SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Jannar 2010 ( *1 )
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ falliment — Rifjut ta’ Stat Membru milli jirrikonoxxi d-deċiżjoni li jinfetħu proċeduri ta’ falliment meħuda mill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll id-deċiżjonijiet relatati mal-iżvolġiment u mal-għeluq ta’ dawn il-proċeduri ta’ falliment”
Fil-Kawża C-444/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Północ w Gdańsku (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Settembru 2007, fil-proċeduri ta’ falliment miftuħa kontra
MG Probud Gdynia sp. z o.o.
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal MG Probud Gdynia sp. z o.o., minn A. Studziński, radca prawny, u M. Żytny, aplikant radcowski trzeciego roku, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, C. Herma u A. Witczak-Słoczyńska, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Petrova u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE), Nru 603/2005, tat-12 ta’ April 2005 (ĠU L 159M, p. 377, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija mil-likwidatur Pollakk inkarigat mill-falliment ta’ MG Probud Gdynia sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “MG Probud”) intiżi għall-irkupru tal-assi ta’ din il-kumpannija li nqabdu b’mandat ta’ sekwestru fil-Ġermanja sabiex dawn jiġu inklużi mal-massa fallimentari. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi li ġej: “1. Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju. 2. Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor. […]” |
4 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi: “1. Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’. 2. Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:
[…]” |
5 |
Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament “[i]l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment ma għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward l-assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli […] li jappartieni għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.” |
6 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi: “L-effetti ta’ proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti ta’ impjieg u relazzjonijiet għandhom jiġu regolati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru applikabbli għall-kuntratt ta’ impjieġ.” |
7 |
Taħt il-Kapitolu II tar-Regolament, intitolat “Għarfien [Rikonoxximent] ta’ proċedimenti ta’ falliment”, l-Artikolu 16(1) ta’ dan tal-aħħar jipprovdi: “Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. […]” |
8 |
L-Artikolu 17 tar-Regolament, intitolat “Effetti ta’ għarfien [rikonoxximent]”, jipprovdi: “1. Il-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu, mingħajr aktar formalitajiet, jipproduċi l-istess effetti f’xi Stat Membru ieħor hekk kif jagħmel b’din il-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti, sa kemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor u sa kemm l-ebda proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ma jkunux nfteħu f’xi Stat Membru ieħor. […]” |
9 |
L-Artikolu 18 tar-Regolament, intitolat “Poteri tal-likwidatur”, jipprovdi: “1. Il-likwidatur maħtur minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) jista’ jeżerċita l-poteri kollha mgħotija lilu bil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti fi Stat Membru ieħor, sa kemm l-ebda proċedimenti ta’ falliment oħra ma jkunu infetħu hemm u l-anqas xi miżuri ta’ preservazzjoni fil-pajjiż ma jkunu ittieħdu hemm, wara talba għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment f’dak l-Istat. B’mod partikolari, jista’ jneħħi l-assi tad-debitur mit-terrirorju ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7. […]” |
10 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors [l-iżvolġiment] u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 52, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni ta’ Brussel [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, P. 32)], kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni [(iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)]. L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor. L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. 2. L-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli. 3. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jirrikonoxxu jew jeżegwixxu sentenza msemmija fil-paragrafu 1 li tista’ tirriżulta fi tnaqqis ta’ libertà personali jew ta’ segretezza postali.” |
11 |
Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament, “[x]i Stat Membru jista’ jiċħad li jirrikonoxxi proċedimenti ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor jew li jeżegwixxi sentenza mgħotija fil-kuntest ta’ proċedimenti bħal dawn meta l-effetti ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni bħal dawn ikunu manifestament kontra l-politika pubblika ta’ dak l-Istat, b’mod partikolari l-prinċipji fundamentali tiegħu jew id-drittijiet kostituzzjonali u l-libertajiet ta’ l-individwu.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
12 |
Fil-Polonja, il-proċeduri ta’ falliment huma rregolati mil-Liġi tal-falliment u tar-ristrutturar (“Prawo upadłościowe i naprawcze”), tat-28 ta’ Frar 2003 (Dz. U. tal-2003, Nru 60, pożizzjoni 535), kif emendata. |
13 |
Skont l-Artikolu 146(1) u (2) ta’ din il-liġi, proċeduri eżekuttivi, kemm ġudizzjarji jew amministrattivi, miftuħa kontra d-debitur qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, għandhom jiġu sospiżi skont il-liġi fid-data tad-dikjarazzjoni ta’ falliment u s-somom derivanti minn proċeduri eżekuttivi sospiżi u li ma ġewx iddistribwiti, għandhom jiġu inklużi mal-massa fallimentari. |
14 |
Skont l-Artikolu 146(3) tal-istess Liġi, l-istess dispożizzjonijiet għandhom japplikaw meta tkun ġiet ikkostitwita garanzija fuq l-assi tad-debitur fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ preżervazzjoni. |
15 |
Skont l-Artikolu 146(4) tal-istess Liġi, ladarba jinfetħu l-proċeduri ta’ falliment, ma jkunx iżjed possibbli li jitressqu proċeduri eżekuttivi kontra d-debitur fir-rigward tal-assi li jagħmlu parti mill-massa fallimentari. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2005, is-Sąd Rejonowy Gdańsk-Północ w Gdańsku (Polonja) ordnat il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment fil-konfront ta’ MG Probud, impriża fis-settur tal-kostruzzjoni li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Polonja, iżda li teżerċita xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-Ġermanja permezz tal-attivitajiet ta’ sussidjarja. |
17 |
Fuq talba tal-Hauptzollamt Saarbrücken (amministrazzjoni tad-dwana ta’ Saarbrücken) (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2005, l-Amtsgericht Saarbrücken ordnat is-sekwestru tal-assi bankarji tal-imsemmija impriża li kienu jammontaw għal EUR 50683,08 kif ukoll is-sekwestru ta’ somom dovuti lilha minn diversi partijiet Ġermaniżi li kienu daħlu f’kuntratt magħha. Dawn il-miżuri ttieħdu wara l-proċeduri mressqa mill-Hauptzollamt Saarbrücken kontra d-direttur tas-sussidjarja Ġermaniża ta’ MG Probud, fejn dan tal-aħħar kien issuspettat illi kiser il-leġiżlazzjoni dwar it-tkeċċija tal-ħaddiema minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tar-remunerazzjoni u tal-kontribuzzjonijiet soċjali ta’ numru ta’ ħaddiema Pollakki. |
18 |
L-appell imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-Landgericht Saarbrücken tal-4 ta’ Awwissu 2005. Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti indikat b’mod partikolari li, minħabba l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment fil-Polonja, kien hemm lok li wieħed jibża’ li l-persuni involuti ta’ MG Probud jieħdu malajr is-somom dovuti lill-kumpannija tagħhom u jittrasferixxu s-somom korrispondenti fil-Polonja sabiex jipprekludu lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jkollhom aċċess għalihom. Il-Landgericht Saarbrücken qieset li l-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri ta’ falliment sabiex jinkisbu l-assi ta’ MG Probud ma kinux jostakolaw sekwestru magħmul fil-Ġermanja. Fil-fatt, skont din il-qorti, il-proċeduri nazzjonali ta’ falliment miftuħa fi Stati Membri oħrajn għandhom jiġu rikonoxxuti fil-Ġermanja ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament u jissemmew fil-lista li tinsab fl-Anness A ta’ dan ir-regolament. Issa, il-kopja tad-deċiżjoni annessa mar-rikors ma ppermettietx l-evalwazzjoni dwar jekk din kinitx effettivament tirrigwarda proċeduri ta’ falliment miftuħa fil-Polonja li kellhom jiġu rikonoxxuti fil-Ġermanja bis-saħħa ta’ dan l-Anness A. |
19 |
Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment, is-Sąd Rejonowy Gdańsk-Północ w Gdańsku tistaqsi dwar il-legalità tas-sekwestri magħmula mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ladarba d-dritt Pollakk, li jikkostitwixxi l-liġi applikabbli għall-proċeduri ta’ falliment minħabba l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja hija l-Istat li fih tressqu dawn il-proċeduri, ma tippermettix li jsiru t-tali sekwestri wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment tal-impriża. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Gdańsk-Północ w Gdańsku ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
21 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, wara l-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali ta’ falliment fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor humiex awtorizzati, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, minn naħa, sabiex jordnaw is-sekwestru tal-assi tad-debitur iddikjarat fallut li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, u, min-naħa l-oħra, sabiex jirrifjutaw milli jirrikonoxxu, u, jekk ikun il-każ, milli jeżegwixxu d-deċiżjonijiet relatati mal-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċeduri ta’ falliment miftuħa fl-ewwel Stat Membru. |
22 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi hekk ifformulati mill-ġdid, għandu jitfakkar li, b’mod preliminari, l-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi żewġ tipi ta’ proċeduri ta’ falliment. Il-proċeduri ta’ falliment li jinfetħu, skont l-Artikolu 3(1), mill-qorti kompetenti tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, deskritti bħala “proċedimenti prinċipali”, joħolqu effetti universali, peress li japplikaw għall-assi tad-debitur li jinsabu fl-Istati Membri kollha li fihom japplika r-Regolament. Għalkemm, barra minn hekk, jistgħu jinfetħu proċeduri, skont l-Artikolu (2), mill-qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn id-debitur għandu stabbiliment, dawn il-proċeduri, deskritti bħala “proċedimenti sekondarji”, joħolqu effetti li huma limitati għall-assi tad-debitur li jinsabu fuq it-territorju ta’ dan l-Istat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 28). |
23 |
Il-portata universali tal-proċeduri prinċipali ta’ falliment għandha wkoll influwenza fuq is-setgħat tal-likwidatur, peress li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament, il-likwidatur maħtur minn qorti kompetenti skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jista’ jeżerċita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor is-setgħat kollha mogħtija lilu, b’mod partikolari sakemm ma jinfetħux proċeduri ġodda ta’ falliment. |
24 |
Minn dan jirriżulta li s-sempliċi ftuħ ta’ proċeduri sekondarji ta’ falliment jista’ jirrestrinġi l-portata universali tal-proċeduri prinċipali ta’ falliment. |
25 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni timplika dik tal-liġi applikabbli. Fil-fatt, kemm fir-rigward tal-proċeduri prinċipali ta’ falliment kif ukoll fir-rigward tal-proċeduri sekondarji ta’ falliment, il-liġi tal-Istat Membru fit-territorju li fih jinfetħu l-proċeduri, imsemmija l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”, hija applikabbli għall-proċeduri ta’ falliment u għandha l-effetti tagħha. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament jikkomporta elenku mhux eżawrjenti tal-punti differenti tal-proċeduri li huma rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(2)(b) l-assi li jifformaw parti mill-proprjetà, l-Artikolu 4(2)(ċ), is-setgħat rispettivi tad-debitur u tal-likwidatur kif ukoll, l-Artikolu 4(2)(f), l-effetti tal-proċeduri ta’ falliment fuq il-proċeduri miġjuba minn kredituri individwali. |
26 |
Barra minn hekk, jirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament li d-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment fi Stat Membru hija rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha sa mill-waqt li tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri, u tipproduċi, mingħajr ebda formalità oħra, f’kull Stat Membru ieħor, l-effetti li jagħtuha l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċeduri. Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament, ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet kollha minbarra dawk relatati mal-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment ukoll iseħħ b’mod awtomatiku. |
27 |
Hekk kif jirriżulta mill-premessa 22 tar-Regolament, ir-regola ta’ prijorità ddefinita fl-Artikolu 16(1) tiegħu, li tipprovdi li l-proċeduri ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha sa mill-waqt li jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri, tistrieħ fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
28 |
Fil-fatt, hija din il-fiduċja reċiproka li ppermettiet mhux biss li tiġi stabbilita sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni, li l-qrati kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma marbuta li josservaw, iżda wkoll ir-rinunzja korrispondenti tal-Istati Membri għar-regoli interni tagħhom ta’ rikonoxximent u eżekuttivi favur mekkaniżmu ssimplifikat ta’ rikonoxximent u eżekuttiv tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll, b’analoġija, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C-116/02, Ġabra p. I-14693, punt 72, u tas-27 ta’ April 2004, Turner, C-159/02, Ġabra p. I-3565, punt 24). |
29 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li huwa inerenti f’dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-qorti ta’ Stat Membru li jkollha quddiemha talba għall-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali ta’ falliment tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, jiġifieri teżamina jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsabx f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tali eżami għandu jsir filwaqt li jiġu rispettati l-garanziji proċedurali essenzjali li jitlob l-iżvolġiment ta’ smigħ xieraq (ara punt 66 ta’ din is-sentenza). Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra jirrikonoxxu d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċeduri prinċipali ta’ falliment, mingħajr ma jkollhom is-setgħa jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti fuq il-ġurisdizzjoni tagħha (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42). |
30 |
Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet relatati ma’ proċeduri ta’ falliment, għandu jiġi osservat li r-Regolament ma jinkludix regoli speċifiċi, iżda jirreferi, fl-Artikolu 25(1) tiegħu, għas-sistema eżekuttiva stabbilita mill-Artikoli 31 sa 51 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, billi jeskludi madankollu l-motivi ta’ ċaħda previsti minn din il-Konvenzjoni sabiex isiru applikabbli r-raġunijiet għal rifjut tiegħu stess. |
31 |
B’hekk, skont il-premessa 22 tar-Regolament, li tipprovdi li l-raġunijiet għal rifjut għandhom jitħallew għall-minimu meħtieġ, jeżistu żewġ raġunijiet biss. |
32 |
Minn naħa, skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jirrikonoxxu jew li jeżegwixxu deċiżjoni relatata mal-iżvolġiment u mal-għeluq ta’ proċeduri ta’ falliment li jkollhom bħala effett il-limitazzjoni tal-libertà personali jew tas-segretezza postali. |
33 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament, kull Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi proċeduri ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru ieħor jew li jeżegwixxi deċiżjoni meħuda fil-kuntest tat-tali proċeduri, ladarba dan ir-rikonoxximent jew din l-eżekuzzjoni tipproduċi effetti manifestament kontrarji għall-ordni pubblika tiegħu, b’mod partikolari għall-prinċipji fundamentali tiegħu jew għad-drittijiet u għal-libertajiet individwali ggarantiti mill-Kostituzzjoni tiegħu. |
34 |
Fir-rigward tat-tieni raġuni għal rifjut, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà spjegat, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li l-użu tal-klawżola tal-ordni pubblika, li tinsab fl-Artikolu 27(1) ta’ din il-Konvenzjoni, inkwantu tikkostitwixxi ostakolu għall-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tagħha, jiġifieri li tiffaċilita l-moviment liberu tas-sentenzi, ma tistax tintuża ħlief f’każijiet eċċezzjonali (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I-1935, punti 19 u 21, kif ukoll Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Issa, il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Artikolu 27(1) ta’ din il-Konvenzjoni, tista’ tintuża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). |
35 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
36 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-uffiċċju rreġistrat ta’ MG Probud jinsab fil-Polonja u li, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2005, hija ġiet iddikjarata falluta minn qorti Pollakka. |
37 |
Mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament jirriżulta li, fir-rigward tal-kumpanniji, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali jitqies, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, li huwa l-uffiċċju rreġistrat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-preżunzjoni sempliċi prevista mil-leġiżlatur Komunitarju favur l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija tista’ tiġi mwarrba biss jekk elementi oġġettivi u aċċertabbli minn terzi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti min dik li l-post tal-imsemmi uffiċċju rreġistrat mistenni li juri (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari ta’ kumpannija li ma teżerċita ebda attività fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Min-naħa l-oħra, meta kumpannija teżerċita l-attività tagħha fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-fatt li l-għażliet ekonomiċi tagħha huma jew jistgħu jiġu kkontrollati minn kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru ieħor ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi mwarrba l-preżunzjoni prevista mir-Regolament (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). |
38 |
Issa, peress li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdi ebda element li permezz tiegħu tiġi kkonfutata l-preżunzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, jidher li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ MG Probud jinsab fil-Polonja. |
39 |
Skont l-ifformular tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament, il-proċeduri ta’ falliment li fir-rigward tagħhom japplika l-istess Regolament għandhom jissodisfaw erba’ karatteristiċi. Dawn għandhom jirrigwardaw proċeduri kollettivi, ibbażati fuq il-falliment tad-debitur, li jinvolvu t-tneħħija tal-assi, għall-inqas b’mod parzjali, ta’ dan id-debitur u jagħtu lok għall-ħatra tal-likwidatur. Dawn il-proċeduri huma elenkati fl-Anness A tar-Regolament filwaqt li l-lista tal-likwidaturi li tinsab fl-Anness Ċ tiegħu (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47). |
40 |
Sa fejn il-proċeduri ta’ falliment minftuħa fir-rigward ta’ MG Probud jinsabu elenkati fl-Anness A tar-Regolament, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-qrati Pollakki għandhom ġurisdizzjoni biex jiftħu proċeduri prinċipali ta’ falliment u biex jadottaw id-deċiżjonijiet kollha relatati mal-iżvolġiment kif ukoll mal-għeluq ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament li l-liġi Pollakka hija applikabbli għal dawn il-proċeduri ta’ falliment u għall-effetti tagħha. |
41 |
Barra minn hekk, il-likwidatur maħtur mill-qorti Pollakka, ġaladarba jinsab fl-Anness Ċ tar-Regolament, jista’, skont l-Artikolu 18 tal-istess Regolament, jeżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilu mil-liġi Pollakka fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra u, b’mod partikolari, jittrasferixxi l-assi tad-debitur barra t-territorju tal-Istat Membru li fih jinsabu. |
42 |
Hekk kif ġie osservat minn numru ta’ partijiet interessati li ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, ebda proċeduri sekondarji ma nfetħu f’dan il-każ, u ebda eċċezzjoni minn dawk previsti fl-Artikoli 5 sa 15 tar-Regolament ma hi applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, u dan b’mod partikolari għall-Artikoli 5 sa 10 tal-istess Regolament, espressament imsemmija mill-qorti tar-rinviju. |
43 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u minħabba l-portata universali li għandha tingħata lill-proċeduri prinċipali kollha ta’ falliment, il-proċeduri ta’ falliment miftuħa fil-Polonja jinkludu l-assi kollha ta’ MG Probud, inklużi dawk li jinsabu fil-Ġermanja, u l-liġi Pollakka ma tiddeterminax biss il-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment, iżda wkoll l-iżvolġiment kif ukoll l-għeluq tagħhom. F’dan is-sens, din il-liġi hija msejħa sabiex tirregola x’għandu jseħħ mill-assi li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra kif ukoll l-effetti tal-proċeduri ta’ falliment fuq il-miżuri li għalihom huma suġġetti dawn l-assi. |
44 |
Peress li l-Liġi Pollakka tat-28 ta’ Frar 2003 tal-falliment u r-ristrutturar, kif emendata, ma tippermettix, wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment, li jitressqu proċeduri eżekuttivi fuq l-assi li jagħmlu parti mill-massa fallimentari, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti ma setgħux validament jordnaw, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, miżuri eżekuttivi fuq l-assi ta’ MG Proboud li jinsabu fil-Ġermanja. |
45 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament, id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment adottata fil-Polonja għandha tiġi awtomatikament rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha, mingħajr ebda formalità oħra, bl-effetti kollha mogħtija lilha mil-liġi Pollakka. |
46 |
Barra minn hekk, sa fejn ebda element mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li teżisti waħda mir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, il-qorti Ġermaniża kkonċernata kienet marbuta tirrikonoxxi mhux biss id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment adottata mill-qorti Pollakka kompetenti, iżda wkoll id-deċiżjonijiet l-oħra kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri, u hija ma tistax, għaldaqstant, tikkontesta l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet permezz tal-Artikoli 31 sa 51 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 16, 17 u 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, wara l-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali ta’ falliment fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih ma jkunu nfetħu ebda proċeduri sekondarji ta’ falliment, għandhom l-obbligu, suġġett għar-raġunijiet għal rifjut derivanti mill-Artikoli 25(3) u 26 tar-Regolament, li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri prinċipali ta’ falliment u, għaldaqstant, ma għandhomx id-dritt li jordnaw, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, miżuri eżekuttivi fir-rigward tal-assi tad-debitur iddikjarat fallut li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ftuħ ma tippermettix dan u meta l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 10 tar-Regolament ma humiex sodisfatti. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 16, 17 u 25 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, wara l-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali ta’ falliment fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih ma jkunu nfetħu ebda proċeduri sekondarji ta’ falliment, għandhom l-obbligu, suġġett għar-raġunijiet għal rifjut derivanti mill-Artikoli 25(3) u 26 ta’ dan ir-regolament, li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri prinċipali ta’ falliment u, għaldaqstant, ma għandhomx id-dritt li jordnaw, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, miżuri eżekuttivi fir-rigward tal-assi tad-debitur iddikjarat fallut li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ftuħ ma tippermettix dan u meta l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 10 ta’ dan ir-regolament ma humiex sodisfatti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.