SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
30 ta’ April 2009 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tal-kredenzjali ta’ Beniamino Donnici — Membru tal-Parlament Ewropew — Verifika tal-kredenzjali ta’ membru tal-Parlament — Ħatra ta’ Membru li tirriżulta mill-irtar ta’ kandidati — Artikoli 6 u 12 tal-Att tal-1976”
Fil-Kawżi magħquda C-393/07 u C-9/08,
li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE, ippreżentati rispettivament fl-1 ta’ Awwissu 2007 u fit-22 ta’ Ġunju 2007,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn I. M. Braguglia, sussegwentement minn R. Adam, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti fil-Kawża C-393/07,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika tal-Latvja,
intervenjenti,
Beniamino Donnici, residenti f’Castrolibero (l-Italja), irrappreżentat minn M. Sanino, G. M. Roberti, I. Perego, u P. Salvatore, avvocati,
rikorrent fil-Kawża C-9/08,
sostnut minn:
Ir-Repubblika Taljana,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück, N. Lorenz u L. Visaggio, bħala aġenti, assistiti minn E. Cannizzaro, professur, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
sostnut minn:
Achille Occhetto, residenti Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn P. De Caterini, u F. Paola, avvocati,
intervenjent,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Taljana u B. Donnici qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni 2007/2121 (REG) tal-Parlament Ewropew, tal-24 ta’ Mejju 2007, fuq il-verifika ta’ kredenzjali ta’ Beniamino Donnici, li tiddikjara l-mandat bħala membru tal-Parlament Ewropew ta’ dan tal-aħħar invalidu (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
L-Att tal-1976
2 |
L-Artikoli 1, 2, 6 sa 8, 12 u 13 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, KEEA, tal-20 ta’ Settembru 1976 (ĠU L 278, p. 1), kif emendat u nnumerat mill-ġdid bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, KEEA, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137, iktar ’il quddiem l-“Att tal-1976”), jipprovdu: “Artikolu 1 […] 3. L-elezzjonijiet għandhom ikunu b’vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti. Artikolu 2 Bi qbil mas-sitwazzjoni nazzjonali speċifika, kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi kostitwenti għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew jissuddividi iż-żona elettorali tiegħu f’maniera differenti, mingħajr ma ġeneralment jaffettwa n-natura proporzjonali tas-sistema tal-votazzjoni. […] Artikolu 6 1. Il-Membri għandhom jivvotaw fuq bażi individwali u personali. Huma m’għandhomx ikunu marbuta bi struzzjonijiet u m’għandhomx jirċievu mandat vinkolanti. [Traduzzjoni mhux uffiċjali ta’ dan l-artikolu] Artikolu 7 1. Il-kariga ta’ membru tal-Parlament Ewropew hija inkompatibbli ma’ dik ta’:
2. Mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004, l-uffiċċju ta' membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma dak ta' membru tal-Parlament nazzjonali. […] Artikolu 8 Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m’għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni. Artikolu 12 Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika l-kredenzjali tal-membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan huwa għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi kull kwistjoni li tista’ tinqala’ mid-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att barra dawk li jinqalgħu mid-disposizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi l-Att. [Traduzzjoni mhux uffiċjali ta’ dan l-artikolu] Artikolu 13 1. Siġġu li jispiċċa vojt meta l-mandat ta’ membru tal-Parlament Ewropew jispiċċa bħala riżultat ta’ riżenja, mewt jew tneħħija ta' dak il-mandatt. 2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Att, kull Stat Membru jista jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta’ kwalunkwe siġġu li jispiċċa vojt ma tul it-terminu ta’ ħames snin tal-offiċċju li hemm referenza għalih f’Artikolu 3 għall-kumplament ta’ dak il-perijodu. 3. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tgħamel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandatt ta’ membru tal-Parlament Ewropew, dak il-mandatt għandu jispiċċa permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lil-Parlament Ewropew b'dan. 4. Meta siġġu jsir vojt bħala riżultat ta’ riżenja jew mewt, il-President tal-Parlament Ewropew għandu immedjatament jinforma b’dan lil-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat.” |
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew
3 |
L-Artikoli 3 u 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern”) jipprovdu dan li ġej: “Artikolu 3 Verifika ta’ kredenzjali […] 3. Fuq il-bażi ta’ rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika mingħajr dewmien il-kredenzjali u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-Membri li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar xi kontestazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-[Att tal-1976], ħlief għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali. 4. Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-rizultati sħaħ ta’ l-elezzjoni min naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta’ xi sostituti flimkien ma’ l-ordni tagħhom skond ir-riżultat tal-votazzjoni. M’għandux ikun possibbli li tiġi kkonfermata l-validità tal-mandat ta’ xi Membru jekk ma jkunux saru d-dikjarazzjonijiet bil-miktub meħtieġa taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta’ dawn ir-regoli. Fuq il-bażi ta’ rapport tal-kumitat, il-Parlament jista’ f’kull ħin jieħu deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni tal-validità tal-mandat ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu. 5. Meta l-ħatra ta’ Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta’ kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għall-verifika tal-kredenzjali għandu jiżgura li dan l-irtirar ikun sar skond l-ispirtu u l-kelma ta’ l-[Att tal-1976] u ta’ l-Artikolu 4(3). […] Artikolu 4 Tul tal-mandat tal-Membri […] 3. Membru li jkun se jirriżenja għandu jgħarraf lill-President bir-riżenja tiegħu u bid-data li fiha r-riżenja tkun ser sseħħ, liema data m’għandhiex tkun aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika. Din in-notifika għandu jkollha forma ta’ dokument uffiċjali mħejji fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali jew tar-rappreżentant tiegħu, iffirmat minn dan ta’ l-aħħar u mill-Membru konċernat u ppreżentat minnufih lill-kumitat responsabbli li għandu jdaħħlu fl-aġenda ta’ l-ewwel laqgħa tiegħu li tiġi wara li jkun irċieva d-dokument. Jekk il-kumitat responsabbli jqis li r-riżenja ma tkunx skond l-ispirtu u l-kelma ta’ l-[Att tal-1976] huwa għandu jinforma b’dan lill-Parlament ħalli l-Parlament ikun jista’ jistabilixxi jekk il-post ikunx vakanti jew le. F’każ li jiġi meqjus vakanti, il-post jitqies vakanti sa mid-data li l-Membru li jkun qed jirriżenja jkun niżżel fid-dokument uffiċjali. M’għandux jittieħed vot fil-Parlament dwar dan. […] 9. Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-ħatra li qed tiġi kkunsidrata tkun invalida jew li jirrifjuta li jqis il-post vakanti jekk l-aċċettazzjoni jew it-tmiem tal-kariga jkunu jidhru li huma bbażati fuq ineżattezzi materjali jew fuq vizzju tal-kunsens.” |
L-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew
4 |
Taħt il-premessa 4 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, KEEA tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, p. 1, iktar ’il quddiem “l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew”), “[i]l-libertà u l-indipendenza tal-Membri, li huma mħarsa fl-Artikolu 2 u li m’humiex imsemmija fi kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi primarja, għandhom jirċievu protezzjoni statutorja. Il-Membri jintrabtu li jħallu l-kariga f’xi żmien stabbilit, jew li jiddikjaraw li biħsiebhom iħallu l-kariga f’data mhux speċifikata, miżuri li l-partiti politiċi jistgħu jużaw kif jidhrilhom, għandhom jitqiesu bħala inkompatibbli mal-libertà u l-indipendenza tal-Membri u għaldaqstant ma għandhomx ikollhom rabta legali.” |
5 |
Barra minn hekk, il-premessa 5 tal-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew tippreċiża li l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi statut jinkorpora fl-intier tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tal-Att tal-1976. |
6 |
Fl-aħħar nett, l-Artikoli 2 u 30 tal-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew jipprovdu: “Artikolu 2 1. Il-Membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti. 2. Ftehim dwar ir-riżenja mill-kariga ta’ Membru qabel jew mat-tmiem ta’ mandat parlamentari jkunu nulli u bla effett. Artikolu 30 Dan l-Istatut għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-mandat parlamentari tal-Parlament Ewropew li jibda fl-2009.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 |
Il-Liġi Nru 18 tal-24 ta’ Jannar 1979, dwar l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti Taljani fil-Parlament Ewropew (GURI Nru 29, tat-30 ta’ Jannar 1979, p. 947, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-24 ta’ Jannar 1979”), tirrigwarda l-elezzjoni tal-membri Taljani tal-Parlament. Hija tipprovdi li l-membri parlamentari jiġu eletti b’vot dirett universali, bil-vot tal-lista dirett, ħieles u sigriet. Is-siġġijiet jitqassmu bejn il-listi b’mod proporzjonali, skont il-metodi previsti minn din il-liġi, u n-numru ta’ siġġijiet huwa attribwit lid-diversi kostitwenzi, ħamsa b’kollox, fuq il-bażi tar-riżultati tal-aħħar ċensiment ġenerali tal-popolazzjoni. |
8 |
L-Artikolu 20 tal-Liġi tal-24 ta’ Jannar 1979 jipprovdi li l-uffiċċji elettorali tad-diversi kostitwenzi għandhom b’mod partikolari bħala kompitu li jistabbilixxu l-ordni tal-kandidati ta’ kull lista fuq il-bażi tar-riżultati individwali. Ir-riżultati għandhom jintbagħtu lill-Ufficio elettorale nazionale per il Parlamento europeo presso la Corte di cassazione (Uffiċċju elettorali nazzjonali għall-Parlament Ewropew fil-Corte di cassazione, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju elettorali Taljan”). Skont l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi, l-uffiċċju elettorali Taljan għandu l-kompitu li jistabbilixxi n-numru ta’ voti miġbura fuq livell nazzjonali minn kull lista, li jqassam is-siġġijiet bejn il-listi fuq il-bażi tan-numru ta’ voti għal kull lista u li jassenja s-siġġijiet attribwiti b’dan il-mod lil kull lista bejn il-kostitwenzi varji. Dan l-uffiċċju għandu jħejji rapport, skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi, li għandu jintbagħat lis-segretarjat tal-Parlament. |
9 |
Il-liġi tal-24 ta’ Jannar 1979 tinkludi, fost l-oħrajn, regoli dettaljati dwar is-sostituzzjoni fl-Artikolu 41 tagħha, li jipprovdu li l-kandidat elett f’diversi kostitwenzi għandu jiddikjara fl-uffiċċju elettorali Taljan il-kostitwenza li huwa jixtieq jagħżel. Għall-kostitwenza li ma tkunx intgħażlet, dan l-uffiċċju jiddikjara elett il-kandidat li jkun ħa l-ikbar ammont ta’ voti wara l-kandidat elett fl-ewwel lok. Barra minn hekk, siġġu li spiċċa vakanti waqt il-mandat jiġi assenjat mill-uffiċċju elettorali Taljan lill-kandidat tal-istess lista u kostitwenza li ħa l-ikbar ammont ta’ voti wara l-kandidat elett fl-ewwel lok. |
10 |
Skont l-Artikolu 46 ta’ din il-liġi, l-uffiċċju elettorali Taljan għandu jikkomunika lis-segretarjat tal-Parlament is-sostituzzjonijiet li seħħew fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-qorti u tas-sentenzi li ddeċidew b’mod irrevokabbli l-kawżi relatati, u jekk ikun il-każ jikkoreġi r-riżultat tal-elezzjonijiet u jissostitwixxi lill-kandidati eletti illegalment b’dawk li għandhom id-dritt li jkunu eletti, u jinforma b’dan lill-partijiet ikkonċernati u lis-segretarjat tal-Parlament. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kkontestata
11 |
Fl-elezzjoni tal-membri tal-Parlament li seħħet fit-12 u 13 ta’ Ġunju 2004, B. Donnici kien kandidat fil-lista komuni Società Civile — Di Pietro Occhetto. Din il-lista kisbet żewġ siġġijiet, l-ewwel wieħed fil-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja u t-tieni fil-kostitwenza tal-Majjistral tal-Italja. A. Di Pietro, li kien l-ewwel elett fiż-żewġ kostitwenzi, għażel il-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja. |
12 |
A. Occhetto ġie t-tieni fil-listi elettorali meta jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ voti miksuba fiż-żewġ kostitwenzi, u b’hekk għadda lil B. Donnici fil-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja u lil G. Chiesa f’dik tal-Majjistral tal-Italja. Peress li A. Di Pietro għażel is-siġġu tal-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja, A. Occhetto kellu jiġi ddikjarat elett fil-kostitwenza tal-Majjistral tal-Italja. Madankollu, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub tas-6 ta’ Lulju 2004 li waslet l-għada fl-uffiċċju elettorali Taljan, A. Occhetto, li dak iż-żmien kellu mandat għas-Senat Taljan, irrinunzja għall-elezzjoni għall-Parlament fiż-żewġ kostitwenzi. |
13 |
Wara din ir-rinunzja, l-uffiċċju elettorali Taljan iddikjara, fit-18 ta’ Lulju 2004, lil G. Chiesa bħala elett fil-kostitwenza tal-Majjistral tal-Italja kif ukoll li A. Di Pietro kien ġie elett f’dik tan-Nofsinhar tal-Italja, u fit-12 ta’ Novembru 2004, ikkomunika l-isem ta’ B. Donnici bħala l-ewwel fil-lista tas-sostituti ta’ A. Di Pietro għall-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja, peress li A. Occhetto, li kien irtira mill-elezzjoni, ma kienx jinsab f’din il-lista. |
14 |
Fl-elezzjonijiet leġiżlattivi tad-9 u tal-10 ta’ April 2006 fl-Italja, A. Di Pietro ġie elett bħala deputat għall-Parlament Taljan u għażel il-mandat nazzjonali tiegħu, b’effett mit-28 ta’ April 2006. Peress li din il-funzjoni kienet, skont l-Artikolu 7(2) tal-Att tal-1976, inkompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-Parlament, dan tal-aħħar ikkonstata li s-siġġu inkwistjoni kien vakanti. |
15 |
Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ April 2006, indirizzata lill-uffiċċju elettorali Taljan, A. Occhetto, li kien kandidat għall-istess elezzjonijiet nazzjonali iżda ma kienx ġie elett mill-ġdid, irrevoka r-rinunzja tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2004 u talab li jokkupa s-siġġu li sar vakanti wara l-għażla ta’ A. Di Pietro għall-Parlament nazzjonali. |
16 |
Wara din id-dikjarazzjoni, l-uffiċċju elettorali Taljan fit-8 ta’ Mejju 2006, iddikjara li A. Occhetto ġie elett bħala Membru tal-Parlament u f’din l-istess data kkomunika ismu lill-Parlament bħala s-sostitut ta’ A. Di Pietro. |
17 |
Permezz tas-sentenza tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2006, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio ċaħad bħala infondat ir-rikors għal annullament ippreżentat minn B. Donnici kontra din id-dikjarazzjoni. |
18 |
B. Donnici kkontesta wkoll id-dikjarazzjoni ta’ A. Occhetto bħala membru parlamentari Ewropew minflok A. Di Pietro quddiem il-Parlament. Din il-kontestazzjoni ġiet eżaminata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2006. Wara li kkonstata li, skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, din il-kontestazzjoni ma kinitx ammissibbli peress li hija kienet ibbażata fuq il-liġi elettorali Taljana, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ppropona, b’unanimità, li l-Parlament jivvalida l-mandat ta’ A. Occhetto. Fit-3 ta’ Lulju 2006, il-Parlament irratifika l-mandat ta’ A. Occhetto. |
19 |
Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2006, il-Consiglio di Stato laqa’ l-appell ta’ B. Donnici mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio u annulla d-dikjarazzjoni ta’ A. Occhetto bħala membru tal-Parlament, magħmula mill-uffiċċju elettorali Taljan fit-8 ta’ Mejju 2006. Il-Consiglio di Stato kkonstata, b’mod partikolari, li “r-rieda tal-poplu, […] qatt ma pprekludiet lil kandidat li jirrinunzja għall-elezzjoni” u li “n-natura obbligatorja tal-ordni [elettorali] tipprojbixxi […] lil dak li jirrinunzja li jerġa’ jiġi […] meta jixtieq fil-pożizzjoni li kellu fl-ordni”. |
20 |
Is-sentenza tal-Consiglio di Stato saret res judicata wara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2007 tal-Corte suprema di cassazione, li ddikjarat ir-rikors ta’ A. Occhetto inammissibbli minħabba difett proċedurali. Permezz ta’ rikors tad-19 ta’ April 2007, A. Occhetto ressaq ilment quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li, skont l-indikazzjonijiet tar-rappreżentant ta’ A. Occhetto fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009, kien għadu pendenti. |
21 |
Fid-29 ta’ Marzu 2007, l-uffiċċju elettorali Taljan ħa nota tas-sentenza tal-Consiglio di Stato u ddikjara li B. Donnici huwa elett bħala membru tal-Parlament għall-kostitwenza tan-Nofsinhar tal-Italja, u b’hekk irrevoka l-mandat ta’ A. Occhetto. Peress li din id-dikjarazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Parlament, dan tal-aħħar ħa nota tagħha fir-rapport tas-sessjoni plenarja tat-23 ta’ April 2007 li permezz tagħha B. Donnici kien jokkupa siġġu fil-Parlament, iżda biss b’mod provviżorju u suġġett għad-deċiżjoni ulterjuri tal-Parlament fuq il-verifika tal-kredenzjali tiegħu. |
22 |
Sadanittant, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2007, A. Occhetto qajjem oġġezzjoni u talab li l-Parlament jikkonferma l-mandat tiegħu kif ukoll ma jivvalidax dak ta’ B. Donnici. Wara din il-kontestazzjoni, il-Parlament issuġġetta l-mandat ta’ B. Donnici għall-eżami tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-imsemmi Parlament. |
23 |
Il-Parlament adotta, fl-24 ta’ Mejju 2007, id-Deċiżjoni kkontestata li tipprovdi: “Il-Parlament Ewropew,
[…]
[…]
|
Il-proċeduri quddiem il-qrati Komunitarju u t-talbiet tal-partijiet
24 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fit-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrat taħt in-numru T-215/07, B. Donnici talab l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata li kien ġie nnotifikat biha fid-29 ta’ Mejju 2007. Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Diċembru 2007, Donnici vs Il-Parlament (T-215/07, Ġabra p. II-5239), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-kompetenza tagħha fil-Kawża T-215/07 favur il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament. Dan ġie inkluż fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt in-numru C-9/08. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-21 ta’ Frar 2008, A. Occhetto tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u r-Repubblika tal-Latvja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ B. Donnici. |
25 |
B’att separat, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Awwissu 2007, il-Parlament qajjem eċċezzjoni taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex il-parir tas-servizz legali tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2007 prodott fl-Anness A. 11 tar-rikors ta’ B. Donnici jitneħħa mill-proċess. B’digriet tad-29 ta’ Jannar 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-Parlament u fuq it-talba ta’ B. Donnici ordnat, permezz ta’ miżura istruttorja, il-produzzjoni tal-imsemmi parir legali. |
26 |
B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2007, irreġistrat taħt in-numru C-393/07, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat ukoll rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata li kienet ġiet innotifikata lilha fit-28 ta’ Mejju 2007. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-1 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika tal-Latvja tħalliet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Ir-Repubblika tal-Latvja la pparteċipat għall-proċedura bil-miktub u lanqas għall-proċedura orali. |
27 |
B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tat-30 ta’ Jannar 2009, iż-żewġ rikorsi għal annullament ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. |
28 |
B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrat taħt in-numru T-215/07 R, B. Donnici talab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, li kien qed jissosstitwixxi l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, laqa’ din it-talba u ddeċieda, b’digriet tal-15 ta’ Novembru 2007 (Donnici vs Il-Parlament, T-215/07 R, Ġabra p. II-4673), li l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi sospiża. |
29 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2009, Occhetto u Il-Parlament vs Donnici u L-Italja (C-512/07 P(R) u C-15/08 P(R), Ġabra p. I-1), ġew miċħuda l-appelli għal miżuri provviżorji ta’ A. Occhetto u tal-Parlament mill-imsemmi digriet. |
30 |
Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll B. Donnici jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż. B. Donnici jitlob, b’mod inċidentali, taħt l-Artikolu 241 KE, li l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Intern jiġi ddikjarat illegali u, sussidjarjament, li jiġi ordnat jinkludi fil-proċess tal-proċeduri preżenti l-parir legali tat-2 ta’ Mejju 2007 tas-servizz legali tal-Parlament. Il-Parlament jitlob li r-rikorsi jiġi miċħuda u li r-Repubblika tal-Latvja kif ukoll B. Donnici jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
Fuq ir-rikorsi
31 |
Fil-Kawża C-393/07, ir-Repubblika tal-Latvja tressaq ħames motivi bbażati rispettivament fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikoli 6, 8, 12 u 13 tal-Att tal-1976 kif ukoll l-Artikolu 6 UE, l-Artikolu 2 tal-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew, l-Artikolu 199 KE kif ukoll l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 tar-Regolament intern, l-Artikolu 6 UE kif ukoll l-Artikoli 10 KE u 230 KE u, fl-aħħar nett, fuq il-fatt li din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. |
32 |
Fil-Kawża C-9/08, B. Donnici jressaq żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Intern, tal-prinċipju ta’ indipendenza, tal-projbizzjoni tal-mandat vinkolanti kif ukoll tar-res judicata u, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-ewwel motiv
L-argumenti tal-partijiet
33 |
Ir-Repubblika Taljana u B. Donnici essenzjament isostnu li l-Parlament kellu sempliċiment, skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-elezzjoni ta’ B. Donnici li saret mill-uffiċċju elettorali Taljan. L-Artikolu 12 ma jippermettix lill-Parlament jitbiegħed mill-imsemmija dikjarazzjoni minħabba l-allegata inkompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju. Bl-istess mod, il-Parlament jista’ jibbaża ruħu biss, fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar kontestazzjonijiet, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976 bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu. |
34 |
Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, huma jsostnu li dan japplika għall-membri parlamentari biss u mhux għall-kandidati mhux eletti, b’mod li dan l-artikolu ma jkoprix ir-rinunzja ta’ A. Occhetto espressa fis-6 ta’ Lulju 2004 meta huwa ma kienx membru tal-Parlament. Peress li l-imsemmi artikolu jirreferi biss, skont kliemu, għall-eżerċizzju tal-mandat parlamentari, l-avvenimenti tal-proċedura elettorali u l-imġiba tal-kandidati mhux eletti qabel il-ħatra tagħhom bħala membri parlamentari mhumiex koperti minnu. |
35 |
Min-naħa l-oħra, il-Parlament, sostnut minn A. Occhetto, jikkunsidra li, taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, huwa għandu jara li d-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali tosserva d-dritt Komunitarju b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti mill-Att tal-1976. Din l-interpretazzjoni tal-kompetenzi tagħha hija riflessa fl-Artikolu 3(4) u (5) u fl-Artikolu 4(3) u (9) tar-Regolament Intern tiegħu kif ukoll mill-prassi tiegħu f’dan il-qasam. Meta l-proċedura elettorali twassal għall-formazzjoni tal-Parlament, ikun evidenti li jeżisti livell leġiżlattiv Komunitarju li jistabbilixxi standard minimu xieraq sabiex tiġi evitata kull distorsjoni li tirriżulta mid-disparità bejn il-proċeduri nazzjonali, li għandu jiġi ggarantit mill-Parlament. Min-naħa l-oħra, jekk il-Parlament kellu jillimita ruħu, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għall-eżami tal-inkompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Att tal-1976, jitneħħa l-kontenut reali tal-kompetenza tiegħu. |
36 |
Il-Parlament, sostnut minn A. Occhetto, isostni li, fil-każ ta’ ksur flagranti tal-prinċipji fundamentali tal-Att tal-1976, bħall-mandat parlamentari ħieles stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dan l-att kif ukoll il-prinċipji ta’ vot dirett universali u proporzjonali skont l-Artikoli 1 u 2 tal-imsemmi att, huwa għandu d-dritt kif ukoll id-dmir li ma jagħtix segwitu għal dan il-ksur billi jieħu nota tar-riżultat tal-proċedura nazzjonali, inkella d-deċiżjoni tiegħu ta’ validazzjoni tkun illegali. Is-supremazija tad-dritt Komunitarju tobbliga lill-Parlament li ma japplikax in-nomina ta’ kandidat magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali li tkun fi ksur flagranti tad-dritt Komunitarju. |
37 |
L-Artikolu 6 tal-Att tal-1976 jipproteġi wkoll il-kandidat elett. Inkella, il-garanzija mogħtija minn dan l-artikolu ma tapplikax għal atti, bħal fil-każ preżenti r-rinunzja espressa minn A. Occhetto motivata minn ftehim elettorali, li jipprekludu t-twettiq tal-mandat mixtieq mill-eletturi. Din l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6 hija kkorroborata mill-Artikolu 2 tal-Istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. |
38 |
Barra minn hekk, il-Parlament isostni li l-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 6 għall-każ preżenti tirriżulta diġà mill-fatt li A. Occhetto kien membru tal-Parlament meta l-awtoritajiet nazzjonali nnotifikawh bis-sostituzzjoni tal-parti kkonċernata minn B. Donnici. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
39 |
L-ewwel motiv iqajjem il-kwistjoni tal-portata tas-setgħat li jiddisponi minnhom il-Parlament fil-verifika tal-mandati tal-membri tiegħu taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976. B’hekk, sabiex tiġi eżaminata l-validità tad-Deċiżjoni kkontestata, għandha essenzjalment tiġi eżaminata l-portata tas-setgħat li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Parlament. Issa, l-Artikolu 12 ta’ dan l-att jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, li d-deċiżjoni tal-Parlament hija bbażata fuq dispożizzjoni ta’ dan l-att li tista’ tinqala’ kwistjoni dwarha. Peress li l-Parlament jinvoka f’dan ir-rigward prinċipalment l-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, hemm lok li jiġi stabbilit, qabel kollox, jekk din id-dispożizzjoni hijiex, bħala prinċipju, applikabbli għall-każ preżenti. |
— Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976
40 |
L-Artikolu 6(1) tal-Att tal-1976 jipprovdi li l-membri tal-Parlament għandhom jivvotaw fuq bażi individwali u personali, u ma għandhom la jkunu marbuta bi struzzjonijiet u lanqas jirċievu mandat vinkolanti. |
41 |
Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-imsemmi artikolu, huwa jirreferi speċifikament għall-“Membri tal-Parlament” u jirrigwarda l-eżerċizzju tal-mandat parlamentari. Barra minn hekk, dan l-istess artikolu jirreferi għall-prerogattiva tal-vot tal-imsemmija membri, prerogattiva li, min-natura tagħha, ma tistax tiġi assoċjata mal-kwalità ta’ kandidat iddikjarat uffiċjalment fl-ordni tal-klassifikazzjoni postelettorali (ara d-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). |
42 |
Għandu jingħad li l-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, fid-dawl tal-kliem ċar tiegħu, ma japplikax għal atti li għandhom bħala suġġett ir-rinunzja ta’ kandidat elett, bħal fil-każ preżenti dik espressa minn A. Occhetto fil-pożizzjoni tiegħu ta’ sostitut ta’ A. Di Pietro. |
43 |
L-argumenti mressqa mill-Parlament f’dan ir-rigward ma jippermettux li wieħed jitwarrab minn din l-interpretazzjoni. |
44 |
B’mod partikolari, ma jistax jiġi rrikonoxxut lill-Parlament li għandu kompetenza ġenerali sabiex jevalwa l-legalità tal-proċeduri elettorali tal-Istati Membri fid-dawl tal-prinċipji kollha li allegatament jaqgħu taħt l-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, kif jikkonkludi l-Parlament b’mod partikolari mill-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan l-Artikolu 6 fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji (ara, f’dan is-sens, id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
45 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6 tinjora d-deċiżjoni meħuda mill-awturi tagħha billi tibdel din id-dispożizzjoni dwar l-eżerċizzju tal-mandat, minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu definit preċiżament, f’regola ta’ kompetenza li tirregola l-proċedura elettorali, peress li dan il-qasam huwa, skont l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, irregolat, bħala prinċipju, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
46 |
Fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-Istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew, li l-Parlament jirreferi għalih sabiex isostni l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, għandu jiġi kkonstatat li, qabel kollox, dan l-istatut ma kienx fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-raba’ premessa tal-Istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew, tipprovdi li “l-libertà u l-indipendenza tal-Membri, li huma mħarsa fl-Artikolu 2 […] għandhom jirċievu protezzjoni statutorja” peress li “m’humiex imsemmija fi kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi primarja” u l-ħames premessa tagħha tispeċifika li l-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istatut jinkludi fl-intier tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tal-Att tal-1976. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 2 tal-Istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew ma jikkostitwixxix inkorporazzjoni f’liġi tal-imsemmi Artikolu 6 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
47 |
Barra minn hekk, il-Parlament ma jistax, skont il-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli, jibbaża ruħu fuq dispożizzjoni tar-Regolament Intern tiegħu u l-allegata prassi tiegħu f’dan il-qasam sabiex jagħti interpretazzjoni contra legem tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). |
48 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament intern huwa att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistax jagħti lill-Parlament kompetenzi li mhumiex espressament rikonoxxuti minn att legali, f’dan il-każ mill-Att tal-1976 (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C-200/07 u C-201/07, Ġabra p. I-7929, punt 38). A fortiori jirriżulta li l-allegata prassi istituzzjonali ma tistax tidderoga mill-imsemmi Artikolu 6. |
49 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rinunzja espressa minn A. Occhetto għall-pożizzjoni tiegħu fil-lista tas-sostituti ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976, b’tali mod li dan l-artikolu ma jistax iservi ta’ bażi għal kontestazzjoni fil-kuntest tal-verifika tal-kredenzjali tal-membri tal-Parlament taħt l-Artikolu 12 ta’ dan l-att u li, konsegwentement, il-Parlament ma jistax jibbaża d-Deċiżjoni kkontestata fuq ksur tal-imsemmi Artikolu 6. |
— Fuq il-ksur tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976
50 |
Wara li ġie kkonstatat li l-Artikolu 6 tal-Att tal-1976 ma setax ikun il-bażi tad-Deċiżjoni kkontestata, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din id-deċiżjoni tistax tkun ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ vot dirett universali u proporzjonali stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Att tal-1976, kif isostni l-Parlament. B’riferiment għal ksur tal-imsemmija prinċipji, il-Parlament irrikonoxxa setgħa li jiġi vverifikat jekk id-dikjarazzjoni uffiċjali ta’ B. Donnici bħala membru tal-Parlament saritx b’osservanza tal-imsemmija rekwiżiti. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 12 ta’ dan l-att jagħtix lill-Parlament kompetenza bħal din fil-verifika tal-mandati tal-membri tiegħu. |
51 |
L-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 jipprovdi li, għall-finijiet tal-verifika tal-kredenzjali tal-membri tiegħu, l-Parlament għandu jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi kull kwistjoni li tista’ tinqala’ mid-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att barra dawk li jinqalgħu mid-disposizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi l-Att. |
52 |
Il-kliem tal-Artikolu 12 juru li s-setgħa ta’ verifika li għandu l-Parlament, taħt l-ewwel sentenza tal-imsemmi artikolu, hija suġġetta għal żewġ limitazzjonijiet importanti li jidhru fit-tieni sentenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, kif ukoll id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32). |
53 |
Skont l-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, il-Parlament “jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri”. Barra minn hekk, il-kompetenza partikolari tal-Parlament sabiex jiddeċiedi l-kontestazzjonijiet imqajma, imsemmija fit-tieni parti tat-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu, hija wkoll limitata ratione materiæ biss għal kull kwistjoni “li tista’ tinqala’ mid disposizzjonijiet ta’ [l-Att tal-1976] barra dawk li jinqalgħu mid-disposizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi l-Att”. |
54 |
Minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, mit-test innifsu tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 jirriżulta li dan l-artikolu ma jagħtix lill-Parlament il-kompetenza sabiex jiddeċiedi kontestazzjonijiet imqajma fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju fl-intier tiegħu. Skont il-kliem ċar ta’ dan l-artikolu, dan ikopri biss -“kull kwistjoni li tista’ tinqala’ mid disposizzjonijiet ta’ dan l-Att” (ara, f’dan is-sens, id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
55 |
Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju li jikkonsisti f’li “jieħu nota tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment” ifisser li l-Parlament kien obbligat jibbaża ruħu, għall-finijiet tad-deċiżjoni tiegħu fuq il-verifika tal-kredenzjali tal-membri tiegħu, fuq id-dikjarazzjoni li saret fid-29 ta’ Marzu 2007 mill-uffiċċju elettorali Taljan wara s-sentenza tal-Consiglio di Stato tas-6 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn proċess deċiżjonali konformi mal-proċeduri nazzjonali, li permezz tiegħu l-kwistjonijiet legali marbuta mal-imsemmija dikjarazzjoni ġew definittivament deċiżi u konsegwentement tikkostitwixxi sitwazzjoni legali preeżistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu tal-espressjoni “jieħu nota” fil-kuntest tal-Att tal-1976 għandha tiġi interpretata fis-sens li tindika n-nuqqas totali ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I-6051, punt 50). |
56 |
Din l-interpretazzjoni tal-espressjoni “jieħu nota” li tidher fl-Artikolu 12(2) tal-Att tal-1976, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Parlament, li jieħu nota ta’ dan, b’siġġu vakanti li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, tapplika wkoll għall-istess espressjoni li tinsab fl-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 fil-verżjoni preżenti tiegħu. Jekk l-Artikolu 12(2) tal-Att tal-1976, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, jeskludi kull marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament anki fil-każ ta’ rtirar tal-mandat ta’ wieħed mill-membri tiegħu li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkollu effett fuq il-kompożizzjoni eżistenti ta’ din l-istituzzjoni, dan in-nuqqas ta’ setgħa ta’ deċiżjoni japplika a fortiori għall-verifika, skont l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, tal-kredenzjali tal-membri tal-Parlament iddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, hija l-ħatra mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-membri futuri tal-Parlament skont il-proċedura elettorali li hija rregolata, kif jirriżulta speċifikament mill-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
57 |
Minn dan jirriżulta li l-Parlament ma jistax jikkontesta r-regolarità nfisha tad-dikjarazzjoni li saret mill-uffiċċju elettorali nazzjonali. L-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 lanqas ma jawtorizza lill-Parlament jirrifjuta li jieħu nota ta’ dikjarazzjoni bħal din jekk jikkunsidra li teżisti irregolarità (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). |
58 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 hija kkonfermata minn qari tiegħu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE kif ukoll mill-kuntest leġiżlattiv tal-imsemmi artikolu. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) KE kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 189 KE, il-Parlament jeżerċita s-setgħat u jaġixxi fil-limiti tal-poteri attribwiti lilu mit-Trattati. |
60 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, “il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu” suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976. Konsegwentement, minkejja li l-Istati Membri huma marbuta josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976 sa fejn dawn jipprovdu għal ċerti metodi elettorali, jibqa’ l-fatt li huwa kompitu tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, li jorganizzaw, skont il-proċedura stabbilita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-elezzjonijiet u, f’dan il-kuntest, li jgħoddu l-voti u li jiddikjaraw uffiċjalment ir-riżultati elettorali (digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74). |
61 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13(2) tal-Att tal-1976 jipprovdi li Stat Membru jista’ jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili tas-siġġijiet li jispiċċaw vakanti. |
62 |
Konsegwentement, skont ma’ dan il-kuntest leġiżlattiv, il-proċedura elettorali għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament li seħħet fit-12 u fit-13 ta’ Ġunju 2004, kif ukoll għall-ħatra tas-sostituti għal siġġijiet li spiċċaw vakanti baqgħet irregolata f’kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, fil-każ preżenti l-liġi tal-24 ta’ Jannar 1979 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). |
63 |
Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitaja f’dan il-qasam, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tirregola l-metodi proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li s-suġġett għandu taħt id-dritt Komunitarju sakemm, minn naħa, dawn il-metodi ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra sakemm, fil-prattika, huma ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger, C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 67). |
64 |
Il-Parlament ma sostniex li d-dispożizzjonijiet proċedurali Taljani jmorru kontra dawn il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Barra minn hekk, anki jekk titqies tali ipoteżi, ma jirriżultax li l-Parlament ikun f’pożizzjoni li jissostitwixxi l-atti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-evalwazzjonijiet tiegħu. |
65 |
Min-naħa l-oħra, hija l-Kummissjoni li għandha tara li l-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll id-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet taħt dan it-trattat, u hija awtorizzata, taħt l-Artikolu 226 KE, tibda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jekk hija tikkunsidra li Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu. Barra minn hekk, il-verifika tal-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija żgurata permezz tal-proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, li tidħol fil-kuntest tal-kontenzjuż elettorali fuq livell nazzjonali. |
66 |
Dan il-kuntest leġiżlattiv ma jindikax li l-Parlament għandu kompetenza ġenerali sabiex jevalwa l-konformità tal-proċeduri elettorali tal-Istati Membri u l-applikazzjoni tagħhom fil-każ preżenti fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Minn dan jirriżulta li l-kompetenza tal-Parlament hija limitata, fil-kuntest tal-verifika tal-kredenzjali tal-membri tiegħu, għall-prerogattivi hekk kif definiti b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att tal-1976 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32). |
67 |
Konsegwentement, interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, li tagħti lill-Parlament kompetenza ġenerali ta’ verifika tad-dikjarazzjoni uffiċjali magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri mhux biss tmur kontra l-kliem ta’ dan l-artikolu, iżda hija wkoll inkompatibbli mal-prinċipju stabbilit fl-Artikoli 5 KE u 7 KE li jipprovdu li l-kompetenzi tal-Komunità u tal-istituzzjonijiet tagħha huma limitati għal dawk attribwiti lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 83, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
L-argumenti mressqa mill-Parlament u sostnuti minn A. Occhetto, imfakkra fil-punti 35 sa 37 tas-sentenza preżenti, ma jistgħux iqiegħdu f’dubju din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, li teskludi kull kompetenza tal-Parlament li jitbiegħed mid-dikjarazzjoni magħmula mill-uffiċċju elettorali Taljan. |
69 |
L-argument, imressaq fl-ewwel lok, li fin-nuqqas ta’ kompetenza tal-Parlament li jikkontrolla r-riżultati ddikjarati mill-Istati Membri fir-rigward tad-dritt Komunitarju, is-setgħat ta’ verifika tal-Parlament taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 huma nieqsa minn kontenut, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Parlament iżomm kull kompetenza sabiex jiddeċiedi, fil-kuntest tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, fuq is-sitwazzjoni ta’ kandidat elett li għandu waħda mill-kwalitajiet inkompatibbli ma’ dik tal-membru tal-Parlament hekk kif huma elenkati fl-Artikolu 7 tal-Att tal-1976 (ara d-digriet Occhetto u Il-Parlament vs Donnici, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
70 |
Fit-tieni lok, dwar l-argument li l-Parlament għandu jkun f’pożizzjoni, sabiex jiggarantixxi standard minimu fir-rigward tal-ħatra tal-membri tiegħu, li jinjora d-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali li tmur kontra, b’mod flagranti, il-prinċipji fundamentali tal-Att tal-1976, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandom jiddeċiedu, jekk ikun il-każ wara talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 234 KE, fuq il-legalità tad-dispożizzjonijiet u tal-proċeduri elettorali nazzjonali (digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). |
71 |
Fil-każ preżenti, tali stħarriġ ġudizzjarju effettivament seħħ quddiem il-qrati Taljani kompetenti taħt il-liġi tal-24 ta’ Jannar 1979. Fil-fatt, il-kwistjonijiet ġuridiċi marbuta mad-dikjarazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali ġew definittivament deċiżi, fuq livell nazzjonali, permezz tas-sentenza tal-Consiglio di Stato tas-6 ta’ Diċembru 2006 li saret res judicata. |
72 |
Fl-aħħar nett, il-kliem ċar tal-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 u t-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam magħmul minnu jmorru kontra l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ lakuna fil-protezzjoni tad-drittijiet elettorali tal-kandidati għall-elezzjonijiet għall-Parlament. |
73 |
Għal din ir-raġuni, l-argument tal-Parlament, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tiegħu fuq il-verifika tal-kredenzjali hija, fiha nfisha, ivvizzjata b’illegalità jekk kien obbligat jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq att nazzjonali illegali, fil-każ preżenti d-dikjarazzjoni ta’ B. Donnici mill-uffiċċju elettorali Taljan, għandu wkoll jiġi miċħud. |
74 |
Fil-każ preżenti, il-kompetenzi rispettivi tal-Parlament u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-verifika ta’ kredenzjali tal-membri tal-Parlament huma, bil-kontra ma’ dak li jsostni l-Parlament b’riferiment għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C-64/05 P, Ġabra p. I-11389), imqassma b’mod ċar bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-awtoritajiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Parlament għandu biss, taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, il-kompetenza li jiddeċiedi fuq kull kwistjoni li tista’ tinqala’ mid-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att barra dawk li jinqalgħu mid-disposizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi l-Att, filwaqt li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddikjaraw ir-riżultati stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali skont id-dritt Komunitarju. |
75 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Parlament kien marbut, taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, jieħu nota tad-dikjarazzjoni magħmula mill-uffiċċju elettorali Taljan mingħajr ma kellu l-kompetenza li jitbiegħed minnha minħabba l-allegati irregolaritajiet li jaffettwaw dan l-att nazzjonali. Billi, b’mod kuntrarju għal din id-dikjarazzjoni, iddikjarat bħala mhux validu l-mandat ta’ B. Donnici u billi kkonfermat il-mandat ta’ A. Occhetto, id-Deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 12 ta’ dan l-att. |
76 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex meħtieġa tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika Taljana u minn B. Donnici insostenn tar-rikors tagħhom. Konsegwentement, it-talbiet ta’ B. Donnici, ifformulati sussidjarjament, sfaw mingħajr skop. |
Fuq l-ispejjeż
77 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana u minn B. Donnici. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u taħt it-tielet subparagrafu tal-istess Artikolu 69(4) il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi preċedenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.