Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2009 – Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit

(Kawża C‑390/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 91/271/KEE – Trattament ta’ ilma urban mormi – Artikolu 3(1) u (2), Artikolu 5(1) sa (3) u (5), u Annessi I u II – Nuqqas ta’ identifikazzjoni inizjali ta’ żoni sensittivi – Kunċett ta’ ‘ewtrofikazzjoni’ – Kriterji – Oneru tal-prova – Data rilevanti għall-eżami tal-elementi probatorji – Implementazzjoni tal-obbligi ta’ ġbir – Implementazzjoni ta’ trattament iktar rigoruż tal-iskariki fiż-żoni sensittivi”

1.                     Ambjent - Trattament ta’ ilma urban mormi - Direttiva 91/271 - Identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni - Ewtrofikazzjoni - Kunċett (Direttiva tal-Kunsill 91/271, punt 11 tal-Artikolu 2, u Artikolu 5(1)) (ara l-punti 26-29, 33-38)

2.                     Ambjent - Trattament ta’ ilma urban mormi - Direttiva 91/271 - Identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni - Obbligu tal-Istati Membri li jiġbru d-data neċessarja għal din l-identifikazzjoni (Artikoli 10 KE, 211 KE u 226 KE; Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5(1), u Anness II) (ara l-punti 32, 39, 42-46, 355)

3.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Eżami tal-mertu mill-Qorti tal‑Ġustizzja - Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni - Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 226 KE; Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5(1) u Anness II(a)) (ara l-punti 50-63)

4.                     Ambjent - Trattament ta’ ilma urban mormi - Direttiva 91/271 - Trattament iktar rigoruż tal-iskariki ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 10 000 (Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5(2)(3) u (5) u Anness I(B)) (ara l-punti 347, 357 u d-dispożittiv 1)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 3(1) u (2), Artikolu 5(1), (2), (3) u (5) u Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it‑trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26) - Nuqqas li jiġu identifikati ċerti żoni li kellhom jiġu identifikati bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni u nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ trattament iktar rigoruż tal-iskariki ta’ ilma urban mormi ta’ agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 10 000 fiż-żoni sensittivi jew li kellhom jiġu identifikati bħala sensittivi.

Dispożittiv

1)         Billi naqas milli jissuġġetta għal trattament iktar rigoruż l-iskariki ta’ ilma urban mormi li joriġinaw minn Craigavon (impjanti ta’ trattament ta’ Ballynacor u Bullay’s Hill) kif ukoll ta’ Magherafelt, ir-Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

2)         Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)         Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

4)         Ir-Repubblika Portuġiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.