SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 91/628/KEE u 93/119/KE — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qtil tagħhom — Ksur strutturat u ġeneralizzat tar-regoli Komunitarji”

Fil-Kawża C-416/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Tserepa-Lacombe u F. Erlbacher, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn S. Charitaki, S. Papaïoannou u E.-M. Mamouna, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji:

sabiex kull trasportatur tal-annimali jikseb awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti u jitniżżel f’reġistru sabiex ikun jista’ jiġi individwat malajr mill-awtorità kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali waqt it-trasport;

sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta/reġistri tal-vjaġġ;

sabiex jiġu previsti installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanzi tagħhom li jippermettu li l-annimali jistrieħu wara li jkunu tniżżlu minn fuq il-bastimenti;

sabiex ikun żgurat it-twettiq ta’ spezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali;

sabiex ikunu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur ripetuti jew gravi tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport;

sabiex tkun assigurata l-osservanza tar-regoli ta’ sturdament tal-annimali fil-mument tat-tbiċċir tagħhom, u

sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq;

ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii), 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i), kif ukoll skont l-Artikoli 8, 9 u 18(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 133), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 301, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”), skont il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess Direttiva u, sa mill-5 ta’ Jannar 2007, skont l-Artikoli 5(4), 6(1), 13(3) u (4), 15(1) u 25 sa 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1), kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421), kif emendata bir-Regolament Nru 1/2005 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/119”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva 91/628

2

L-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 jipprovdi li:

“A. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

1)

kull trasportatur:

a)

huwa:

 

reġistrat b’mod li jgħin lill-awtorità kompetenti tidentifika lill-persuna malajr fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti ta’ din id-Direttiva;

 

kopert[] minn awtorizzazzjoni valida għat-trasport kollu ta’ l-annimali bis-sinsla (vertebrati) li jitwettaq f’wieħed mit-territorji li għalihom issir referenza fl-Anness I tad-Direttiva 90/675/KEE, mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment jew, jekk impriża stabbilita f’pajjiż terz hija involuta, minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni, bla ħsara għal impenn bil-miktub mill-persuna responsabbli għat-trasport li tintrabat li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità fis-seħħ.”

3

Skont l-Artikolu 5A(2)(b) tad-direttiva msemmija:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

2)

it-trasportatur:

[…]

b)

għall-annimali li għalihom issir referenza fl-Artikolu 1(1)(a) li sejrin jiġu negozjati bejn Stati Membri jew esportati lil pajjiżi terzi, u f’każijiet meta l-ħin tal-vjaġġ jeċċedi tmien sigħat, ifassal pjanta tar-rotta bi qbil mal-kampjun fil-Kapitolu VIII ta’ l-Anness, li għandu jiġi mehmuż maċ-ċertifikat tas-saħħa matul il-vjaġġ, u anke jindika kull post ta’ waqfien u [ta’] trasferiment.”

4

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) tal-istess direttiva jiddisponi:

“A.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

2)

it-trasportatur:

d)

jiżgura:

i)

li l-kopja oriġinali tal-pjanta tar-rotta li għaliha ssir referenza f’(b)

hija mfassla kif suppost u mimlija mill-persuni approprjati fiż-żmien xieraq”.

5

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bi qbil mal-prinċipji u r-regoli ta’ kontroll stabbiliti fid-Direttiva 90/425/KEE, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ġew mħarsa, billi jwettqu spezzjonijiet mhux diskriminatorji dwar:

a)

il-mezzi ta’ trasport u l-annimali matul it-trasport bit-triq;

b)

il-mezzi ta’ trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom;

ċ)

il-mezzi ta’ trasport u l-annimali fi swieq, f’postijiet ta’ tluq, f’postijiet ta’ waqfien u f’postijiet ta’ trasferiment;

d)

id-dettalji fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom.

Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjun adegwat ta’ annimali trasportati kull sena f’kull Stat Membru, u jista’ jitwettaq fl-istess ħin bħall-kontrolli għal skopijiet oħrajn.

L-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport annwali li jiddikjara n-numru ta’ spezzjonijiet mwettqa fis-sena kalendarja preċedenti għar-rigward ta’ kull wieħed mill-punti (a), (b), (ċ) u (d) u inklużi d-dettalji ta’ kull ksur ta’ liġi rapportat u l-azzjoni meħuda b’riżultat ta’ dan mill-awtorità kompetenti.

Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha informazzjoni li jwassalha biex tissuspetta li sar xi ksur ta’ liġi, jistgħu jitwettqu wkoll spezzjonijiet matul it-trasport ta’ l-annimali fuq it-territorju tagħha.

L-Artikolu m’għandux jaffettwa l-ispezzjonijiet imwettqa bħala parti mix-xogħlijiet mwettqa f’manjera mhux diskriminatorja minn awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ġenerali tal-liġijiet fi Stat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 9(1) tad-direttiva msemmija:

“Jekk jinstab matul it-trasport li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jkunux ġew imħarsa jew ma jkunx hemm konformità magħhom, l-awtorità kompetenti tal-lokal li fih issir dik is-sejba, għandha teħtieġ li l-persuna inkarigata mill-meżżi tat-trasport, li tieħu kull azzjoni li l-awtorità kompetenti tqis li jkunu meħtieġa sabiex ikun issalvagwardat il-ġid ta’ l-annimali kkonċernati.

Jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, dik l-azzjoni tista’ tinkludi:

a)

arranġamenti biex jitkompla l-vjaġġ jew li l-annimali jintbgħatu lura lejn il-post tat-tluq tagħhom b’rotta l-aktar diretta, basta li din l-azzjoni ma toħloqx tbatija żejda għall-annimali;

b)

arranġamenti biex l-annimali jinżammu f’akkommodazzjoni addattata bil-kura approprjata sakemm tissolva l-problema;

ċ)

arranġamenti għall-qtil mingħajr tbatija ta’ l-annimali. Id-destinazzjoni u l-użu tal-karkassi ta’ dawn l-annimali għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 64/433/KEE.”

7

L-Artikolu 18(2) tal-istess direttiva jiddisponi:

“Fil-każ ta’ ksur ripetut ta’ din id-Direttiva jew ksur li tinvolvi tbatija serja għall-animali, Stat Membru għandu, mingħajr preġudizzju għal xi penali oħra provduti, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet innutati, sa u inkluża s-sospensjoni jew anke l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 5A(1)(a)(ii).

L-Istati Membri għandhom, meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jistabbilixxu l-miżuri li huma sejrin jieħdu biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet osservati.”

8

Il-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, intitolat “Interval ta’ tisqija u ta’ tmigħ, il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ”, jinkludi fih il-punt 7(b) li jipprovdi:

“Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn iż-żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata [tiegħu] sakemm il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4 [tal-imsemmi punt 48].”

Id-Direttiva 93/119

9

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:

“L-annimali għandhom jiġu meħlusa minn xi eċitament, uġigħ jew tbatija li jistgħu jiġu evitati waqt il-moviment, lairaging, żamma, sturdament, tbiċċir jew qtil.”

10

L-Artikolu 5(1)(d) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Solipedi, ruminanti, ħnieżer, fniek u tjur miġjuba fil-biċċeriji għal tbiċċir għandhom ikunu:

[…]

d)

skarnati skond id-disposizzjonijiet ta’ Anness D.”

11

Fi kliem l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:

“Strumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir u installazzjonijiet oħra użati għall-isturdament jew [qtil] iridu jkunu diżinjati, magħmula, miżmuma u użati b’tali mod li [jassiguraw] sturdament jew qtil malajr u effettiv skont id-dispożizzjonijiet ma’ din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla li l-istrumenti, [il-materjal għaż-]żamma u tagħmir ieħor użat għall-isturdament jew qtil jikkonformaw mal-prinċipji [msemmija] hawn fuq u għandha tikkontrolla regolarment biex tiżgura li huma fi stat tajjeb ta’ tiswija u [li jippermettu li] l-oġġettiv imsemmi hawn fuq jintlaħaq.”

12

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 jiddisponi:

“Spezzjonijiet u kontroll fil-biċċeriji għandhom jiġu magħmula taħt ir-responsabbilità ta’ l-awtorità kompetenti, li f’kull ħin ikollha aċċess liberu għall-partijet kollha tal-biċċerija sabiex taċċerta konformità ma’ din id-Direttiva. Iżda, spezzjonijiet u kontrolli bħal dawn jistgħu jsiru fl-istess ħin bħal kontrolli magħmula għal skopijiet oħra.”

Il-proċedura prekontenzjuża

13

Sa mill-1998, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tad-Direttorat ġenerali tas-“Saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur” tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“UAV”) wettaq missjonijiet fil-Greċja sabiex jikkontrolla l-effettività tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-annimali, b’mod partikolari waqt it-trasport u matul it-tbiċċir tagħhom.

14

Matul diversi missjonijiet ta’ dan it-tip, imwettqa fil-perijodu bejn l-1998-2006, l-UAV ikkonstata li l-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji ma kinux qed jiġu osservati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-missjonijiet Nri 8729/2002 mit-18 sal-20 ta’ Novembru 2002; 9002/2003 mit-13 sas-17 ta’ Jannar 2003; 9176/2003 mill-21 sal-25 ta’ Lulju 2003; 9211/2003 mill-15 sad-19 ta’ Settembru 2003, u 7273/2004 mill-4 sat-8 ta’ Ottubru 2004.

15

Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-implementazzjoni mhux adegwati ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 91/628 u 93/119, kif ukoll tal-Artikolu 10 KE, li dan l-Istat Membru rrisponda għaliha permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2005.

16

Wara diversi skambji ta’ informazzjoni u wara li wetqet, mill-21 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2006, il-missjoni Nru 8042/2006, fl-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika Ellenika sabiex tadotta l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruha mal-opinjoni msemmija f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. Dan l-Istat Membru rrisponda fit-8 ta’ Settembru 2006.

17

Mill-4 sal-15 ta’ Settembru 2006, l-UAV wettaq il-missjoni Nru 8167/2006 sabiex jivverifika l-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-benesseri tal-annimali, u fir-rapport tiegħu kkonferma l-ksur u n-nuqqasijiet li kienu ġew ikkonstatati preċedentement f’dan il-qasam.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

19

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha. Hija tqis li l-imsemmi rikors, li fit-totalità tiegħu huwa impreċiż, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

20

B’mod ġenerali, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tinvokax fatti preċiżi, u ma tipprovdix provi li jippermettu li għal kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, tiġi kkonstatata s-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, skont dan l-Istat Membru, sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni ġuridika tal-fatti inkwistjoni fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Kummissjoni kellha ssemmi numru raġonevoli ta’ fatti konkreti li, minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jistabbilixxu, min-naħa waħda, il-ksur tad-dritt Komunitarju invokat u, min-naħa l-oħra, il-persistenza ta’ dan il-ksur, għall-inqas sal-mument meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

21

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li hija tista’ titratta b’mod globali, fi proċedura unika, il-kwistjoni tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u fil-mument tat-tbiċċir tagħhom. Xejn ma jipprekludiha milli tinvoka diversi motivi bbażati mhux fuq konstatazzjoni fattwali iżolata, iżda fuq numru kbir ta’ każijiet identifikati mill-UAV li jaġġornaw ksur strutturat u ġeneralizzat tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u matul it-tbiċċir.

22

Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/119 u 91/628 kif ukoll, sa mill-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005, huwa ammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rilevat li, bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-oneru tal-prova, li jaqa’ fuqha fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, it-Trattat KE ma jipprovdi ebda regola li tipprekludi li numru kunsiderevoli ta’ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati flimkien li fuqhom il-Kummissjoni ssostni li Stat Membru jkun naqas għal-żmien twil u b’manjiera ripetuta milli jimplementa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, Ġabra p. I-3475, punt 20).

24

Sussegwentement, għandu jiġi indikat li hija ġurisprudenza stabbilita li, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija, minnha nnifisha, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista jirriżulta mill-eżistenza ta’ prattika amministrattiva li tikser dan id-dritt meta tkun tippreżenta ċertu livell ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-278/03, Ġabra p. I-3747, punt 13, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

25

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat bħala ammissibbli r-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili, b’mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-502/03), fejn il-Kummissjoni invokat preċiżament ksur strutturat u ġeneralizzat, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3) jew, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Franza (C-423/05), fejn ksur ta’ dawn l-istess Artikoli kif ukoll tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) kienu invokati wkoll. Issa, l-ebda element ma jipprekludi li dan l-approċċ jista’ jiġi traspost fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali.

26

Konsegwentement, l-approċċ globali adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors tagħha huwa ammissibbli.

27

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-motivi tar-rikors dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 li ħassru u ħadu post id-Direttiva 91/628 sa mill-5 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara li skada t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu li l-Kummissjoni stabbilixxiet għall-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 42, u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-377/03, Ġabra p. I-9733, punt 33).

28

Madankollu, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm it-talbiet li jinstabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-verżjoni inizjali ta’ att Komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkun inżamm mid-dispożizzjonijiet ta’ att Komunitarju ġdid (ara, f’dan ir-rigward, sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 36, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22). Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’mod partikolari, sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

29

Konsegwentement, it-talbiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 huma, bħala prinċipju, ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-obbligi tar-Regolament Nru 1/2005 ikunu simili għal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 91/628.

30

Madankollu, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ppreċiżat, b’risposta għal mistoqsija li saret matul il-proċedura orali, li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi interpretat fis-sens li fir-realtà jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, u mhux lil dawk tar-Regolament Nru 1/2005 li ġew invokati bil-għan li juru li l-prattika tal-awtoritajiet Elleniċi għandha ċertu livell ta’ konsistenza.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi limitata għall-fondatezza tal-ilmenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628.

Fuq l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

33

Meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti li seħħew fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21; tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 86).

34

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruha fuq il-konstatazzjonijiet li saru waqt il-missjonijiet Nri 8729/2002, 9002/2003, 9176/2003, 9211/2003, 7273/2004, 8042/2006 u 8167/2006 sabiex tipprova l-fondatezza tar-rikors tagħha.

35

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat, għal kull ilment, jekk il-konstatazzjonijiet imsemmija humiex, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, kapaċi li jipprovaw nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628

— L-argumenti tal-partijiet

36

Abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-UAV matul il-missjonijiet Nri 7273/2004 u 8042/2006, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex kull trasportatur tal-annimali jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti u jkun suġġett ta’ reġistrazzjoni li tippermetti li dan it-trasportatur jiġi identifikat mingħajr dewmien f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.

37

Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-kuntest tal-missjoni Nru 7273/2004, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw li ċerti trasportaturi ma kellhomx awtorizzazzjoni, jew li l-awtorizzazzjoni li kellhom kienet skadiet. Barra minn hekk, mill-missjoni Nru 8042/2006 jirriżulta li, minkejja xi titjib, ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni u l-identifikazzjoni tat-trasportaturi ma kinux ġew osservati b’mod suffiċjenti. Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm jeżistu reġistri ta’ trasportaturi, dawn mhux dejjem ġew aġġornati. Barra minn hekk, hija żżid li r-reġistri tat-trasportaturi mhumiex kompluti minħabba li ma fihomx l-informazzjoni dwar iż-żona tat-tagħbija tal-vetturi.

38

Essenzjalment, ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-identifikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni mhux valida waqt il-missjoni Nru 7273/2004, li tikkostitwixxi każ iżolat, ma tistax tkun bażi għall-evalwazzjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ insuffiċjenza tas-sistema minnha nnifisha, iktar u iktar meta l-imsemmija awtorizzazzjoni kienet diġà ġiet identifikata qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali.

39

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li d-Direttiva 91/628 ma tipprevedix li r-reġistri tat-trasportaturi għandhom jinkludu fihom elementi dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub tat-trasportaturi li biha jintrabtu li jikkonformaw ruħhom mal-ħtiġijiet tal-imsemmija direttiva jew f’dak li jirrigwarda l-post tat-tgħabija tal-annimali. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tqis li l-kliem tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 jikkontradixxi dan l-argument.

40

Ir-Repubblika Ellenika tosserva wkoll li adottat miżuri sabiex tassigura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Skont hi, il-fatt, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet reġjonali kienu informati bir-rakkomandazzjonijiet tal-ispetturi Komunitarji kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ intiżi għax-xufiera u għall-akkompanjaturi tal-annimali, iżda wkoll għall-veterinarji, għandu jiġi interpretat bħala element pożittiv, li juri li l-awtoritajiet Elleniċi jieħdu ħsieb b’mod permanenti li japplikaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod korrett.

41

Madankollu, il-Kummissjoni tirrispondi li, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ tali laqgħat ta’ taħriġ tikkostitwixxi miżura pożittiva, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jistax jissostitwixxi l-kontrolli uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-reġistri tat-trasportaturi mhumiex kompluti minħabba li ma fihomx l-informazzjoni dwar iż-żona tat-tagħbija tal-vetturi, għandu jiġi rilevat li mill-kliem tal-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628, bl-ebda mod ma jirriżulta li tali informazzjoni tista’ tkun imposta.

43

Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

44

Fir-rigward tal-argument li jgħid li r-reġistri tat-trasportaturi mhux dejjem jiġu aġġornati, għandu jiġi kkonstatat li minħabba l-karattru mhux preċiż tiegħu, dan l-argument ma jaqbilx mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li tgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

45

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari fuq in-numru ta’ reġistri kkonċernati jew fuq in-numru totali ta’ reġistri kkontrollati, il-fatt biss li ċerti reġistri tat-trasportaturi mhumiex aġġornati mhuwiex biżżejjed sabiex jipprova li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628.

46

F’kull każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li ma jistax jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Elleniċi żviluppaw prattika amministattiva li tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità peress li l-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan l-ilment jirrigwardaw konstatazzjonijiet li saru matul l-2006, u mhux matul perijodu itwal li matulu żviluppat tali prattika.

47

Fir-rigward tal-argument li jgħid li ċerti trasportaturi ma kellhomx awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni li kienet ġiet mogħtija lilhom kienet skadiet, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li lanqas dan ma jaqbel mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

48

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda preċiżazzjoni, b’mod partikolari, dwar in-numru ta’ trasportaturi li ma għandhomx awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet skaduta, u lanqas dwar in-numru ta’ trasportaturi li kienu s-suġġett ta’ kontrolli.

49

Minn dan jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni mhuwiex tali li jipprova l-eżistenza ta’ prattika amministattiva li tippreżenta ċertu ammont ta’ konsistenza u ta’ ġeneralità bi ksur tal-obbligi tar-Repubblika Ellenika taħt l-Artikolu 5A(1)(a) tad-Direttiva 91/628.

50

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment dwar il-ksur tal-Artikolu 5A(1)(a)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628 għandu jitqies bħala infondat.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i), kif ukoll tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u 9 tad-Direttiva 91/628

— L-argumenti tal-partijiet

51

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta, u konsegwentement, talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5A(2)(b) u l-ewwel inċiż ta’ 5A(2)(d)(i) tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628.

52

Il-Kummissjoni tirrileva li, waqt il-missjonijiet Nri 9002/2003 u 7273/2004, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw insuffiċjenzi fir-rigward ta’ ċerti pjanti tar-rotta li ma kinux ġew individwati mill-awtorità kompetenti Griega. B’mod partikolari, il-ħinijiet tal-ivjaġġar indikati fil-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta li ġew ikkontrollati u li kienu jakkumpanjaw lil annimali destinati għat-tbiċċir, trasportati minn Stati Membri oħra, kienu illoġiċi u improbabbli.

53

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tosserva li ċirkolari tas-sena 2003 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkolari tal-2003”) kienet wasslet għall-introduzzjoni ta’ sistema adegwata għall-ispezzjoni u l-kontroll tal-informazzjoni li tinsab fil-pjanti tar-rotta. Barra minn hekk, hija ssostni li, peress li dawn il-pjanti huma mfassla mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, mhumiex l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li għandhom jevalwaw il-validità tal-informazzjoni li tinsab f’dawn il-pjanti u tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità li awtorizzat lil din il-pjanta. Skont ir-Repubblika Ellenika, hija biss l-osservanza ta’ dawn il-pjanti li tista’ tiġi kkontrollata.

54

Il-Kummissjoni tirrispondi li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, l-għan aħħari tal-kontrolli tal-pjanti tar-rotta bħala dokument ta’ akkumpanjament huwa dak li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/628. Konsegwentement, huwa meħtieġ li jiġu kkontrollati mhux biss l-eżistenza ta’ pjanta tar-rotta jew l-informazzjoni li tinsab fiha, iżda anki l-legalità tat-trasport fil-konfront tal-leġiżlazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali.

55

Il-Kummissjoni tenfasizza li din it-teżi hija b’mod partikolari kkonfermata mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/628, li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu adottati fil-każ fejn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-ħtiġijiet tad-direttiva msemmija jkun ikkonstatat waqt it-trasport tal-annimali. B’hekk, skont il-Kummissjoni, huwa ċar li s-sempliċi verifika tal-informazzjoni mniżżla fuq il-pjanti tar-rotta ma tikkostitwixxix kontroll konformi mal-ħtiġijiet tad-Direttiva 91/628.

56

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Ellenika dwar is-sistema introdotta permezz taċ-ċirkolari tal-2003, il-Kummissjoni tqis li dan huwa kontradett minn numru kbir ta’ konstatazzjonijiet fuq il-post magħmula mill-ispetturi tal-UAV, li minnhom jirriżulta li l-verifiki ma sarux b’mod sodisfaċenti.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Dan l-ilment jinqasam fi tliet partijiet.

58

Fir-rigward ta’ dik il-parti mill-ilment li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 5A(2)(b) tad-Direttiva 91/628, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li t-trasportaturi jfasslu pjanta tar-rotta, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kummissjoni ppreżentat xi provi li juru li t-trasportaturi ma kinux fasslu pjanta tar-rotta hekk kif inhuma obbligati li jgħamlu skont l-Artikolu 5A(2)(b) tad-Direttiva 91/628.

59

Peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, bil-provi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq dan il-punt, din il-parti ta’ dan l-ilment għandha tiġi miċħuda.

60

Fir-rigward ta’ dik il-parti mill-ilment li tirrigwarda l-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, għandu jitfakkar, min-naħa waħda, li mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-pjanti tar-rotta tat-trasportaturi jkun fihom id-dettalji kollha msemmija fil-Kapitolu VIII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 u li dawn id-dettalji jkunu korretti u xierqa. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat li mill-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet dwar il-mezzi ta’ trasport u l-annimali li jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom, kif ukoll li jivverifikaw id-dettalji mniżżla fuq id-dokumenti li jintbagħtu magħhom.

61

Issa, f’dan il-każ, il-provi mressqa mill-Kummissjoni juru, b’mod partikolari, li d-dokumenti li jintbagħtu mal-annimali waqt it-trasport ġewwa t-territorju tar-Repubblika Ellenika ma fihomx il-ħin tat-tluq u li l-ispetturi tal-UAV identifikaw xi irregolaritajiet f’dokumenti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu diġà kkontrollaw. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li xi kopji ta’ ċertifikati tas-saħħa u ta’ pjanti tar-rotta li ntbgħatu ma’ annimali li joriġinaw minn Spanja, minn Franza u mill-Olanda, destinati għall-qatla fir-Repubblika Ellenika, kienu illoġiċi, u li xi informazzjoni importanti kienet nieqsa. Barra minn hekk, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-UAV, it-tul tal-vjaġġi ddikjarati mill-parti l-kbira tal-pjanti tar-rotta kienu illoġiċi u improbabbli. Bħala eżempju, il-Kummissjoni semmiet il-każ ta’ pjanta tar-rotta li fuqha l-mistrieħ intermedjarju, bejn post li jinsab fin-nofsinhar tal-Italja u l-post ta’ destinazzjoni fir-Repubblika Ellenika, ma kienx indikat.

62

Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport tal-missjoni Nru 8042/2006 li, fid-dipartiment ta’ Kilkis, l-awtorità kompetenti nazzjonali indikat li ma wetqet l-ebda kontroll tal-pjanti tar-rotta, u li fid-dipartiment ta’ Thesprotia, l-awtoritajiet kompetenti lokali żammew xi pjanti tar-rotta oriġinali minflok ma rritornawhom lit-trasportaturi li kellhom jagħtuwhom lura lill-awtorità kompetenti tal-post tal-oriġini. Barra minn hekk, f’Patras, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kkontrollaw il-pjanti tar-rotta sal-port biss, u mhux ukoll għall-vjaġġ li kien fadal sad-destinazzjoni finali, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma skoprewx li t-tul tal-vjaġġ bil-baħar, matul diversi trasporti lejn il-gżejjer ta’ Lesvos u ta’ Chios, kienu itwal mit-tul ta’ żmien awtorizzat.

63

Mill-preċiżazzjonijiet kollha mressqa mill-Kummissjoni jirriżulta li minkejja l-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-pjanti tar-rotta wara ċ-ċirkolari tal-2003, xi kontrolli ma kinux saru fil-prefetturi kollha. B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti ma setgħux jipproċedu għall-ispezzjonijiet obbligatorji tal-mezzi ta’ trasport stabbiliti fil-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, tad-Direttiva 91/628. Barra minn hekk, meta kienu saru xi kontrolli, minn dawn l-istess preċiżazzjonijiet jirriżulta li, diversi drabi, xi irregolaritajiet sostanzjali fir-rigward tal-pjanti tar-rotta mhux dejjem kienu identifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

64

B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-ilmenti tagħha dwar l-2003 u l-2006 juru b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.

65

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra stabbilixxew pjanti tar-rotta, l-awtoritajiet kompetenti Elleniċi jistgħu biss jikkontrollaw l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pjanti, u mhux l-informazzjoni li hemm indikata fihom.

66

Fil-fatt, hekk kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, il-kontroll tal-pjanti tar-rotta huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ħtiġijiet stabbiliti mid-Direttiva 91/628. Għalhekk, il-kontroll ma jistax ikun limitat għall-verifika tal-eżistenza tal-pjanta tar-rotta jew għall-verifika tal-informazzjoni li tinsab fiha, iżda għandu jinkludi wkoll l-eżami tal-konformità tat-trasport tal-annimali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi kontroll tal-informazzjoni msemmija fil-pjanti tar-rotta mhuwiex biżżejjed għall-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva 91/628.

68

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-parti tal-ilment ibbażata fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u tal-punti (b) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 hija fondata.

69

Fir-rigward tal-parti tal-ilment ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/628, li jimponi li l-Istati Membri jadottaw kull miżura meqjusa bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat il-benesseri tal-annimali f’każ ta’ xi irregolarità, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova li turi li l-awtoritajiet kompetenti ma aġixxewx b’mod xieraq f’konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ma kinux ġew osservati.

70

Għaldaqstant, din il-parti tal-ilment ma tistax tiġi milqugħa.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628

— L-argumenti tal-partijiet

71

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma pprovdietx, fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport Ġriegi jew fil-viċinanza tagħhom, installazzjonijiet li jippermettu li l-annimali jistrieħu għal 12-il siegħa wara li jinħattu mill-vapuri, meta t-tul tat-trasport ikun jeċċedi d-29 siegħa.

72

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-port ta’ Igoumenitsa, kien ġie kkonstatat li kienu jeżistu xi installazzjonijiet, iżda li dawn ma setgħux jintużaw minħabba nuqqas ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

73

Qabel kollox, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda każ konkret ta’ qbiż tad-29 siegħa ta’ trasport. Sussegwentement, hija tosserva li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma jimponix lill-Istati Membri sabiex jipprevedu installazzjonijiet jew punti ta’ waqfien xierqa fejn ikun possibbli serħan ta’ 12-il siegħa tal-annimali, peress li dan l-obbligu jinsab biss fuq it-trasportaturi. Finalment, dan l-Istat Membru jqis li, f’kull każ, m’hemm l-ebda obbligu li jiġu previsti tali installazzjonijiet, peress li l-ebda trasport marittimu bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma għandu tul li jeċċedi d-29 siegħa. F’dan ir-rigward, dan isemmi li t-tul tal-vjaġġ bejn Bari (l-Italja) u Igoumenitsa, li huwa l-port prinċipali għall-bastimenti tat-trasport Grieg, ma jeċċedix 10 jew 11-il siegħa, u li t-tul tal-vjaġġ bejn Bari u Patras ma jeċċedix 15-il siegħa.

74

Madankollu, il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha. Min-naħa waħda, hija tosserva li mill-kliem tal-imsemmi punt 48(7)(b) jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu installazzjonijiet għall-annimali. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-każ imsemmi mir-Repubblika Ellenika, li jgħid li l-ebda vjaġġ bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma jdum iktar minn 29 siegħa, ma jikkorrispondix mar-realtà.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

Għandu jitfakkar li abbażi tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn tal-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Interboves, C-277/06, Ġabra p. I-7433), punt 27).

76

Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tipprovdix espressament li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fil-portijiet installazzjonijiet ta’ mistrieħ għall-annimali, tali obbligu huwa intrinsiku għall-ħtieġa li l-annimali jistrieħu matul 12-il siegħa wara li dawn jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza tiegħu. Fil-fatt, huwa impossibbli li t-trasportaturi josservaw mistreħ ta’ 12-il siegħa jekk l-Istati Membri ma jiżgurawx li jkunu disponibbli installazzjonijiet għal dan il-għan.

77

B’hekk, għandu jiġi rilevat li r-Repubblika Ellenika kellha l-obbligu li tipprovdi tali installazzjonijiet fil-portijiet Griegi jew fil-viċinanza tagħhom.

78

Issa, f’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma kienx hemm installazzjonijiet ta’ mistrieħ għall-annimali fil-maġġorparti tal-portijiet Griegi.

79

Għaldaqstant, għandu jitqies li, billi ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex tipprovdi, fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom, installazzjonijiet li jippermettu l-mistrieħ tal-annimali wara li jinħattu minn fuq il-vapuri, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628.

80

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument invokat mir-Repubblika Ellenika li jgħid li ma kien hemm l-ebda obbligu li jiġu pprovduti tali installazzjonijiet, peress li l-ebda vjaġġ bil-baħar bejn port għall-bastimenti tat-trasport Grieg u port għall-bastimenti tat-trasport ta’ Stat Membru ieħor ma jdum iktar minn 29 siegħa.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Interboves, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-regola magħrufa bħala tal-“14+1+14” stipulata fil-punt 48(4)(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, għandha tinftiehem fis-sens li tawtorizza perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa. B’hekk, huwa dan it-tul ta’ 28 siegħa li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

82

Anki meta t-tul tal-vjaġġ bejn Bari u l-port prinċipali għall-bastimenti ta’ trasport Grieg ma jkunx jeċċedi l-10 jew 11-il siegħa, mhuwiex eskluż li xi annimali jistgħu jiġu ttrasportati bi provenjenza minn portijiet Komunitarji oħra, liema ħaġa timplika tul tal-vjaġġ bil-baħar itwal. Barra minn hekk, hekk kif sewwa rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 97 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa possibbli li, f’każijiet partikolari previsti mid-Direttiva 91/628, il-mistrieħ tal-annimali jiġi impost anki jekk il-vjaġġ bil-baħar ikun iqsar minn 28 siegħa.

83

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jitqies bħala fondat.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628

— L-argumenti tal-partijiet

84

Il-Kummissjoni tosserva li mir-rapporti tal-missjonijiet Nri 9211/2003, 7273/2004 u 8042/2006 jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri sabiex l-ispezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali jsiru b’mod suffiċjenti fil-Greċja sabiex jiġi pprevenut it-trasport illegali bit-triq tal-annimali.

85

B’mod partikolari, hija tenfasizza li ċerti prefetturi Griegi, fosthom dawk ta’ Achaïe, ta’ Kilkis u ta’ Serres ma jipprovdux li jsiru tali spezzjonijiet, jew għaliex huma neqsin mill-persunal, jew għaliex il-kontrolli jkunu diġà saru fil-portijiet Griegi. Barra minn hekk, mir-rapport tal-missjoni Nru 9211/2003 jirriżulta li, fid-dipartimenti Griegi, l-ispezzjoni ssir biss fil-portijiet jew fil-postijiet tal-fruntiera, u fl-ebda mument ieħor tal-vjaġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-programm pilota li jipprevedi iktar ispezzjonijiet, diġà invokat mir-Repubblika Ellenika fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, ma jinkludix fih lil ċerti prefetturi, fosthom dik ta’ Thessalia, filwaqt li xi nuqqasijiet f’dan il-proġett kienu ġew ikkonstatati waqt il-missjoni Nru 9211/2003.

86

Ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex ikun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jiġi pprovat in-nuqqas totali ta’ kontrolli fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.

87

F’kull każ, dan l-Istat Membru jqis li l-applikazzjoni ta’ programm pilota li jipprevedi spezzjonijiet imwettqa minn gruppi mħallta f’ċerti dipartimenti kif ukoll l-impożizzjoni ta’ penali fuq it-trasportaturi u l-introduzzjoni ta’ diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ ċerti Stati Membri huma kollha ħjiel li juru li l-awtoritajiet Elleniċi jwettqu l-kontrolli meħtieġa mill-leġiżlazzjoni Komunitarja.

88

Il-Kummissjoni tirrispondi li, sabiex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, l-ispezzjoni tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali għandha tkun xierqa, suffiċjenti u effettiva. Skont il-Kummissjoni, il-kontrolli tal-pjanti tar-rotta li wettqu l-awtoritajiet Elleniċi ma kinux effettivi u xierqa sabiex jipprevjenu t-trasport illegali bit-triq tal-annimali.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Għandu jitfakkar li skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkontrollow l-osservanza tal-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva billi jwettqu, b’mod mhux diskriminatorju, spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali matul il-vjaġġ bit-triq. It-tieni paragrafu tad-dispożizzjoni msemmija jippreċiża li dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru fuq kampjun xieraq ta’ annimali li jiġu ttrasportati ġewwa kull Stat Membru kull sena.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-provi mressqa mill-Kummissjoni, fir-rigward tas-snin 2003 sal-2006, jirriżulta li, min-naħa waħda, diversi prefetturi ma jipprevedux li jiġu spezzjonati l-mezzi ta’ trasport u li, min-naħa l-oħra, meta saru tali spezzjonijiet, dawn saru biss fil-portijiet u fil-fruntieri, u mhux fit-toroq kif jimponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.

91

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, peress li ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li jsiru spezzjonijiet tal-mezzi tat-trasport u tal-annimali matul it-trasport bit-triq, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628.

92

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li l-applikazzjoni ta’ programm pilota li jipprevedi spezzjonijiet minn gruppi mħallta f’ċerti dipartimenti kif ukoll l-impożizzjoni ta’ penalitajiet lit-trasportaturi u l-introduzzjoni ta’ diversi proċeduri ta’ assistenza reċiproka ma’ ċerti Stati Membri juru li l-awtoritajiet Elleniċi jwettqu l-kontrolli meħtieġa mill-leġiżlazzjoni Komunitarja.

93

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza stess ta’ tali programm ma ppermettietx li jiġi żgurat it-twettiq tal-kontrolli neċessarji.

94

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 huwa fondat.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628

— L-argumenti tal-partijiet

95

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika, abbażi tal-missjonijiet Nri 9002/2003 u 9211/2003, ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex jiġu imposti penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur ripetut jew gravi tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tagħhom.

96

Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda fatt konkret sabiex issostni l-ilmenti tagħha. B’mod kuntrarju, hija ssostni li l-awtoritajiet kompetenti jimponu penalitajiet effettivi, proporzjonati u disważivi, hekk kif tipprova l-lista tad-deċiżjonijiet li jimponu multi amministrattivi msemmija fil-punt 18 tan-nota tad-difiża tagħha.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

Għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 jorbot lill-Istati Membri sabiex f’każ ta’ ksur ripetut tad-direttiva msemmija, jew ta’ ksur li jinvolvi tbatija żejda għall-annimali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet ikkonstatati.

98

Il-Kummissjoni tipprova turi l-ineffettività tas-sistema implementata mir-Repubblika Ellenika billi tirrileva li l-kontrolli bażiċi huma dgħajfa, li n-numru ta’ twissijiet bil-miktub huwa żgħir wisq u li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-penalitajiet huma problematiċi. Ir-rapport tal-missjoni tal-UAV Nru 9211/2003 jirrileva b’mod partikolari li matul l-2002, ġew mogħtija disa’ twissijiet orali, sittax-il twissija bil-miktub u multa amministrattiva, għal total ta’ 26 ksur. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda sospensjoni jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasport matul is-snin 2001 u 2002. L-imsemmi rapport jenfasizza wkoll li kienu ġew proposti erba’ multi f’ammont ta’ EUR 3000 bħala penali għal ksur imwettaq f’dipartiment, iżda li dawn ma kinux ġew imposti.

99

Madankollu, hekk kif irrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjonijiet imsemmija f’dawn ir-rapporti, apparti l-karattru mhux preċiż u ġenerali tagħhom, mhumiex tali li jipprovaw li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628.

100

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova dwar ir-repetizzjoni tal-ksur u lanqas dwar il-gravità tat-tbatija sofferta mill-annimali waqt dan il-ksur. Issa, fin-nuqqas ta’ tali provi, nuqqas ta’ twettiq tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 ma jistax jiġi kkonstatat.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119

— L-argumenti tal-partijiet

102

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri xierqa sabiex tassigura l-osservanza tar-regoli ta’ sturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom.

103

Il-Kummissjoni tindika li waqt il-missjonijiet Nri 9002/2003 u 7273/2004, l-UAV ikkonstatat li, f’ċerti biċċeriji li ġew miżjura, is-sorveljanza tal-isturdament tal-ħnieżer u tal-ovini ma kinitx suffiċjenti, u li konsegwentement, kien possibbli li l-annimali kollha ma kinux storduti b’mod effettiv, bi ksur tad-Direttiva 93/119. Ġie kkonstatat ukoll li bi ksur tal-Anness D(1) tal-istess Direttiva, l-intervalli bejn l-isturdament u l-iskarnar kienu twal ħafna, b’tali mod li l-annimali setgħu jerġgħu jiġu f’sensihom waqt li jiġi pprattikat l-iskarnar.

104

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-missjoni Nru 8042/2006, l-UAV għal darb’oħra rrileva nuqqasijiet fir-rigward tal-isturdament tal-annimali. B’mod partikolari, l-ispetturi tal-UAV ikkonstataw in-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-apparat ta’ sturdament, it-tħaddim ħażin tal-apparati ta’ sturdament, in-nuqqas ta’ assistenza xierqa, u intervalli eċċessivi bejn l-isturdament u l-iskarnar.

105

Ir-Repubblika Ellenika għal darb’oħra tqis li l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq sempliċi dubji u fuq probabbilitajiet mingħajr ma ssemmi każijiet konkreti.

106

Dan l-Istat Membru jsostni li, f’kull każ, il-lakuni kkonstatati huma minimi u jirrigwardaw każijiet iżolati li għalihom ġew imposti penalitajiet. Barra minn hekk, dan josserva li l-eżistenza ta’ taħriġ kontinwu u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni intiża b’mod partikolari għall-veterinarji tippermetti li dawn il-lakuni jiġu solvuti.

107

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tirrimarka li kuntrarjament għal dak li jidher li tikkunsidra r-Repubblika Ellenika, il-punt mhuwiex jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata li l-annimali kienu totalment storduti fil-biċċeriji li ġew ikkontrollati. Madankollu, il-kwistjoni hija jekk l-apparat neċessarju għall-isturdament u l-qtil huwiex użat b’mod rapidu u effettiv sabiex eventwalment tiġi evitata t-tbatija tal-annimali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/119.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

Għandu jitfakkar li l-Artikoli 3, 5(1)(d), u 6(1) tad-Direttiva 93/119 huma intiżi sabiex inaqqsu l-eċitament, l-uġiegħ u t-tbatija sofferta mill-annimali intiżi għall-użu mill-bniedem. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha jimponi li għandha tiġi evitata t-tbatija evitabbli tal-annimali qabel u matul il-qtil tagħhom. Id-Direttiva 93/119 tipprovdi wkoll, rispettivament fl-Artikoli 5(1)(d), u 6(1) tagħha, li l-annimali għandhom jiġu skarnati b’mod rapidu u effettiv, u li l-installazzjonijiet użati għall-isturdament kif ukoll għall-qtil tagħhom għandhom ikunu miżmuma fi stat ta’ funzjonament tajjeb u għandhom jintużaw b’mod effettiv.

109

Issa, f’dan il-każ, il-provi mressqa mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 153 sa 155 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, juru b’mod partikolari li għalkemm fit-tliet biċċeriji li kienu s-suġġett ta’ żjara mill-ispetturi tal-UAV waqt il-missjoni Nru 9002/2003, l-apparat intiż għall-isturdament tal-annimali u ż-żamma ta’ dan l-apparat kienu, essenzjalment, konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, ġie kkonstatat li f’waħda minn dawn il-biċċeriji, il-ħnieżer ma kinux qed jiġu storduti b’mod effettiv bl-apparat li jagħti x-xokkijiet. Instabu wkoll problemi oħra waqt l-isturdament tal-annimali. F’waħda mill-biċċeriji, l-immobbilizzazzjoni, l-isturdament u l-iskarnar ta’ tliet baqriet biss dam siegħa. Barra minn hekk, l-intervall bejn l-isturdament u t-tbiċċir ta’ żewġ bovini kien ta’ 120 sekonda, liema ħaġa tippermetti li l-annimal jerġa’ jiġi f’sensih. Bl-istess mod, waqt il-qtil tal-annimali ovini, l-intervall bejn l-isturdament u l-qtil tant kien twil (37 sekonda) li huwa possibbli li l-annimali reġgħu ġew f’sensihom.

110

Barra minn hekk, mir-rapport tal-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li f’biċċerija fid-dipartiment ta’ Fthiotida, kien nieqes l-apparat biex l-annimali jingħataw jixorbu fiż-żoni temporanji fejn jinżammu, kif ukoll l-art ma kinitx orizzontali. F’biċċerija oħra li ġiet spezzjonata, ma kienx hemm kurrent għall-isturdament tal-annimali bl-elettriku. Fid-dipartiment ta’ Trikala, l-isturdament tal-ħnieżer fil-biċċerija li kienet is-suġġett taż-żjara min-naħa tal-ispetturi tal-UAV ma kienx effettiv, u l-intervall bejn l-isturdament u l-qtil kien twil wisq. Ġie kkonstatat ukoll li l-isturdament tal-bovini ma kienx effettiv u li t-tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament ma kienx ipprovdut.

111

B’hekk, mill-preċiżazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li diversi irregolaritajiet ġew ikkonstatati f’biċċeriji li jinsabu f’diversi dipartimenti tar-Repubblika Ellenika. Qabel kollox, dawn l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-proċedura ta’ sturdament tal-annimali, u wara, l-obbligu li dawn jiġu skarnati b’mod rapidu u effettiv, u fl-aħħar, l-obbligu ta’ manutenzjoni tajba u ta’ użu effettiv tal-installazzjonijiet intiżi għall-isturdament u għall-qtil.

112

B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-provi mressqa mill-Kummissjoni, li jirrigwardaw is-snin mill-2003 sal-2006, juru, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119.

113

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika li jgħid li l-Kummissjoni ma semmiet l-ebda każ konkret ta’ annimali li fil-konfront tagħhom kien hemm ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, u lanqas minn dak li jgħid li dan l-Istat Membru irrimedja għall-irregolaritajiet invokati mill-Kummissjoni bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji.

114

Fil-fatt, għandu jiġi rilevat, hekk kif osservat il-Kummissjoni, li l-kwistjoni mhijiex jekk din l-istituzzjoni setgħetx tikkonstata li l-annimali kinux ġew totalment sturduti fil-biċċeriji li ġew ikkontrollati u jekk hija setgħetx issemmi xi każijiet konkreti li juru li dawn ma kinux ġew sturduti. Xogħol il-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-apparat neċessarju għall-isturdament u l-qtil jintużax b’mod rapidu u effettiv sabiex tiġi limitata t-tbatija tal-annimali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/119. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ taħriġ għall-veterinarji tikkostitwixxi miżura pożittiva, xorta jibqa’ l-fatt li din ma tistax tiggarantixxi, waħedha, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom.

115

B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 3, 5(1)(d) u 6(1) tad-Direttiva 93/119 għandu jitqies bħala fondat.

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119

— L-argumenti tal-partijiet

116

Il-Kummissjoni ssostni, abbażi tal-missjonijiet li matulhom ġew ikkonstatati irregolaritajiet kbar fil-biċċeriji, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq.

117

B’mod partikolari, hija tilmenta li dan l-Istat Membru ma implementax b’mod sħiħ il-pjan ta’ azzjoni li kien ħabbar. Il-pjan imsemmi kien jipprevedi spezzjoni ġdida qabel tmiem l-2001 tal-biċċeriji kollha li jinsabu fil-prefetturi Griegi. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-awtoritajiet Griegi ma kkooperawx b’mod suffiċjenti mal-ispetturi tal-UAV peress li ċerti biċċeriji, li kellhom jiġu spezzjonati, kienu inaċċessibbli minħabba strajkijiet imħabbra ġurnata biss qabel il-missjoni.

118

Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Ellenika tosserva li huwa diffiċli għaliha li tiddetermina b’eżattezza n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat fil-konfront tagħha.

119

F’kull każ, dan l-Istat Membru jqis li ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tiegħu nuqqas ta’ twettiq tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, peress li l-kontrolli xierqa jsiru mill-veterinarji kompetenti, peress li jiġu organizzati laqgħat ta’ taħriġ, u peress li l-biċċeriji kollha huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-ġdid.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120

B’mod konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119, l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti li b’mod permanenti għandha aċċess ħieles għall-partijiet kollha tal-biċċeriji sabiex tkun tista’ tassigura ruħha mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

121

Għandu jiġi rilevat li, għalkemm ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-awtoritajiet kompetenti wettqu l-kontrolli meħtieġa, dan l-istess Stat ma jikkontestax li l-pjan ta’ azzjoni, li jipprevedi spezzjoni ġdida tal-biċċeriji Griegi kollha qabel tmiem l-2001, ma kienx ġie implementat kompletament sad-data prevista. L-Istat Membru msemmi lanqas ma jikkontesta l-fatt li d-diversi termini mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu l-ispezzjonijiet u jippreżentaw ir-riżultati tal-imsemmija spezzjonijiet, ġew imġedda kemm-il darba, u li fl-aħħar it-terminu ġie ffissat għat-30 ta’ Lulju 2005. Barra minn hekk, mill-missjoni Nru 7273/2004 jirriżulta li l-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel indika li l-awtoritajiet kompetenti kienu wettqu l-ispezzjoni tal-biċċeriji fi 38 biss mill-54 dipartiment.

122

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll ikunu assigurati b’mod xieraq fil-biċċeriji, hekk kif kellha l-obbligu li tgħamel skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119.

123

Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/119 huwa fondat.

124

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji:

sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta;

sabiex tipprovdi installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom fejn l-annimali jistgħu jistrieħu wara li jinħattu minn fuq il-vapuri;

sabiex effettivament isiru spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali;

sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-isturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom, u

sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq,

ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/628 u l-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess direttiva, kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva 93/119.

Fuq l-ispejjeż

125

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu (3) tal-istess Artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, partikolarment jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

126

Fil-każ preżenti, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi ordnata tbati ż-żewġ terzi tal-ispejjeż, u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati terz minnhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri neċessarji:

sabiex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli obbligatorji tal-pjanti tar-rotta;

sabiex tipprovdi installazzjonijiet fil-portijiet għall-bastimenti tat-trasport jew fil-viċinanza tagħhom fejn l-annimali jistgħu jistrieħu wara li jinħattu minn fuq il-vapuri;

sabiex effettivament isiru spezzjonijiet tal-mezzi ta’ trasport u tal-annimali;

sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-isturdament tal-annimali fil-mument tal-qtil tagħhom, u

sabiex l-ispezzjoni u l-kontroll tal-biċċeriji jsiru b’mod xieraq,

ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5A(2)(d)(i) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, u skont il-punt 48(7)(b) tal-Kapitolu VII tal-Anness tal-istess Direttiva, kif emendata bir-Regolament Nru 806/2003, kif ukoll skont l-Artikoli 3, 5(1)(d), 6(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil.

 

2)

Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati żewġ terzi mill-ispejjeż. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati terz mill-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.