SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 31(1) — Obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni (must carry) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-operaturi ta’ netwerks bil-kejbil analoġiċi li jintegraw fin-netwerks bil-kejbil tagħhom il-programmi televiżivi kollha awtorizzati li jixxandru permezz ta’ trażmissjoni terrestri — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C-336/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-19 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura

Kabel Deutschland Vertrieb und Service GmbH & Co. KG

vs

Niedersächsische Landesmedienanstalt für privaten Rundfunk,

fil-preżenza ta’:

Norddeutscher Rundfunk,

Zweites Deutsches Fernsehen,

ARTE GEIE,

Bloomberg LP,

Mitteldeutscher Rundfunk,

MTV Networks Germany GmbH, aventi kawża ta’ VIVA Plus Fernsehen GmbH,

VIVA Music Fernsehen GmbH & Co.KG,

MTV Networks Germany GmbH, aventi kawża ta’ MTV Networks GmbH & Co. oHG,

Westdeutscher Rundfunk,

RTL Television GmbH,

RTL II Fernsehen GmbH & Co. KG,

VOX Film und Fernseh-GmbH & Co. KG,

RTL Disney Fernsehen GmbH & Co. KG,

SAT. 1 Satelliten-Fernsehen GmbH et,

Regio.TV GmbH,

Eurosport SA,

TM-TV GmbH & Co. KG,

ONYX Television GmbH,

Radio Bremen,

Hessischer Rundfunk,

Nederland 2,

Hamburg 1 Fernsehen Beteiligungs GmbH & Co. KG,

Turner Broadcasting System Deutschland GmbH,

n-tv Nachrichtenfernsehen GmbH & Co. KG,

Bayerischer Rundfunk,

Deutsches Sportfernsehen GmbH,

NBC Europe GmbH,

BBC World,

Mediendienst Borkum — Kurverwaltung NSHB Borkum GmbH,

Friesischer Rundfunk GmbH,

Home Shopping Europe GmbH & Co. KG,

Euro News SA,

Reise-TV GmbH & Co. KG,

SKF Spielekanal Fernsehen GmbH,

TV 5 Europe,

DMAX TV GmbH & Co. KG, li qabel kienet XXP TV — Das Metropolenprogramm GmbH & Co. KG,

RTL Shop GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kabel Deutschland Vertrieb und Service GmbH & Co. KG, minn H.-J. Niemeyer u W. Spoerr, Rechtsanwälte,

għan-Niedersächsische Landesmedienanstalt für privaten Rundfunk, minn A. Fischer, bħala aġent, assistit minn C. Krebs, ġurist,

għal DMAX TV GmbH & Co. KG, li qabel kienet XXP TV — Das Metropolenprogramm GmbH & Co. KG, minn A. Luedtke u K. Kempermann, Rechtsanwälte,

għal Eurosport SA, minn M. Schmittmann, Rechtsanwalt,

għal Home Shopping Europe GmbH & Co. KG, minn R. Schütz, Rechtsanwalt,

għal Norddeutscher Rundfunk, minn H. Brendel, ġurist, assistit minn W. Hahn, Rechtsanwalt,

għal MTV Networks Germany GmbH, aventi kawża ta’ VIVA Plus Fernsehen GmbH et, minn J. Kreile, Rechtsanwalt,

għal SAT. 1 Satelliten-Fernsehen GmbH et, minn C. Wagner u A. Gründwald, Rechtsanwälte,

għal Westdeutscher Rundfunk, minn E.-M. Michel u M. Libertus, ġuristi,

għal TM-TV GmbH & Co. KG, minn E. Freifrau von Weichs, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn A. Berenboom u A. Joachimowicz, avukati,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u N. Cahill, barrister,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Nijenhuis u G. Braun, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Kabel Deutschland Vertrieb und Service GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Kabel Deutschland”) u n-Niedersächsische Landesmedienanstalt für privaten Rundfunk (Uffiċċju tal-Land tas-Sassonja t’Isfel għax-xandir bir-radju privat, iktar ’il quddiem in-“NLM”) dwar l-obbligu impost fuqha minn dan tal-aħħar li xxandar fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku l-kanali tat-televiżjoni mxandra minn ċerti xandara magħżula min-NLM.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttiva 2002/21/KE

3

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 108, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), tipprovdi fil-ħames u s-sitt premessi tagħha:

“(5)

Il-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, il-media u s-settturi tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta’ trażmissjoni u servizzi għandhom ikunu koperti b’kwadru [b’qafas] regolatorju wieħed. Dak il-kwadru [qafas] regolatorju jikkonsisti f’din id-Direttiva u […] id-[Direttiva Servizz Universali] […] (hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejħa ‘id-Direttivi Speċifiċi’). Huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament[azzjoni] tat-trasmissjoni u r-regolament[azzjoni] tal-kontenut. Dan il-kwadru [qafas] għalhekk ma jkoprix il-kontenut tas-servizzi mwassla fuq in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jużaw servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet, bħal kontenut tax-xandir, is-servizzi finanzjarji u ċerti servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, u hija għalhekk bla preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali dwar dawk is-servizzi, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, sabiex jippromwovu diversità kulturali u lingwistika u biex jiżguraw id-difiża tal-pluraliżmu fil-midja […] Is-separazzjoni bejn ir-regolament[azzjoni] tat-trasmissjoni u r-regolament[azzjoni] tal-kontenut ma tippreġudikax li jingħata kont tar-rabtiet li jeżistu bejniethom, b’mod partikolari biex jiġi garantit il-pluraliżmu tal-midja, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur.

(6)

Il-politika awdjoviżwali u r-regolament[azzjoni] tal-kontenut huma mwettqa lejn il-ksib ta’ miri ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali, l-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-minuri. […]”

4

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, li jfittxu miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari li jirrelataw mar-regolament[azzjoni] tal-kontenut u l-politika awdjo-viżwali.”

Id-Direttiva Servizz Universali

5

Skont it-tlieta u erbgħin premessa tad-Direttiva Servizz Universali, “[l]-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistipulaw obbligi proporzjonati fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fl-interess ta’ konsiderazzjonijiet leġittimi ta’ politika pubblika, iżda dawk l-obbligi għandhom ikunu imposti biss fejn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw il-miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar mill-Istati Membri b’konformità mal-liġi tal-Komunità u għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u suġġetti għal reviżjoni perjodika. […]”

6

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, li jaqa’ taħt il-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Interessi u drittijiet ta’ l-utenti finali”, li jikkonċerna l-obbligi ta’ trażmissjoni (must carry), jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trasmissjoni (must carry), għat-trasmissjoni ta’ kanali u servizzi speċifiċi [speċifikati] tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jfornu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għad-distribuzzjoni ta’ xandir tar-radju jew tat-televiżjoni lill-pubbliku fejn numru sinjifikanti ta’ utenti finali ta’ dawk in-networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bit-televiżjoni. Dawk l-obbligi għandhom jiġu imposti biss fejn huma meħtieġa biex jilħqu miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti. L-obbligi għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni perjodika.

2.   La l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u lanqas l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta’ Aċċess) m’għandhom jippreġudikaw il-kapaċità ta’ Stat Membru li jistabbilixxi, remunerazzjoni adatta, jekk ikun hemm, dwar miżuri meħuda skond dan l-Artikolu waqt li jassiguraw li, f’ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta’ impriżi li jfornu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fejn hemm previst remunerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li tiġi applikata b’mod proporzjonat u trasparenti.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

L-Artikoli 52 u 53 tat-Trattat tal-Istat dwar ix-xandir u l-medja televiżivi (Rundfunkstaatsvertrag), tal-31 ta’ Awwissu 1991, fil-verżjoni tat-Tmien Trattat tal-Istat ta’ emenda dwar ix-xandir (Achter Rundfunkänderungsstaatsvertrag), tat-8 u l-15 ta’ Ottubru 2004 (iktar ’il quddiem ir-“RStV”), ittrasponew l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali fil-liġi interna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

8

Rigward it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ kanali tat-televiżjoni fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku, l-Artikolu 52(1) tar-RStV jipprovdi:

“It-trażmissjoni mill-ġdid simultanja u mingħajr l-ebda modifika tal-programmi tat-televiżjoni li jistgħu jinqabdu fuq it-territorju kollu tar-Repubblika Federali u li jixxandru b’mod legali fl-Ewropa u skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-televiżjoni trasnkonfinali hija awtorizzata mil-leġiżlazzjoni tal-Länder fil-kuntest tal-possibbiltajiet tekniċi eżistenti. It-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi tat-televiżjoni tista’ tiġi sospiża f’konformità mad-dispożizzjonijiet Ewropej fil-qasam tax-xandir. Regolamenti tal-Länder fil-qasam tal-użu tal-kanali analoġiċi huma leġittimi meta jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar. Huma jistgħu b’mod partikolari jiġu adottati sabiex tiġi ggarantita sistema ta’ medja pluralista u jiġu organizzati skont l-eżiġenza relatata mad-diversità ta’ opinjonijiet. Id-dettalji, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità fit-tqassim tal-possibbiltajiet tal-użu tal-kanali bil-kejbil, għandhom jiġu rregolati bil-leġiżlazzjoni tal-Länder.”

9

L-Artikolu 53a tar-RStV jipprovdi:

“L-Artikoli 52 u 53 huma perjodikament, jiġifieri kull tliet snin u għall-ewwel darba fil-31 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal reviżjoni skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [Servizz Universali].”

10

Fil-Land tas-Sassonja t’Isfel, il-Liġi dwar il-medja (Niedersächsisches Mediengesetz), tal-1 ta’ Novembru 2001, fil-verżjoni li hija applikabbli għall-kawża prinċipali, jiġifieri dik tas-6 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem in-“NMedienG”), tirregola t-trażmissjoni mill-ġdid tas-servizzi ta’ xandir u l-provvista tas-servizzi ta’ medja fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku.

11

It-tqassim tal-kanali tan-netwerk bil-kejbil analoġiku huwa previst fl-Artikolu 37(1), (2) u (7) tan-NMedienG, li jipprovdi:

“1.   Il-kejbil maħsub sabiex jaqbad b’mod analoġiku l-programmi tat-televiżjoni għandu jippermetti li jinqabdu tal-anqas il-programmi tat-televiżjoni li, skont din il-liġi, jistgħu jkunu trażmessi permezz ta’ netwerk terrestri jew permezz tal-kejbil jew li huma mxandra skont liġi oħra tal-Land tas-Sassonja t’Isfel. Jekk il-kanali bil-kejbil ikollhom portati tekniċi differenti, il-programmi msemmija fl-ewwel sentenza għandhom jiġu integrati fl-offerta tal-kanali li għandha l-akbar portata. Rigward it-trażmissjoni tal-programmi tax-xandir għaċ-ċittadini, l-ewwel u t-tieni sentenzi għandhom jiġu applikati biss fit-territorji msemmija fl-Artikolu 28(1). […]

2.   Fin-nuqqas ta’ numru suffiċjenti ta’ kanali fuq il-kejbil għal programmi oħra tat-televiżjoni, in-[NLM] jistabbilixxi klassifikazzjoni skont l-ordni ta’ prijorità sabiex tiġi rregolata l-allokazzjoni ta’ kanal tal-kejbil lill-programmi tat-televiżjoni li ma tteħdux inkunsiderazzjoni taħt il-paragrafu 1. Din tinkludi b’mod ekwu s-servizzi tal-medja fis-sens tat-Trattat tal-Istat dwar is-servizzi tal-medja (Staatsvertrag über Mediendienste). L-element determinanti sabiex tiġi stabbilita din il-klassifikazzjoni huwa l-kontribuzzjoni tad-diversi programmi jew servizzi għad-diversità tal-offerta fuq il-kejbil; għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet fil-qasam tal-informazzjoni fuq livell reġjonali jew fuq territorju li jaqbeż il-limiti tal-Land.

[…]

7.   Fit-territorji ddeterminati skont l-Artikolu 28(1), l-operaturi tan-netwerk bil-kejbil huma obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas sa kanal tat-televiżjoni wieħed u kanal tar-radju wieħed għat-trażmissjoni ta’ programmi ta’ xandara għaċ-ċittadini awtorizzati fuq l-imsemmija territorji, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fil-Land tas-Sassonja t’Isfel, Kabel Deutschland topera netwerks bil-kejbil li huma proprjetà tagħha. Fuq dawn in-netwerks bil-kejbil, għandha 32 kanal li jistgħu jintużaw fuq bażi permanenti għat-trażmissjoni analoġika.

13

Is-37 intervenjent fil-kawża prinċipali huma xandara televiżivi jew fornituri ta’ servizzi ta’ medja (“medja televiżivi”), li wħud minnhom jipprovdu servizzi ta’ teleshopping (iktar ’il quddiem, flimkien, ix-“xandara”). Dawn ix-xandara kollha jintegraw il-kanali tagħhom tat-televiżjoni jew is-servizzi tagħhom tal-medja televiżivi fin-netwerks bil-kejbil tal-Kabel Deutschland. Uħud minnhom huma wkoll mxandra permezz tan-netwerk terrestri skont l-istandards tat-televiżjoni diġitali permezz ta’ frekwenzi terrestri (“Digital Video Broadcasting Terrestrial”, iktar ’il quddiem id-“DVB-T”) f’ċerti partijiet tal-Land tas-Sassonja t’Isfel.

14

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2005, in-NLM, bħala awtorità kompetenti f’dan il-Land, irregola t-tqassim tat-32 kanal tat-televiżjoni disponibbli fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku ta’ Kabel Deutschland kif ġej: 18-il kanal ġew imqassma lil xandara li l-kanali tagħhom ġew ikklassifikati bħala “kanali speċifikati” mill-NMedienG fid-dawl tal-fatt li dawn kienu diġà mxandra mid-DVB-T; il-benefiċċju ta’ kanal ieħor ingħata inparti lill-Bürgerfernsehen (televiżjoni taċ-ċittadini), ukoll bħala xandar li jxandar programm speċifikat minn din il-liġi f’territorji partikolari; rigward it-13-il kanal li baqa’, minħabba li kien hemm iktar applikanti milli kanali disponibbli, in-NLM stabbilixxa, skont l-Artikolu 37(2) tan-NMedienG, klassifikazzjoni skont l-ordni ta’ prijorità tad-diversi xandara.

15

Din l-iskema ta’ użu tal-kejbil wasslet għall-użu tal-kanali kollha disponibbli tan-netwerk bil-kejbil analoġiku ta’ Kabel Deutschland.

16

Din tal-aħħar ippreżentat rikors, quddiem il-Verwaltungsgericht Hannover, kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2005, li fih invokat l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tan-NMedienG dwar l-użu tan-netwerk bil-kejbil analoġiku mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali. Skont Kabel Deutschland, l-obbligu, impost min-NLM, li tintegra fin-netwerk bil-kejbil analoġiku tagħha l-kanali tat-televiżjoni ta’ ċerti xandara għandu jiġi kkunsidrat illegali minħabba li dawn huma diġà mxandra mid-DVB-T f’partijiet kbar tal-Land tas-Sassonja t’Isfel u li għandhom, għalhekk, jiġi reżi aċċessibbli għall-istess utenti finali. Kabel Deutschland qajmet ukoll l-illegalità tal-obbligu li tintuża t-totalità tad-disponibbiltà tan-netwerk bil-kejbil analoġiku tagħha meta, bħal f’dan il-każ, hemm iktar applikanti milli kanali analoġiċi disponibbli.

17

Barra minn hekk, fid-19 ta’ April 2007, in-NLM issostitwixxa d-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2005 b’deċiżjoni analoga li twassal ukoll għall-użu tat-totalità tan-netwerk bil-kejbil analoġiku ta’ Kabel Deutschland. Minbarra l-bdil ta’ xi xandara, din l-aħħar deċiżjoni għandha l-istess kontenut bħal dik li ssostitwixxiet u, barra minn hekk, hija s-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn Kabel Deutschland fi proċeduri ġodda li ġew sospiżi fuq talba tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-Verwaltungsgericht Hannover għandu dubji dwar il-konformità mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali tal-obbligu impost fuq Kabel Deutschland li jirriżulta mill-Artikolu 37 tan-NMedienG, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna n-natura proporzjonata u raġonevoli ta’ tali obbligu, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 37(1) tan-[NMedienG] hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [Servizz Universali], jekk operatur tan-netwerk bil-kejbil huwa obbligat jipprovdi aċċess, fuq iktar minn nofs il-kanali preżenti fin-netwerks tiegħu u li jistgħu jintużaw fuq bażi permanenti għat-trażmissjoni analoġika, għal programmi li, għalkemm ma jkoprux it-territorju kollu tal-Land tas-Sassonja t’Isfel, huma diġà mxandra permezz ta’ netwerk terrestri skont it-teknoloġija DVB-T-Standard?

2)

Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 37(1) tan-[NMedienG] hija kompatibbli mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [Servizz Universali], jekk operatur tan-netwerk bil-kejbil ikun obbligat jipprovdi aċċess għal programmi televiżivi fuq in-netwerks bil-kejbil analoġiċi tiegħu anki fiż-żoni tal-Land li fihom l-utenti finali tal-kejbil ikun kapaċi, permezz ta’ erjil terrestri u dikowder, li jirċievi l-istess programmi televiżivi anki permezz ta’ netwerk terrestri skont it-teknoloġija DVB-T-Standard?

3)

Il-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni” skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [Servizz Universali] jinkludi wkoll il-fornituri ta’ servizzi tal-medja jew tal-medja televiżivi bħal, pereżempju, it-teleshopping?

4)

Dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 37(1) tan-[NMedienG] hija kompatibbli mal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva [Servizz Universali], jekk, fil-każ li jonqsu xi stazzjonijiet, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tistabbilixxi lista tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità li twassal għall-użu tal-kanali kollha disponibbli għall-operatur tan-netwerk bil-kejbil?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi

19

Bl-ewwel, bit-tieni u bir-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġizlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tobbliga lill-operatur tan-netwerk bil-kejbil jintegra fin-netwerk bil-kejbil analoġiku tiegħu l-kanali u s-servizzi tat-televiżjoni li huma diġà mxandra b’mod terrestri, u b’hekk twassal għall-użu ta’ iktar minn nofs il-kanali disponibbli fuq dan in-netwerk, u, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kanali, timponi klassifikazzjoni tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità li twassal għall-użu tat-totalità tal-kanali disponibbli fuq l-imsemmi netwerk.

20

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva Servizz Universali tagħmel parti mill-qafas regolatorju komuni tas-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-medja u tat-teknoloġija tal-informatika, stabbilit bid-Direttiva Qafas u bid-Direttivi Speċifiċi, fosthom id-Direttiva Servizz Universali, kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva Qafas. Minn dan isegwi li dan il-qafas regolatorju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Servizz Universali.

21

Skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ “must carry”, għat-trażmissjoni ta’ kanali u servizzi speċifikati tax-xandir tat-televiżjoni, fuq impriżi li jfornu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għax-xandir ta’ programmi tat-televiżjoni lill-pubbliku fejn numru sinjifikattiv ta’ utenti finali ta’ dawn in-netwerks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom sabiex jirċievu dawn il-programmi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li dawn l-obbligi jistgħu jiġu imposti biss fejn huma meħtieġa biex jilħqu miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.

22

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu l-obbligi ta’ “must carry”, l-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l-kanali tat-televiżjoni jkunu speċifikati u li numru sinjifikattiv ta’ utenti finali jużaw in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala mezzi prinċipali sabiex jirċievu l-programmi tat-televiżjoni.

23

Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li n-netwerk bil-kejbil analoġiku jissodisfa din l-aħħar kundizzjoni minħabba li, fil-Ġermanja, dan il-metodu ta’ trażmissjoni jilħaq madwar 57 % tad-djar u għalhekk jikkostitwixxi l-iktar mezz ta’ trażmissjoni użat.

24

Rigward in-natura speċifikata tal-kanali li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ “must carry”, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali li l-Istati Membri għandhom jindikaw b’mod speċifiku l-kanali li ser jingħatalhom l-istatus ta’ “must carry”.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 37(1) tal-NMedienG jispeċifika li l-kejbil maħsub sabiex jaqbad b’mod analoġiku l-programmi tal-kanali tat-televiżjoni għandu jippermetti li jinqabdu tal-anqas dawk li huma awtorizzati jiġu trażmessi minn netwerk terrestri. Skont it-tieni paragrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, id-deċiżjoni li l-awtorità kompetenti hija obbligata tieħu, għandha tispeċifika, billi tagħmel klassifikazzjoni tal-applikanti f’ordni ta’ prijorità, il-kanali li l-operatur tan-netwerk bil-kejbil għandu jxandar. Għalhekk, tali dispożizzjonijiet jindikaw b’mod speċifiku l-kanali li għandu jingħatalhom l-istatus ta’ “must carry”.

26

Is-sempliċi fatt li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal sabiex l-operatur tan-netwerk bil-kejbil ikun kostrett, minn naħa, li jintegra fl-offerta tiegħu, fuq iktar min-nofs il-kanali disponibbli, il-programmi mxandra b’mod terrestri u, min-naħa l-oħra, li jattribwixxi l-kanali l-oħra kollha li jkunu għadhom disponibbli għat-trażmissjoni tal-programmi magħżula, skont ordni ta’ prijorità stabbilita mill-awtorità kompetenti, ma jipprekludix li dawn l-obbligi jkunu kkunsidrati li huma relatati mat-trażmissjoni tal-kanali tat-televiżjoni “speċifiċi [speċifikati]” fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali. Fil-fatt, meta teżiġi li l-kanali tat-televiżjoni li jittrażmettu jkunu “speċifiċi [speċifikati]”, l-imsemmija direttiva ma tfittixx li tistabbilixxi kundizzjoni kwantitattiva.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 37 tal-NMedienG huwa konformi mal-kundizzjonijiet imposti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali, kif imfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

28

Rigward il-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-obbligi imposti, li tqajmet mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizzi Universali jeżiġi li dawn l-obbligi jkunu raġonevoli, proporzjonati, trasparenti u meħtieġa biex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar.

29

Fil-fatt, skont it-tlieta u erbgħin premessa tad-Direttiva Servizz Universali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistipulaw obbligi proporzjonati fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fl-interess ta’ kunsiderazzjonijiet leġittimi ta’ politika pubblika, iżda dawn l-obbligi għandhom ikunu imposti biss fejn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw il-miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar mill-Istati Membri b’konformità mal-liġi tal-Komunità u għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u suġġetti għal reviżjoni perjodika.

30

Minħabba li l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali ma jiddefinixxix il-miri ta’ interess ġenerali li jfittex li jilħaq l-obbligu li jiġu trażmessi kanali tat-televiżjoni, id-definizzjoni tagħhom trid tingħata mill-Istati Membri b’konformità mad-dritt Komunitarju.

31

Sabiex tiġi evalwata d-definizzjoni ta’ dawn il-miri ta’ interess ġenerali mogħtija mill-Istati Membri u l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda għall-implementazzjoni ta’ dawn il-miri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif ġie mfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-qafas regolatorju komuni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, tal-medja u tat-teknoloġija tal-informatika.

32

Kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva Qafas, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn ir-regolamentazzjoni tat-trażmissjoni u dak tal-kontenut. Skont l-imsemmija premessa, il-qafas regolatorju Komunitarju ma jkoprix il-kontenut tax-xandir u, għalhekk, l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tal-aħħar, kif ukoll id-Direttiva Servizz Universali huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali b’konformità mad-dritt Komunitarju li jfittxu li jilħqu miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regolamentazzjoni tal-kontenut u l-politika awdjoviżiva. Skont is-sitt premessa tad-Direttiva Qafas, il-politika awdjoviżiva u r-regolamentazzjoni tal-kontenut huma mwettqa sabiex jintlaħqu miri ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali, l-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-minuri.

33

Għandha tiġi enfasizzata, b’mod partikolari, l-importanza tal-libertà fundamentali li tinkiseb informazzjoni li d-destinatarji tagħha huma l-utenti finali u li l-Istati Membri huma l-garanti tagħha, skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

34

Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali ma tistax tippreġudika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’konformità mad-dritt Komunitarju, tfittex li tilħaq miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regolamentazzjoni tal-kontenut u tal-politika awdjoviżiva. Skont dan it-tqassim ta’ kompetenzi, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali, li jaqa’ taħt il-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Interessi u drittijiet ta’ l-utenti finali”, ma jistabbilixxix dritt, għall-operatur tan-netwerk bil-kejbil, li jagħżel il-kanali li għandu jxandar, imma jillimita dan id-dritt sa fejn dan jeżisti taħt id-dritt nazzjonali applikabbli.

35

Sabiex tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-obbligi ta’ trażmissjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 31(1), għandu jiġi kkonstatat li, rigward il-miri ta’ interess ġenerali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq, jirriżulta mit-termini tal-Artikolu 37 tal-NMedienG moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tar-RStV, li din il-leġiżlazzjoni tfittex li tiggarantixxi l-pluraliżmu fil-midja u d-diversità tal-offerta fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku.

36

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għan tal-Artikolu 52(1) tar-RStV huwa li tkun żgurata offerta wiesgħa kemm jista’ jkun fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku kif ukoll id-diversità ta’ opinjonijiet f’soċjetà pluralista filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet u s-suġġetti reġjonali. L-Artikolu 37 tal-NMedienG għandu dan l-għan u, b’mod partikolari, il-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni tal-kanali skont l-ordni ta’ prijorità huwa l-kontribuzzjoni tagħhom għad-diversità tal-offerta fuq il-kejbil u li, f’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet fil-qasam tal-informazzjoni fuq livell reġjonali jew fuq territorju li jaqbeż il-limiti tal-Land tas-Sassonja t’Isfel.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ż-żamma tal-pluraliżmu li tfittex li tiggarantixxi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija marbuta mal-libertà tal-espressjoni, kif protetta mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, liema libertà hija fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda, C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 23; tat-3 ta’ Frar 1993, Veronica Omroep Organisatie, C-148/91, Ġabra p. I-487, punt 10; tal-5 ta’ Ottubru 1994, TV10, C-23/93, Ġabra p. I-4795, punt 19, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 41).

38

Għalhekk, għandu jiġi aċċettat li tali leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq mira ta’ interess ġenerali, peress li tfittex li jippreżerva n-natura pluralista tal-offerta tal-kanali tat-televiżjoni fil-Land tas-Sassonja t’Isfel u li b’hekk tifforma parti minn politika kulturali li għandha l-għan li tissalvagwardja, fis-settur awdjoviżiv, il-libertà tal-espressjoni tad-diversi komponenti, b’mod partikolari dawk soċjali, kulturali u lingwistiċi, li jeżistu f’dan il-Land (ara, f’dan is-sens, sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

39

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-obbligu impost fuq Kabel Deutschland, previst fl-Artikolu 37(1) tal-NMedienG, li tintegra l-kanali diġà mxandra mill-DVB-T, liema obbligu jwassal għall-użu ta’ iktar minn nofs il-kanali disponibbli tan-netwerk bil-kejbil analoġiku, huwiex ta’ natura proporzjonata fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk tali dispożizzjoni hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-mira li din tal-aħħar tfittex li tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq din il-mira.

40

L-għan stess li tiġi ggarantita offerta identika għall-utenti finali mxandra permezz tad-diversi mezzi ta’ trażmissjoni jipprekludi l-possibbiltà li jiġi aċċettat obbligu limitat li jixxandru l-kanali, fid-dawl tal-fatt li, f’ċerti reġjuni tat-territorju tal-Land tas-Sassjona t’Isfel, l-utenti finali jistgħu jaqbdu l-istess kanali tat-televiżjoni permezz tan-netwerk terrestri. Barra minn hekk, dan il-għan jeżiġi li n-numru ta’ kanali tan-netwerk bil-kejbil analoġiku previst mill-obbligu ta’ trażmissjoni jkun jikkorrispondi għan-numru ta’ dawk li jixxandru b’mod terrestri. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, l-obbligu inkwistjoni, li jwassal għall-użu ta’ iktar minn nofs il-kanali disponibbli jista’ jkun proporzjonat, fin-nuqqas ta’ miżuri alternattivi li jippermettu li tintlaħaq il-mira mfittxija b’mod daqstant effikaċi u fid-dawl tan-numru ta’ kanali mxandra b’mod terrestri u tad-disponibbiltà tan-netwerk bil-kejbil analoġiku.

41

Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-operatur tan-netwerk bil-kejbil ikun espost għal obbligi irraġonevoli u arbitrarji, għandu jiġi vverifikat, minn naħa, il-funzjonament tal-mekkaniżmu stabbilit bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel referenza għall-kanali mxandra b’mod terrestri sabiex tispeċifika l-obbligu ta’ trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minnu għall-operatur tal-kejbil analoġiku.

42

Rigward il-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, meta interpretat l-Artikolu 49 KE, li l-għoti tal-istatus ta’ “must carry” ma jistax jingħata awtomatikament lill-kanali kollha tat-televiżjoni mxandra mill-istess xandar privat, imma għandu jkun strettament limitat għal dawk li l-kontenut globali tal-programmi tagħhom ikun xieraq sabiex tintlaħaq tali mira. Barra minn hekk, in-numru ta’ kanali rriżervati għax-xandara privati li għandhom l-imsemmi status m’għandhomx jeċċedu manifestament dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq din il-mira (ara s-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

43

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistabbilixxix tali għoti awtomatiku tal-istatus ta’ “must carry”.

44

Għan-netwerk bil-kejbil analoġiku, l-Artikolu 37(1) tal-NMedienG jagħti l-istatus ta’ “must carry” lill-kanali tat-televiżjoni li huma diġà mxandra mid-DVB-T. Jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-għażla magħmula għall-għoti ta’ dan l-istatus lill-kanali mxandra mid-DVB-T hija bbażata fuq kriterji ta’ pluraliżmu u ta’ diversità ta’ opinjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-NMedienG, u d-deċiżjoni ta’ tali għażla hija adottata fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji mil-laqgħa ġenerali tan-NLM li hija indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u li hija komposta, prinċipalment, minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

45

Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ referenza ma jistabbilixxix għoti awtomatiku tal-istatus ta’ “must carry” bħal dak imsemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, imma jikkostitwixxi biss mezz tekniku sabiex jiġi żgurat li l-kanali mxandra b’mod terrestri u li, minħabba l-kontribuzzjoni tagħhom għall-pluraliżmu u għad-diversità ta’ opinjonijiet, ġew awtorizzati jxandru b’dan il-mezz jiġu wkoll imxandra bin-netwerk bil-kejbil analoġiku.

46

Rigward il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-obbligi imposti fuq l-operatur tan-netwerk bil-kejbil, għandu jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar humiex irraġonevoli minħabba li huma ta’ natura li jimpedixxu lil dan tal-aħħar milli jwettaqhom f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-operazzjonijiet kollha tiegħu.

47

Din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, iżda, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha, kemm jekk tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline, C-17/06, Ġabra p. I-7041, punt 29).

48

Għalhekk, fl-evalwazzjoni tagħha, jekk l-obbligi imposti fuq l-operatur tan-netwerk bil-kejbil taħt il-leġiżlazzjoni inkwistjoni jirriżultaw li huma irraġonevoli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, l-operatur tan-netwerk bil-kejbil huwa liberu li jagħti lill-kanali tan-netwerk tiegħu użu analoġiku jew diġitali, fejn dan tal-aħħar mhuwiex suġġett għal skema komparabbli, u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva Servizz Universali tagħti l-fakultà lill-Istati Membri li jiddeterminaw remunerazzjoni xierqa. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-obbligi imposti humiex ta’ natura li jirrendu neċessarju l-għoti ta’ tali remunerazzjoni.

49

Il-qorti tar-rinviju titlob, fit-tieni lok, jekk l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali jipprekludix l-Artikolu 37(2) tan-NMedienG, minħabba li dan tal-aħħar jobbliga lill-awtorità regolatorja kompetenti tistabbilixxi, għall-kanali disponibbli li jkun fadal u fil-każ ta’ nuqqas ta’ kanali, klassifikazzjoni tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità li twassal għall-użu tat-totalità tal-kanali disponibbli fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku.

50

Jirriżulta mill-Artikolu 37(2) tan-NMedienG li fin-nuqqas ta’ numru suffiċjenti ta’ kanali fuq il-kejbil għal programmi oħra tat-televiżjoni, in-NLM jistabbilixxi klassifikazzjoni b’ordni ta’ prijorità sabiex tiġi rregolata l-allokazzjoni ta’ kanal tal-kejbil lill-programmi tat-televiżjoni li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Skont din id-dispożizzjoni, l-element determinanti sabiex tiġi stabbilita din il-klassifikazzjoni huwa l-kontribuzzjoni tad-diversi programmi jew servizzi għad-diversità tal-offerta fuq il-kejbil.

51

Għandu jiġi aċċettat, f’dan ir-rigward, li l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni b’ordni ta’ prijorità sabiex tiġi rregolata l-allokazzjoni tal-kanali disponibbli li jkun fadal tan-netwerk bil-kejbil analoġiku, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tal-applikanti għad-diversità tal-offerta fuq dan in-netwerk, huwa xieraq sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-miri ta’ interess ġenerali previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 37(2) tan-NMedienG, tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex tintlaħaq il-mira kulturali prevista peress li, f’sitwazzjoni bħal din, hija ta’ natura li tippermetti lit-telespettaturi jirċievu offerta pluralista u varjata fuq in-netwerk bil-kejbil analoġiku.

52

Rigward il-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tilħaqx dawn il-miri b’mod raġonevoli u proporzjonat, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali ma jistabbilixxix dritt, għall-operatur tan-netwerk bil-kejbil, li jagħżel il-kanali li għandu jxandar, imma jillimita dan id-dritt sa fejn dan jeżisti taħt id-dritt nazzjonali applikabbli.

53

Fil-kuntest tal-politika awdjoviżiva, l-imsemmija leġiżlazzjoni tagħti lill-awtorità kompetenti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kanali disponibbli meta mqabbla mad-domanda għall-kanali ta’ trażmissjoni, il-kompitu li tagħżel minn fost l-applikanti, fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tal-programmi tagħhom għad-diversità tal-offerta u għall-bżonnijiet ta’ informazzjoni tal-pubbliku, minflok ma tippermetti lill-operatur tan-netwerk bil-kejbil stess li jagħmel l-għażla tiegħu skont kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi. B’hekk, din il-mira tista’ tirrendi neċessarju l-fatt li l-kanali disponibbli kollha jintużaw għat-trażmissjoni tal-kanali, permezz ta’ proċedura trasparenti li tissalvagwardja d-drittijiet tal-operaturi tan-netwerk bil-kejbil, sabiex, safejn ikun possibbli, il-possibbiltà ta’ aċċess għan-netwerk bil-kejbil analoġiku tingħata lill-ikbar numru ta’ applikanti li jkunu jimmeritaw tali aċċess minħabba l-kanali li huma jxandru.

54

Għalhekk, billi l-obbligi imposti huma, fil-kuntest tal-politika awdjoviżiva nazzjonali, neċessarji sabiex jintlaħqu l-miri ta’ pluraliżmu u ta’ diversità fil-medja, tali leġiżlazzjoni ma tistax, bħala regola, tiġi kkunsidrata li hija sproporzjonata.

55

Madankollu, rigward l-eventwali natura irraġonevoli tal-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-operatur tan-netwerk bil-kejbil, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dawn il-konsegwenzi humiex ta’ natura li jimpedixxu lil dan tal-aħħar milli jwettaqhom f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-operazzjonijiet kollha tiegħu.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-operatur tan-netwerk bil-kejbil li jintegra fin-netwerk bil-kejbil analoġiku tiegħu l-kanali u s-servizzi tat-televiżjoni li huma diġà mxandra b’mod terrestri, u b’hekk twassal għall-użu ta’ iktar minn nofs il-kanali disponibbli fuq dan in-netwerk u li tipprovdi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kanali disponibbli, għal klassifikazzjoni tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità li twassal għall-użu tat-totalità tal-kanali disponibbli fuq l-imsemmi netwerk, sa fejn dawn l-obbligi ma jikkawżawx konsegwenzi ekonomiċi irraġonevoli, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tielet domanda

57

B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-servizzi tal-medja televiżivi, bħat-teleshopping, humiex inklużi fil-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali.

58

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, li din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni”. Għalhekk, sabiex jiġi interpretat dan il-kunċett, għandhom jiġu eżaminati l-kliem u l-għan tagħha fid-dawl tal-finalità tad-Direttiva Servizz Universali.

59

Skont l-Artikolu 31(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni, għat-trażmissjoni ta’ kanali jew ta’ servizzi speċifikati tar-radju u tat-televiżjoni, fuq l-operaturi ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan ir-rigward, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi, b’mod ġenerali, għall-kanali u għas-servizzi tar-radju u tat-televiżjoni, mingħajr ma jispeċifika għal-liema tip ta’ servizzi jistgħu jiġu imposti tali obbligi u, b’mod partikolari, mingħajr ma jispeċifika jekk is-servizzi tal-medja televiżivi jistgħux jibbenefikaw ukoll mill-istatus ta’ “must carry”.

60

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma tkoprix il-kontenut tal-kanali u tas-servizzi tat-televiżjoni, imma tirrigwarda effettivament ir-regolamentazzjoni tat-trażmissjoni tagħhom permezz ta’ netwerks tat-telekomunikazzjonijiet.

61

Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-qari tat-tlieta u erbgħin premessa tad-Direttiva Servizz Universali, li skontha l-Istati Membri jimponu ċerti obbligi ta’ trażmissjoni fuq dawn in-netwerks għax-xandir lill-pubbliku ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni.

62

Għalhekk, jirriżulta mill-Artikolu 31(1) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mill-għan li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq, li l-leġiżlatur Komunitarju astjena milli jimponi kwalunkwe limitazzjoni tal-obbligi ta’ “must carry” fuq livell ta’ kontenut tas-servizzi tat-televiżjoni.

63

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina l-kunċett ta’ “servizzi tax-xandir bit-televiżjoni”, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-Direttiva “89/552”).

64

Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel (C-89/04, Ġabra p. I-4891), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li servizz jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “xandir bit-televiżjoni” imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552 jekk ikun jikkonsisti fit-trażmissjoni inizjali ta’ programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, jiġifieri minn numru indeterminat ta’ telespettaturi potenzjali, li lilhom jiġu trażmessi simultanjament l-istess immaġini. F’dan ir-rigward, il-kriterju determinanti ta’ tali kunċett huwa dak tat-trażmissjoni ta’ programmi tat-televiżjoni “maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku”, u l-perspettiva ta’ min jipprovdi s-servizz għandha konsegwentement tkun ipprivileġġata fl-analiżi. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll f’din is-sentenza li t-teknika ta’ trażmissjoni tal-immaġini mhijiex element determinanti f’din l-evalwazzjoni.

65

Issa għandu jiġi indikat li s-servizzi tal-medja televiżivi, bħat-teleshopping, imxandra mid-diversi netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma, indipendentement mit-teknika ta’ trażmissjoni użata minnhom, “maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku”. Minn dan isegwi li l-imsemmija servizzi huma “servizzi tax-xandir bit-televiżjoni” fis-sens tad-Direttiva 89/552.

66

Din l-analiżi tista’ tiġi applikata għall-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni m’għandhiex l-għan li tiddefinixxi l-imsemmija servizzi, imma li tirregola t-trażmissjoni ta’ dawn tal-aħħar permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ “must carry”. Għalhekk, is-servizzi tal-medja televiżivi, bħat-teleshopping, huma servizzi tat-televiżjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

67

Madankollu, is-servizzi tal-medja televiżivi, bħala servizzi tat-televiżjoni, ma jistgħu jaqgħu taħt l-obbligu ta’ “must carry” impost mill-Istati Membri biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali, kif imfakkra fil-punti 22 u 26 ta’ din is-sentenza.

68

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali kundizzjonijiet humiex sodisfatti fid-dawl tal-fatti kollha tal-kawża prinċipali.

69

Ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva Servizz Universali, ikopri s-servizzi tal-medja televiżivi, bħat-teleshopping, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-operatur tan-netwerk bil-kejbil li jintegra fin-netwerk bil-kejbil analoġiku tiegħu l-kanali u s-servizzi tat-televiżjoni li huma diġà mxandra b’mod terrestri, u b’hekk twassal għall-użu ta’ iktar minn nofs il-kanali disponibbli fuq dan in-netwerk u li tipprovdi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kanali disponibbli, għal klassifikazzjoni tal-applikanti skont ordni ta’ prijorità li twassal għall-użu tat-totalità tal-kanali disponibbli fuq l-imsemmi netwerk, sa fejn dawn l-obbligi ma jikkawżawx konsegwenzi ekonomiċi irraġonevoli, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

Il-kunċett ta’ “servizzi tat-televiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22, ikopri s-servizzi tax-xandara televiżivi jew tal-fornituri ta’ servizzi ta’ medja, bħat-teleshopping, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.