollettiva “Salame Felino”, l-argument tal-eventwali dannu li sar lit-trade mark kollettiva ma ġiex invokat fil-kawża li kellha tiddeċiedi dwarha l-qorti tar-rinviju.

66

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudena stabbilita msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta lill-qorti li tkun għamlitilha t-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, meta d-domandi li jsirulha manifestament ma jkollhom l-ebda relazzjoni mar-realtà u s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali u għalhekk ma jkunux jirrispondu għal bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

67

Issa, huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi, fil-kawża li għandha quddiemha, unikament fuq il-punt dwar jekk l-ittikkettjar tas-salami msemmija “Salame tipo Felino” jistax iqarraq bil-konsumaturi u, konsegwentement, jekk jiksirx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2000/13.

68

Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva dwar prodott tal-ikel li jinkludi riferiment ġeografiku identiku għall-isem inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jipprekludi l-użu tal-imsemmi isem hija manifestament irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u għalhekk, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2796/2000, tal-20 ta’ Diċembru 2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li fih riferimenti ġeografiċi, li kien is-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fis-sens tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2796/2000, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġeneriku sakemm eventwalment tiġi kkomunikata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill-awtoritajiet nazzjonali. In-natura ġenerika ta’ isem, fis-sens tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2081/92, ma tistax tkun preżunta, sakemm il-Kummissjoni tkun għadha ma ddeċidietx dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem, jekk ikun il-każ, billi tiċħad din l-applikazzjoni speċifikament minħabba li l-imsemmi isem ikun sar ġeneriku.

 

2)

L-Artikoli 3(1) u 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2796/2000, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti [prodotti] tal-ikel, għandhom jiġi interpretati fis-sens li l-isem ta’ prodott tal-ikel li jkun jinkludi riferimenti ġeografiċi, li mhuwiex irreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, jista’ jkun legalment użat, bil-kundizzjoni li l-ittikkettjar tal-prodott hekk imsemmi ma jqarraqx bil-konsumatur medju, normalment informat, u raġonevolment attent u avżat. Sabiex jevalwaw jekk dan ikunx il-każ, il-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-użu tal-isem. Min-naħa l-oħra, l-eventwali bona fede tal-produttur jew tal-bejjiegħ bl-imnut mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.