Kawża C-443/07 P

Isabel Clara Centeno Mediavilla et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII dwar il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali li ġew irreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004 — Konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal — Nuqqas ta’ ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008   I ‐ 10949

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 10996

Sommarju tas-sentenza

  1. Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura għall-adozzjoni – Konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal

    (Artikolu 283 KE; Regolament tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10; Anness XIII, Artikolu 12(3))

  2. Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Introduzzjoni ta’ struttura tal-karrieri ġdida bir-Regolament Nru 723/2004 – Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 3 u 31; Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

  3. Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Introduzzjoni ta’ struttura tal-karrieri ġdida bir-Regolament Nru 723/2004 – Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

  4. Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Introduzzjoni ta’ struttura tal-karrieri ġdida bir-Regolament Nru 723/2004 – Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

  1.  Il-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi l-istituzzjoni ta’ Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal li għandu jiġi kkonsultat dwar kull proposta ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u li jista’ jippreżenta suġġerimenti fil-kuntest ta’ tali emenda, hija manifestament irrikonċiljabbli ma’ interpretazzjoni restrittiva. Il-Kummissjoni hija obbligata tikkonsulta mill-ġdid ma’ dan il-Kumitat qabel l-adozzjoni, mill-Kunsill, tad-dispożizzjonijiet regolamentari inkwistjoni, meta emendi għal proposta tar-Regolamenti tal-Persunal jaffettwaw b’mod sostanzjali l-istruttura tal-proposta, peress li tali obbligu huwa eskluż fir-rigward ta’ emendi speċifiċi u limitati. In-natura sostanzjali ta’ emenda għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tas-suġġett u tal-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati fid-dispożittiv inġenerali, u mhux mill-perspettiva tal-konsegwenzi individwali li dawn jista’ jkollhom fuq l-uffiċjali kkonċernati.

    F’dan ir-rigward, is-sostituzzjoni tal-grad A* 6 mal-grad A* 7 li tirriżulta mir-riforma tal-karrieri introdotta mil-leġiżlatur Komunitarju fl-1 ta’ Mejju 2004, inizjalment prevista fid-dispożizzjoni li saret l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, mhijiex sostanzjali, peress li hija tikkostitwixxi element addizzjonali ta’ din ir-riforma li tidħol fl-istruttura ġenerali u fil-perspettiva globali ta’ ristrutturazzjoni evoluttiva tal-karrieri. Peress li tali emenda ma titbiegħedx b’mod sostanzjali mit-test li ġie ippreżentat quddiem il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalhekk seta’ jesprimi opinjoni dwar il-possibbiltà li tiġi prevista differenza fil-gradi ta’ reklutaġġ bejn l-uffiċjali, kandidati magħżula ta’ kompetizzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda, u li ġew irreklutati qabel din id-data, u dawk li ġew irreklutati wara din id-data, ma kienx hemm bżonn li l-imsemmi Kumitat jerġa jiġi kkonsultat.

    (ara l-punti 50-53)

  2.  Il-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni li huma mniżżla fuq lista ta’ riżerva m’għandhom, f’din il-kwalità, ebda dritt miksub li jinħatru, iżda għandhom biss il-possibbiltà li jinħatru u l-klassifikazzjoni fi grad tagħhom hija suġġetta għal ħatra tagħhom, li tirriżulta mis-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra. Isegwi li l-kandidati magħżula mniżżla fuq lista ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, iżda li nħatru uffiċjali wara din id-data, ma jistgħu jinvokaw ebda dritt miksub sabiex, minflok l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ klassifikazzjoni stabbiliti mir-Regolament, jitolbu l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni fil-grad indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni, safejn is-sitwazzjoni li toħloq id-dritt tagħhom fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ma tkunx seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi Regolament. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal dawk li ġew irreklutati bħala uffiċjali bi prova qabel l-1 ta’ Mejju 2004 iżda li nħatru uffiċjali wara din id-data.

    Għalkemm il-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jinvokaw, abbażi tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dritt li jiġi attribwit lilhom il-grad ta’ funzjoni indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni jekk dawn jinħatru, din id-dispożizzjoni tista’ biss tapplika fir-rigward tad-dritt eżistenti, peress li hija ma tistax tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjoni mhux konformi mar-Regolamenti tal-Persunal kif emendati mil-leġiżlatur Komunitarju, u għalhekk, illegali. L-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali, jista’ jinkludi deroga mir-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għal kategorija partikolari ta’ uffiċjali.

    (ara l-punti 64-66, 100, 101)

  3.  Il-leġiżlatur, billi adotta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnhom tirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li huma kandidati magħżula tal-istess kompetizzjoni rreklutati, rispettivament qabel u wara l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-riforma effettwata bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika. Fil-fatt, l-uffiċjali rreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2004 mhumiex fl-istess sitwazzjoni ġuridika bħal dawk l-uffiċjali li ġew irreklutati qabel din id-data, peress li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-emenda, b’differenza mill-uffiċjali diġà rreklutati, kellhom biss il-possibbiltà li jinħatru. Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, jiġifieri d-data tar-reklutaġġ deċiża mill-Awtorità tal-Ħatra. Barra minn hekk, billi wieżen l-interessi tal-kategoriji ta’ uffiċjali differenti fil-kuntest tal-introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ validament jiddeċiedi li r-reklutaġġ ta’ kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet li seħħew qabel l-1 ta’ Mejju 2004, iżda rreklutati wara din id-data, iseħħ skont is-sistema l-ġdida, filwaqt li jagħtihom trattament iktar favorevoli minn dak applikat għall-uffiċjali li kienu kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet li seħħew wara l-1 ta’ Mejju 2004 u li ġew irreklutati sussegwentement.

    Il-kriterji ta’ klassifikazzjoni indikati fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma jinkludu diskriminazzjoni abbażi tal-età, peress li huma manifestament irrilevanti fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-kandidati magħżula fil-kompetizzjonijiet ikkonċernati, u barra minn hekk, huma jipprevedu, fir-rigward tal-kategorija A, differenza bejn il-grad ta’ bażi A*5 (grad ta’ qabel A 8) u l-grad ogħla A* 6 (grad ta’ qabel A 7/A 6).

    (ara l-punti 79-81, 83)

  4.  Il-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni li huma mniżżla fuq lista ta’ riżerva qabel l-1 ta’ Mejju 2004, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, iżda li nħatru uffiċjali bi prova wara din id-data, ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq indikazzjonijiet mogħtija min-naħa tal-amministrazzjoni qabel il-ħatra tagħhom fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom skont il-kriterji stabbiliti fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet, indikazzjonijiet li kellhom magħhom, madankollu, twissijiet dwar il-possibbiltà li jkun hemm proposta ta’ reklutaġġ fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jikkontestaw il-legalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li fuqhom kienu ġew finalment ibbażati d-deċiżjonijiet tal-ħatra. Fil-fatt, anki jekk tali indikazzjonijiet mill-amministrazzjoni jitqiesu li huma garanziji preċiżi li jistgħu jnisslu fid-destinatarji aspettattivi leġittimi, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, l-iktar f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni. L-atti tal-amministrazzjoni ma jistgħux jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu parametru ta’ legalità li huwa għandu jikkonforma ruħu magħhom.

    (ara l-punti 90-92)