Kawża C-425/07 P

AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Kompetizzjoni — Ċaħda ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni — Disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni — Nuqqas ta’ interess Komunitarju”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2008   I ‐ 3208

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2009   I ‐ 3226

Sommarju tas-sentenza

  1. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Eżami tal-ilmenti – Evalwazzjoni tal-interess Komunitarju marbut mal-istruttorja ta’ kawża

    (Artikoli 81 KE u 82 KE)

  2. Kompetizzjoni – Akkordji – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Kunċett

    (Artikoli 81 KE u 82 KE)

  3. Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizzjati minn konfużjoni bejn żewġ kunċetti legali – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ dritt – Ċaħda

  1.  Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, u għal dan il-għan, hija tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fl-ipproċessar tal-ilmenti mressqa quddiemha. Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità għall-ipproċessar tal-ilmenti li jitressqu quddiemha, hija tista’ leġittimament tirreferi għall-interess Komunitarju. F’dan il-kuntest, hija marbuta li f’kull każ tevalwa l-gravità tal-allegat ksur tal-kompetizzjoni u l-persistenza tal-effett ta’ dan il-ksur. B’mod partikolari, dan l-obbligu jimplika li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-kobor tal-ksur allegat, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità Ewropea.

    Konsegwentement, fil-każ fejn jinsab li jeżisti effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ilment li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jiġi investigat mill-Kummissjoni minflok l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, jekk ikun jeżisti interess Komunitarju suffiċjenti. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta l-ksur allegat ikun jista’ joħloq disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    (ara l-punti 31, 53, 54)

  2.  Il-kunċetti ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, minn naħa, u ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, min-naħa l-oħra, huma żewġ kunċetti distinti.

    L-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jservi bħala kriterju ta’ delimitazzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE u 82 KE, u dak tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Jekk jirriżulta li l-ksur allegat ma jistax ikollu effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, jew li jista’ biss ikollu effett b’mod insinjifikattiv, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ma jkunux applikabbli. Barra minn hekk, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, ftehim bejn impriżi għandu jkun b’tali mod li, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, wieħed jista’ jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li dan jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri, b’mod li jkun jista’ jostakola t-twettiq tal-għanijiet ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri.

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, dan jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex jingħata bidu għal investigazzjoni ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni.

    Issa, minnu nnifisu, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ma jimplikax l-eżistenza ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    (ara l-punti 48-52)

  3.  Konfużjoni ta’ kunċetti min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’sentenza appellata mhijiex tali li twassal għall-annullament tas-sentenza msemmija, jekk id-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ dritt.

    (ara l-punt 55)