Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37 — Konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi — Regoli dwar reklamar
(Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikoli 3(1) u (4), u 11(3) u (6))
Stat Membru li, wara li jagħti bidu għal proċedura sabiex tingħata konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, dwar il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ċerti meded ta’ awtostradi, jattribwixxi xogħlijiet addizzjonali, b’mod partikolari l-bini ta’ toroq addizzjonali għaċ-ċirkulazzjoni u ta’ mina ġdida fuq ċerti meded ta’ awtostradi, mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu msemmija fis-suġġett tal‑kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, kif deskritt fl-avviż ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3(1) u 11(3) u (6) tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi moqrija flimkien mal-Anness V tagħha.
Fill-fatt, is-suġġett tal-konċessjoni inkwistjoni għandu jiġi ddefinit fl-avviż u fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li għandhom jinkludu s-suġġett prinċipali u s‑suġġetti addizzjonali tal-kuntratt, id-deskrizzjoni u l-lokalità tax-xogħlijiet li tirreferi għalihom il-konċessjoni, kif ukoll il-kwantità u l-estensjoni globali tagħhom. Għalkemm huwa ta’ min ifaħħar il-fatt li l-awtorità kontraenti, fir‑rigward tal-partikolaritajiet eventwali tax-xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ konċessjoni, tħalli ċertu marġni għall-inizjattiva tal-offerenti fir-rigward tal‑formulazzjoni tal-offerti tagħhom, riferiment mill-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-possibbiltà għall-offerenti li jippreżentaw varjazzjonijiet fl-offerti tagħhom ma huwiex legali meta ma jkunux ġew ippreċiżati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet minimi li tali varjazzjonijiet għandhom josservaw.
Barra minnhekk, ma huwiex konformi mad-Direttiva 93/37 li jiġi attribwit b’mod mhux trasparenti kuntratt ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi li jinkludi xogħlijiet imsejħa “supplimentari” li waħidhom jikkostitwixxu “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet” fis-sens ta’ din id-direttiva u li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu li huwa previst fih. F’każ kuntrarju, dan ifisser li dawn ix-xogħlijiet, imsejħa “supplimentari”, jaħarbu mill-obbligu ta’ reklamar u, għaldaqstant, minn kull kompetizzjoni.
Barra minn hekk, il-fatt li konċessjonarju ma jimplementax huwa stess ix‑xogħlijiet addizzjonali, imma jqabbad lil impriżi terzi, skont ir-rekwiżiti ta’ reklamar stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 93/37, ma jilliberax lill-awtorità kontraenti mill-obbligi tagħha, peress li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jimponi b’mod ċar, kemm għall-awtorità kontraenti kif ukoll għall-konċessjonarju, obbligi ta’ reklamar kumulattivi u mhux alternattivi.
(ara l-punti 55, 64-66, 70, 71, 76-81 u d-dispożittiv)