SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2001/220/ĠAI — Drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali — Prosekuzzjoni privata li tissostitwixxi dik tal-prosekuzzjoni pubblika — Xhieda tal-vittma bħala xhud”

Fil-Kawża C-404/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċeduri kriminali mibdija minn

Győrgy Katz

vs

István Roland Sós,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għal G. Katz, minn L. Kiss, ügyvéd,

Għal I. Sós, minn L. Helmeczy, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Troosters u B. Simon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar il-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU L 82, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra I. Sós, li huwa akkużat bir-rea ta’ frodi fil-konfront ta’ G. Katz, li jaġixxi fil-kwalità ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3

Skont ir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni Qafas:

“L-Istati Membri għandhom iqarrbu l-liġijiet u r-regolamenti tagħom safejn ikun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw l-għola livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu.”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar:

“a)

‘vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru;

[…]”

5

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas jistipula:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tiegħu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’referenza partikolari għall-proċeduri kriminali.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi li jkunu partikolarment vulnerabbli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn trattament speċifiku li ‘l aktar ikun addattat għaċ-ċirkostanzi tagħhom’.”

6

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jistipula:

“Kull Stat Membru għandhu jissalvagwardja l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħhu matul il-proċeduri u li jkunu fornuti provi.

Kull Stat Membru għandhu jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li l-awtoritajiet tiegħu jsaqsu lill-vittma biss safejn ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċeduri kriminali.”

7

Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas:

“Kull Stat Membru għandu jieħu, fir-rigward tal-vittmi li jkollhom l-istatus ta’ xhieda jew partijiet mill-proċeduri, il-proċeduri neċessarji sabiex inaqqas safejn ikun possibli d-difikultajiet ta’ komunikazzjoni rigward il-fehma jew l-involviment tagħhom fil-passi relevanti tal-proċeduri kriminali inkwistjoni, safejn ikun meħtieġ sabiex ikun komparabbli ma’ miżuri ta dan it-tip li jieħu fir-rigward tal-konvenuti.”

8

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jikkonċedi l-possibbiltà li l-vittmi li jkunu rikonoxxuti bħala partijiet jew xhieda jkunu rimborsati l-ispejjeż li jkunu saru bħala riżultat tal-parteċipazzjoni leġittima tagħhom fil-proċeduri kriminali.”

9

Skont l-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Ungerija jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-atti msemmija fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 327, p. 19), ir-Repubblika tal-Ungerija għamlet dikjarazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(3)(a) UE.

10

Madankollu, skont id-deċiżjoni tal-Gvern Ungeriż (kormányhatározat) 2088/2003 (V. 15.), li tirrigwarda dikjarazzjoni dwar il-proċedura ta’ konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari, tal-15 ta’ Mejju 2003, “ir-Repubblika ta’ l-Ungerija tiddikjara, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 35(2) UE, li taċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont id-diċitura ta’ l-Artikolu 35(3)(b) UE”.

11

Jirriżulta mill-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet mir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tas-Slovenja dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti sentenzi preliminari dwar l-atti msemmija fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ippubblikata fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 70, p. 23), li r-Repubblika tal-Ungerija rtirat id-dikjarazzjoni preċedenti tagħha u “ddikjarat li hija taċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 35(2) u 35(3)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

L-Artikolu 28(7) tal-Liġi Nru XIX tal-1998, dwar il-proċeduri kriminali (Büntetőeljárásról szóló 1998 évi XIX. törvény), jipprovdi li:

“Fl-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti permezz ta’ din il-liġi, il-prosekuzzjoni għandha tiftaħ proċeduri u, barra l-każ ta’ prosekuzzjoni privata jew ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja, tressaq dawn il-proċeduri quddiem il-qorti, jew tiddeċiedi li tressaq il-kawża għall-arbitraġġ, li tissospendi l-proċeduri jew tirrinunċja parzjalment għalihom. Il-prosekuzzjoni tista’ tabbanduna jew timmodifika l-proċeduri. Il-prosekuzzjoni tista’ teżamina l-proċess fil-fażi ġudizzjarja. Il-prosekuzzjoni għandha s-setgħa li tagħmel suġġerimenti fir-rigward ta’ kull kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-proċedura li għandha tiġi deċiża mill-qorti.”

13

L-Artikolu 31(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Ma jistax jaġixxi bħala membru tal-prosekuzzjoni, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali:

[…]

b)

kull min jieħu jew ħa parti fil-proċedura bħala […] vittma, prosekuzzjoni privata, prosekuzzjoni privata sussidjarja, parte civile jew lanjant, jew bħala rappreżentant ta’ dan tal-aħħar u anki kull persuna li għandha preċedent,

c)

kull min jieħu jew ħa parti fil-proċedura bħala xhud, jew bħala espert jew speċjalista,

[…]”

14

L-Artikolu 51(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-vittma bħala persuna li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħha jkunu ġew imfixkla jew ippreġudikati permezz tal-reat kriminali. Bis-saħħa tal-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, il-vittma tista’:

“a)

sakemm din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, tkun preżenti fit-twettiq tal-atti proċedurali u teżamina d-dokumenti proċedurali li jikkonċernawha,

b)

tagħmel suġġerimenti u osservazzjonijiet fl-istadji kollha tal-proċedura,

c)

tirċievi minn naħa tal-qorti, tal-prosekuzzjoni u tal-awtorità investigattiva kull preċiżjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-proċeduri kriminali,

d)

tagħmel użu minn kull rimedju fil-każijiet previsti minn din il-liġi.”

15

Skont l-Artikolu 53(1) tal-Liġi tal-1998:

“Il-vittma tista’ tikkostitwixxi ruħha bħala prosekuzzjoni privata sussidjarja, fil-każijiet previsti minn din il-liġi, jekk:

a)

il-prosekuzzjoni jew l-awtorità investigattiva ċaħdet l-ilment jew iddeċidiet li ma tieħux azzjoni,

b)

il-prosekuzzjoni rrinunċjat parzjalment sabiex tibda l-proċeduri,

ċ)

il-prosekuzzjoni tkun abbandunat il-proċeduri,

d)

il-prosekuzzjoni ma tkunx ikkonstatat, wara l-investigazzjoni, l-eżistenza ta’ reat li jiġġustifika l-azzjoni pubblika u, għalhekk, ma tkunx bdiet proċeduri, jew, wara li tkun ġiet ordnata investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ prosekuzzjoni privata, tkun iddeċidiet li ma tibdix il-proċeduri hija stess,

e)

il-prosekuzzjoni abbandunat l-akkużi matul il-proċeduri, għax hija qieset li l-ksur ma jiġġustifikax l-azzjoni pubblika.”

16

L-Artikolu 236 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja għal din il-liġi, il-prosekuzzjoni privata sussidjarja għandha, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, il-poteri li għandha l-prosekuzzjoni, inkluż is-setgħa li tagħmel suġġerimenti intiżi sabiex jimponu miżuri ta’ infurzar li jimplikaw iċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-libertà tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni privata sussidjarja ma tistax titlob li l-akkużat titneħħielu l-kustodja parentali tiegħu.”

17

L-Artikolu 343(5) tal-istess liġi jipprovdi:

“Il-prosekuzzjoni privata sussidjarja ma tistax testendi l-kuntest tal-proċeduri.”

Il-kuntest fattwali u d-domanda preliminari

18

Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija quddiem il-Fővárosi Bíróság minn G. Katz bħala prosekuzzjoni privata sussidjarja kontra I. Sos, dan tal-aħħar huwa akkużat li wettaq atti ta’ frodi msemmija fl-Artikolu 318(1) tal-kodiċi kriminali Ungeriż (Büntető törvénykönyv) u li kkawża lil G. Katz dannu sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 6(a) ta’ dan l-Artikolu. Din il-kawża tressqet wara deċiżjoni li ma tittieħidx azzjoni fuq il-kwistjoni mill-prosekuzzjoni fil-kuntest tal-istess kawża.

19

Il-kawża pubblika mressqa mill-prosekuzzjoni privata sussidjarja tikkostitwixxi mod partikolari ta’ tmexxija’l quddiem tal-azzjoni pubblika prevista mir-regoli proċedurali kriminali Ungeriżi. Barra l-proċeduri mibdija fuq talba tal-prosekuzzjoni pubblika, id-dritt Ungeriż jippermetti lill-vittma ta’ ċerti delitti minuri tibda u ssostni l-proċeduri: dan fil-każ tal-“prosekuzzjoni privata” (“magánvád”). Il-“prosekuzzjoni privata sussidjarja” (“pótmagánvád”), li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija t-tielet mod ta’ azzjoni pubblika li tippermetti lill-vittma ta’ reat tintervjeni, b’mod partikolari meta l-prosekuzzjoni tabbanduna l-kawżi li hija tkun bdiet. Il-prosekuzzjoni privata u l-prosekuzzjoni privata sussidjarja m’għandhomx jiġu konfużi mal-kostituzzjoni parte civile.

20

It-talba ta’ G. Katz intiża sabiex huwa jkun jista’, bħala vittma, jiġi ċċitat u mismugħ bħala xhud fil-kuntest tal-prosekuzzjoni privata sussidjarja inkwistjoni ġiet miċħuda mill-Fővárosi Bíróság, li ddeċidiet fuq din l-offerta ta’ prova u għalqet id-dibattiti fuq dan il-punt.

21

Matul l-argumenti tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, G. Katz sostna li, billi rrifjutat li tisma’ l-vittma, li hija wkoll il-prosekuzzjoni, bħala xhud, il-qorti tar-rinviju kisret il-prinċipji ta’ smigħ xieraq u ta’ trattament ugwali msemmija fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Huwa sostna li, matul l-investigazzjoni, huwa kien diġà bata dannu minħabba li l-awtorità investigattiva ma osservatx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi l-fatti filwaqt li l-funzjoni legali tal-prosekuzzjoni privata sussidjarja tippermetti preċiżament li jingħata rimedju għal din is-sitwazzjoni sabiex, permezz tax-xhieda tal-vittma li tidher in personam, il-verità tkun tista’ tiġi stabbilita u din tal-aħħar tkun tista’ tikseb kumpens għad-dannu. Skont G. Katz, f’każ kuntrarju, il-vittma tiġi sfavoreġġjata meta mqabbla mal-persuna akkużata.

22

Matul seduta ulterjuri ta’ din il-qorti, miżmuma fis-6 ta’ Lulju 2007, din tal-aħħar reġgħet fetħet l-investigazzjoni. Din irrilevat li, għalkemm l-Artikolu 236 tal-Liġi tal-1998 joħloq eċċezzjoni mill-projbizzjoni li prosekuzzjoni privata sussidjarja taġixxi bħala membru tal-prosekuzzjoni, ebda dispożizzjoni tal-istess liġi ma tagħmel eċċezzjoni mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 31(1) tal-imsemmija liġi, li skontha xhud ma jistax jaġixxi bħala membru tal-prosekuzzjoni. Minn dan, il-Fővárosi Bíróság iddeduċa li prosekuzzjoni privata sussidjarja ma tistax tinstema’ bħala xhud fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħal dawn. Rigward il-proċedura ta’ prosekuzzjoni privata, il-liġi inkwistjoni tinkludi dispożizzjoni espressa li bis-saħħa tagħha l-prosekuzzjoni privata tista’ tinstema’ bħala xhud. Anki jekk il-proċeduri ta’ prosekuzzjoni privata u ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja huma bla dubju simili, ma jistax madankollu, fin-nuqqas ta’ kull riferiment minn waħda għall-oħra, issir applikazzjoni tal-istess regoli lil dawn iż-żewġ tipi distinti ta’ proċedura.

23

Il-Fővárosi Bíróság tikkonstata li l-leġiżlatur Ungeriż innifsu rrikonoxxa li l-funzjoni tal-prosekuzzjoni privata sussidjarja hija strument importanti li jippermetti li jpatti għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Mhemmx dubju wkoll li din il-funzjoni legali timplika li l-vittma għandha tingħata possibbiltà reali sabiex tikseb, permezz ta’ proċedura vinkolanti, deċiżjoni ġusta. Jista’ jkun diffiċli, tabilħaqq impossibbli, li jintlaħaq dan ir-riżultat jekk il-vittma li taġixxi bħala prosekuzzjoni privata sussidjarja ma jkollhiex il-possibbiltà li tinstema’ bħala xhud u jekk din tal-aħħar stess ma tkunx tista’, permezz tax-xhieda tagħha, tipprovdi provi, filwaqt li, normalment, tkun il-vittma li jkollha konjizzjoni tal-fatti li għandhom jiġu stabbiliti.

24

Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut ukoll li, billi tiddisponi minn kompetenzi attribwiti lill-prosekuzzjoni, il-prosekuzzjoni privata sussidjarja għandha drittijiet kunsiderevoli. Minħabba s-setgħa tagħha li tagħmel suġġerimenti, il-prosekuzzjoni għandha l-possibbiltà li tipprovdi l-provi. Bl-istess mod, hija għandha d-dritt li tressaq osservazzjonijiet.

25

Il-Fővárosi Bíróság tistaqsi dwar il-portata tal-kunċetti ta’ rwol “reali u xieraq” tal-vittmi u ta’ “possibbiltà” għal dawn “li jinstemgħu fil-proċedura kif ukoll li jipprovdu elementi ta’ provi”, previsti rispettivament fir-regoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas, u tistaqsi jekk għandhiex tinkludi l-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tisma’ bħala xhud il-vittma ta’ reat fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Bíróság fl-ewwel lok iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandha tiġi ggarantita lill-qorti nazzjonali l-possibbiltà li tisma’ bħala xhud il-vittma ta’ reat fil-kuntest ta’ proċedura fejn din tkun ikkostitwiet ruħha bħala prosekuzzjoni privata sussidjarja?”

Fuq l-ammissibbiltà

27

Kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Ungerija, permezz tad-Digriet 2088/2003 tal-15 ta’ Mejju 2003, tiddikjara li taċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 3(b) ta’ dan l-artikolu. Huwa stabbilit li din id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet ippreżentata b’mod konformi ma’ din id-dikjarazzjoni, b’mod li l-Fővárosi Bíróság taqa’ taħt il-qrati li jistgħu jirreferu domdanda lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 35 UE.

28

Il-Gvern Ungeriż iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija madankollu inammissibbli, sa fejn hija ipotetika. Il-Fővárosi Bíróság tiddikjara b’mod żbaljat li d-dritt Ungeriż ma jippermettix li l-prosekuzzjoni privata sussidjarja tinstema’ bħala xhud fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Insostenn tal-argumenti tiegħu, dan il-Gvern jinvoka b’mod partikolari l-Avviż Nru 4/2007 tat-taqsima kriminali tal-Legfelsöbb Bíróság (Qorti suprema) tal-14 ta’ Mejju 2007, li tiddikjara li “mhemmx ostakolu legali, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, sabiex il-vittma li qed taġixxi bħala prosekuzzjoni privata sussidjarja tinstema bħala xhud”. G. Katz jikkunsidra wkoll li mhemmx dubju li d-dritt Ungeriż jawtorizza l-prosekuzzjoni privata sussidjarja sabiex tinstema’ bħala xhud matul il-proċeduri kriminali.

29

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 46(b) UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 234 KE, huma applikabbli għal dawk tat-Titolu VI tat-Trattat UE, taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 35 UE. Jirriżulta minn dan li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Awwissu 2008, Santesteban Goicoechea, C-296/08 PPU, Ġabra p. I-6307, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata),

30

L-istess bħall-Artikolu 234 KE, l-Artikolu 35 UE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali “[t]ikkonsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista’ tagħti [sentenza]”, b’mod illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula skont l-Artikolu 234 KE, tista’, bħala prinċipju, tiġi trasposta għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 35 UE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I-5557, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’ipoteżijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE (sentenza Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 18 sa 25 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi l-fatti prinċipali li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll id-dispożizzjonijiet direttament rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli u hija tispeċifika r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-istess bħar-rabta bejn din tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam.

33

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ungeriż, ma jidhirx li, f’din il-kawża prinċipali, il-problema mressqa hija ta’ natura ipotetika, anki jekk biss sa fejn huwa stabbilit li l-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba ta’ G. Katz intiża sabiex jinstema’ bħala xhud fil-kuntest tal-proċedura ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li d-dritt Ungeriż ma jipprevedix espressament dan id-dritt f’sitwazzjoni bħal din.

34

Għall-bqija, m’għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju ta’ dawn tal-aħħar hijiex korretta (ara b’mod partikolari, rigward l-Artikolu 234 KE, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C-244/06, Ġabra p. I-505, punt 19).

35

Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

36

Min-naħa l-oħra, mhemmx lok li tiġi aċċettata t-talba ta’ G. Katz intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja testendi d-domanda magħmula b’tali mod li hija teżamina wkoll jekk id-Deċiżjoni Qafas timplikax li ċerti setgħat ta’ investigazzjoni rikonoxxuti lill-prosekuzzjoni permezz tad-dritt Ungeriż ikunu estiżi lill-prosekuzzjoni privata sussidjarja.

37

Fil-fatt, skont l-Artikolu 35 UE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja tappartjeni biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut (ara s-sentenza Santesteban Goicoechea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

38

Barra minn hekk, li tingħata risposta għad-domandi magħmula minn G. Katz hija inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 35 UE kif ukoll mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza Santesteban Goicoechea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

Fuq id-domanda preliminari

39

Huwa stabbilit li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ G. Katz hija vittma fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, dispożizzjoni li skontha l-vittma hija l-persuna fiżika li tkun sofriet dannu kkawżat direttament minn atti jew ommissjonijiet bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru.

40

Kif jirriżulta mill-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas, din tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-vittma kemm jekk taġixxi bħala xhud jew bħala parti fil-proċeduri.

41

Ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas mhija intiża sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni li fiha, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, il-vittma teżerċita, bħal fil-kawża prinċipali, il-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni minflok l-awtorità pubblika.

42

Jirriżulta mir-raba’ premessa tad-Deċiżjoni Qafas li jeħtieġ li l-vittmi ta’ reati kriminali jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni.

43

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom rwol reali u xieraq fis-sistema ġudizzjarja kriminali u huma għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

44

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistipula, f’termini ġenerali, li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu d-dritt ta’ smigħ matul il-proċeduri u t-tressiq ta’ provi mill-vittmi.

45

Għaldaqstant, għalkemm vittma li taġixxi fil-kwalità ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja tista’ titlob li tgawdi mill-istatus tal-vittmi kif previst permezz tad-Deċiżjoni Qafas, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 3(1) tagħha u ebda dispożizzjoni oħra tad-Deċiżjoni Qafas ma jagħmlu xi preċiżazzjonijiet fuq is-sistema tal-provi applikabbli għall-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

46

Għaldaqstant, ikollu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas, filwaqt li tobbliga l-Istati Membri, minn naħa, sabiex jiżguraw li l-vittmi jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni kif ukoll rwol reali u xieraq fis-sistema ġudizzjarja kriminali u, min-naħa l-oħra, sabiex jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi u sabiex jiżguraw ruħhom li l-vittmi jingħataw smigħ xieraq u li jkunu jistgħu jressqu l-provi tagħhom, tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet speċifiċi ta’ implementazzjoni ta’ dawn l-għanijiet.

47

Madankollu, taħt piena li tiġi eskluża parti kbira mill-effett utli tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas u bi ksur tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw, f’kull każ, li l-vittma tkun tista’ tagħti x-xhieda tagħha fi proċeduri kriminali u li din ix-xhieda tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova.

48

Għandu jingħad ukoll li d-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi interpretata b’tali mod illi jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, fosthom, b’mod partikolari, għandu jiġi indikat id-dritt għal smigħ xieraq, kif iddikjarat fl-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 59).

49

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura b’mod partikolari li l-amministrazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ikkunsidrati fl-intier tagħhom, ma tippreġudikax proċeduri ġusti skont l-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Steffensen, C-276/01, Ġabra p. I-3735, punt 76, u Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali mhijiex obbligata tawtorizza l-vittma ta’ reat sabiex tinstema’ bħala xhud fil-kuntest ta’ proċedura ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, il-vittma għandha titħalla tagħti xhieda li tista’ tiġi kkunsidrata bħala prova.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar il-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali mhijiex obbligata tawtorizza l-vittma ta’ reat sabiex tinstema’ bħala xhud fil-kuntest ta’ proċedura ta’ prosekuzzjoni privata sussidjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, fin-nuqqas ta’ tali possibbiltà, il-vittma għandha titħalla tagħti xhieda li tista’ tiġi kkunsidrata bħala prova.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.