Kawża C-357/07

The Queen, fuq talba ta’:

TNT Post UK Ltd

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13A(1)(a) — Servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2009   I ‐ 3028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ April 2009   I ‐ 3049

Sommarju tas-sentenza

  1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tas-servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13A(1)(a), u Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67, Artikolu 3)

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tas-servizzi pprovduti mis-servizzi postali pubbliċi

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13A(1)(a))

  1.  Il-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” li jidher fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri operaturi, pubbliċi jew privati, li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2002/39.

    Fil-fatt, fl-ewwel lok, sabiex tkun koperta mit-termini tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, il-provvista li għandha tiġi eżentata għandha titwettaq minn operatur li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “servizz postali pubbliku” fis-sens organiku ta’ dan it-terminu. Il-fatt li l-Artikolu 132(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, huwa miktub f’termini strettament identiċi għal dawk tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva juri li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar inżammet bħala tali, minkejja l-liberalizzazzjoni tas-settur postali. Minn dan isegwi li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tkopri, essenzjalment, il-provvista ta’ servizzi postali, bħalma huma s-servizzi rriżervati fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, b’mod indipendenti mill-kwalità tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi.

    Fit-tieni lok, l-eżenzjonijiet previsti mill-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva għandhom l-għan li jiffavorixxu ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Issa, dan l-għan ġenerali huwa rifless, fis-settur postali, fl-għan iktar speċifiku li jiġu offerti, bi prezz imnaqqas, servizzi postali li jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali tal-popolazzjoni. Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, tali għan huwa essenzjalment l-istess bħal dak segwit mid-Direttiva 97/67, jiġifieri li jkun offert servizz postali universali. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tali servizz jikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità speċifikata pprovduti b’mod permanenti f’kull punt tat-territorju bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li ma tistax tikkostitwixxi bażi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li l-bażi legali tagħha hija differenti minn dik tad-Direttiva 97/67, din l-aħħar direttiva madankollu tikkostitwixxi riferiment utli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi postali pubbliċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punti 27-30, 32-36, 40 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, tapplika għall-provvista ta’ servizzi u għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom, bl-eċċezzjoni tat-trasport tal-passiġġieri u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, li s-servizzi postali pubbliċi jwettqu bħala tali, jiġifieri minħabba l-kwalità tagħhom ta’ operaturi li jintrabtu li jiżguraw fi Stat Membru t-totalità ta’ jew parti mis-servizz postali universali. Hija ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi u lanqas għall-provvista ta’ oġġetti inċidentali għalihom meta l-kundizzjonijiet ta’ din il-provvista jkunu ġew innegozjati individwalment.

    (ara l-punt 49 u d-dispożittiv 2)