SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 91/271/KEE — Trattament tal-ilma urban mormi — Nuqqas li tordna trattament iktar rigoruż tan-nitroġenu fl-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10000”
Fil-Kawża C-335/07,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2007,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Koskinen u L. Parpala kif ukoll minn M. Patakia u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,
intervenjent,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ordnatx trattament iktar effettiv tal-ilma mormi kollu li jinġabar fl-agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni (EP) ta’ iktar minn 10000, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, p. 40), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998 (ĠU L 67, p. 29, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar taż-żona tal-Baħar Baltiku
2 |
Il-Komunità Ewropea, flimkien ma’ diversi Stati Membri u mal-Federazzjoni Russa, hija firmatarja tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar taż-żona tal-Baħar Baltiku (Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (ĠU 1994, L 73, p. 20, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Baħar Baltiku”), adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE, tal-21 ta’ Frar 1994, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (ĠU L 73, p. 19). |
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 91/271 tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskarikar ta’ ilma urban mormi kif ukoll it-trattament u l-iskarikar ta’ ilma użat mormi minn ċerti setturi industrijali, u għandha bħala għan li tipproteġi l-ambjent minn effetti negattivi li jirriżultaw mill-iskariki tal-ilma mormi msemmi iktar ’il fuq. |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
|
5 |
Ir-regoli ġenerali applikabbli għall-ilma mormi li huwa kopert mill-imsemmija direttiva jinsabu fl-Artikolu 4 tagħha, li jipprovdi, fil-paragrafu 1: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu[, qabel] ma jkun skarikat[,] ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti […]” |
6 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271 jipprovdi: “1. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10000 e.p. 3. Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji relevanti ta’ l-Anness I B. […] 4. Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 hawn fuq ma għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75% għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75% għan-nitroġenu totali. 5. Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4. […] 8. Stat Membru ma għandux għalfejn jidentifika żoni sensittivi għall-għan ta’ din id-Direttiva jekk dan jimplimenta t-trattament stabbilit taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 fit-territorju kollu tiegħu.” |
7 |
Il-paragrafi 2 u 3 tal-Anness I.B ta’ din id-direttiva jipprovdu kif ġej:
|
8 |
It-Tabella 2 tal-imsemmi Anness I tipprovdi kif ġej: “Tabella 2: Rekwiżiti ghal tnixxijiet [skariki] minn impjanti ta’ [trattament ta’] l-ilma ta’ l-iskart urban [ilma urban mormi] għal wesgħat sensittivi [f’żoni sensittivi] li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni kif identifikat fl-Anness II.A(a). Parametru wieħed jew it-tnejn li huma jistgħu jiġu applikati, skond is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal tat-tnaqqis għandhom jgħoddu.” |
9 |
Skont it-tieni entrata ta’ din it-tabella, in-nitroġenu totali għandu jew ikollu konċentrazzjoni massima ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li l-EP tagħhom huwa bejn l-10000 u l-100000 u ta’ 10 mg/l għall-agglomerazzjonijiet ikbar, jew għandu jkollu perċentwali minima ta’ tnaqqis ta’ 70 sa 80%. |
10 |
It-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tad-Direttiva 91/721 jipprovdi: “L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu evalwati meta wieħed jikkunsidra liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta’ trattament ieħor:
|
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 365/1994, tad-19 ta’ Mejju 1994, dwar it-trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn katusi tad-dranaġġ ġenerali u minn ċerti setturi industrijali u li jintrema fl-ilma kif ukoll dwar it-trattament ta’ ilma mormi mill-industriji li jidħol fil-katusi tad-dranaġġ ġenerali, l-ambjent akwatiku Finlandiż kollu huwa kkunsidrat bħala żona sensittiva fis-sens tad-Direttiva 91/271. |
12 |
Mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali pprovduta fl-atti tar-Repubblika tal-Finlandja jirriżulta li kull impjant ta’ trattament Finlandiż li jittratta l-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 100 għandu jkollu permess ambjentali, li jingħata wara li ssir evalwazzjoni każ b’każ. L-istat tal-ilma u l-impatt li kellu fuqu l-ilma urban mormi dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni. |
13 |
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità inkarigata mill-permessi ambjentali għandha, fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 4000, esperti fil-qasam tad-dritt ambjentali kif ukoll esperti xjentifiċi u tekniċi. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tirċievi fil-kuntest tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni, inkluż l-opinjoni tal-ympäristökeskus (Aġenzija tal-ambjent) ikkonċernata. |
14 |
Din tal-aħħar għandha, b’mod partikolari, il-kompitu li tiżgura l-interess ġenerali fil-qasam tal-ambjent. Fl-opinjoni li hija tippreżenta lill-awtorità li toħroġ permessi ambjentali, hija għandha tipproponi tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu meta dan ikun neċessarju għall-ambjent, fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali u tal-konoxxenzi xjentifiċi reċenti. B’mod ġenerali, it-talba għal tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu għandha tiġi indirizzata lill-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fiż-żoni fin-nofsinhar ta’ Kvarken (Merenkurkku), li tinsab fil-konfini bejn il-Bajja ta’ Botnia (Perämeri) u l-Baħar ta’ Botnia (Selkämeri), li, flimkien, jiffurmaw il-Golf ta’ Botnia (Pohjanlahti). Dan tal-aħħar jikkostitwixxi fergħa tal-Baħar Baltiku. |
Il-proċedura prekontenzjuża
15 |
B’ittra tal- ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni, peress li qieset li t-trattament iktar rigoruż skont l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva 91/271 (iktar ’il quddiem it-“trattament terzjarju”), kemm tan-nitroġenu kif ukoll tal-fosfru, għandu jsir fl-agglomerazzjonijiet Finlandiżi kollha li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku, intimat lir-Repubblika tal-Finlandja sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271. |
16 |
Fir-risposta tagħha tas-27 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet li hija kienet konformi mad-Direttiva 91/271. Fil-fatt, l-ammont tan-nitroġenu kien jitnaqqas meta dan kien jitqies neċessarju, fid-dawl, f’kull każ, tal-istat tal-ilmijiet riċeventi, skont kif meħtieġ mill-imsemmija direttiva. |
17 |
Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Finlandja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE, li fiha kkonkludiet li, billi ma ordnatx trattament iktar effettiv tal-ilma mormi li jinġabar fl-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2), (3) u (5) tad-Direttiva 91/271, u stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri msemmija f’din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. |
18 |
Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija mill-awtoritajiet Finlandiżi għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti. |
19 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Awwissu 2008, ir-Renju tal-Isvezja, ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Finlandja. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
20 |
Skont il-Kummissjoni, peress li l-ambjent akwatiku Finlandiż kollu huwa kompost minn żoni sensittivi fis-sens tad-Direttiva 91/271, l-obbligu li jiġi żġurat li l-ilma urban mormi kollu li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jiġi skarikat, suġġett għal trattament iktar rigoruż minn dak deskritt fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva għall-iskariki kollha li joriġinaw minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, għandu japplika għat-territorju Finlandiż kollu. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mid-Direttiva 91/271 jirriżulta li n-nitroġenu għandu jkun suġġett għal trattament terzjarju fl-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet Finlandiżi li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jinsabu fiż-żoni kostali u fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku. |
22 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li, sabiex jiġi sodisfatt l-għan tad-Direttiva 91/271, l-iskariki kollha li joriġinaw minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jiżbokkaw fil-Baħar Baltiku għandhom jiġu ttrattati kemm għall-fosfru kif ukoll għan-nitroġenu. Dan it-trattament jillimita l-migrazzjoni tan-nitroġenu lejn iċ-ċentru tal-Baħar Baltiku, il-Golf tal-Finlandja (Suomenlahti), il-Baħar tal-Arċipelagu (Saaristomeri) u ċerti partijiet tal-Baħar ta’ Botnia u, konsegwentement, jillimita l-ewtrofikazzjoni ta’ dawn iż-żoni. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Finlandiżi ma wrewx li d-deċiżjoni li ma jsirx trattament terzjarju tan-nitroġenu fl-impjanti ta’ trattament kollha kkonċernati ma affettwatx l-ewtrofikazzjoni tal-imsemmija żoni. |
23 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tosserva li l-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet Finlandiżi kollha huwa ttratat f’impjanti bijokimiċi u li dawn l-impjanti ta’ trattament għandhom jiksbu permess ambjentali. Parti essenzjali mill-proċedura għall-ħruġ ta’ dan il-permess hija l-konsultazzjoni ma’ aġenziji regjonali tal-ambjent, li għandhom jirrakkomandaw tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu kull meta dan ikun neċessarju għall-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, waqt ir-reviżjoni regolari li huwa suġġett għaliha kull permess ambjentali, għandha tiġi evalwata n-neċessità li jitnaqqas l-ammont ta’ nitroġenu fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali, skont kif tipprovdi d-Direttiva 91/271. |
24 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tiddikjara li, fil-biċċa l-kbira tal-ilmijiet interni tagħha, magħmula minn lagi u xmajjar, in-nitroġenu ma jaffettwax l-ewtrofikazzjoni peress li n-nutrijent li jirregola l-ewtrofikazzjoni huwa l-fosfru. Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li n-nitroġenu lanqas mhuwa nutrijent li jirregola l-ewtrofikazzjoni fiż-żoni marittimi Finlandiżi kollha. |
25 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Finlandja tikkontesta l-fatt li d-Direttiva 91/271 timponi t-tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu fl-ilma mormi kollu li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000. Fil-fatt, skont ir-rekwiżiti tat-Tabella 2 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, in-neċessità li jitnaqqas l-ammont ta’ nitroġenu għandha tiġi evalwata “skond is-sitwazzjoni lokali”. Il-Kummissjoni ma wrietx li, fil-każ fejn id-Direttiva 91/271 tordna t-tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu, l-awtoritajiet Finlandiżi ma kinux ordnawh ukoll, u dan fil-kuntest tal-evalwazzjoni li saret għal kull impjant ta’ trattament li jittratta l-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 100, għall-finijiet tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess ambjentali meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
26 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li s-“sitwazzjoni lokali” msemmija fit-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 hija limitata għaż-żona akwatika li fiha l-emissjonijiet tal-impjanti ta’ trattament jistgħu jipprovokaw il-ħsara msemmija fl-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-ammont ta’ nitroġenu għandu f’kull każ jitnaqqas skont il-valuri pprovduti f’din it-tabella, indipendentement mill-impatt tiegħu fuq l-ambjent akwatiku, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
27 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja tinvoka tliet motivi prinċipali sabiex tiġġustifika l-prassi tagħha li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tan-neċessità li jitnaqqas l-ammont ta’ nitroġenu każ b’każ għal kull impjant ta’ trattament suġġett għall-obbligu li jikseb permess ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-ewwel nett, dan l-Istat Membru jsostni li, f’ċerti każijiet, it-tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu fl-ilma urban mormi ma jaffettwax l-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku minħabba l-assorbiment tan-nitroġenu mil-lagi u mix-xmajjar. It-tieni nett, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, it-tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu jkollu effett negattiv fuq l-istat tal-ilma, b’mod partikolari billi jipprovoka ż-żieda ta’ ċerta alka li tikkawżaw ħsara. It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Finlandja tirrileva li l-livell baxx tal-migrazzjoni ta’ nitroġenu mill-Bajja ta’ Botnia, li ma turix sinjal ta’ ewtrofikazzjoni u li fiha n-nitroġenu mhuwiex in-nutrijent li jillimita, lejn żoni marittimi oħra ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa l-kawża ta’ ħsara, fis-sens tad-Direttiva 91/271. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 |
Mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 jirriżulta li l-ilma urban mormi kollu li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jiżbokka f’żona sensittiva għandu jkun suġġett, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998, għal trattament iktar rigoruż minn dak imsemmi fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
29 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jkun hemm skarikar fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/271 indipendentement mill-fatt jekk l-ilma mormi jiżbokkax direttament jew indirettament f’żona sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-396/00, Ġabra p. I-3949, punti 29 sa 32). Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, dan huwa konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mill-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent skont l-Artikolu 174(2) KE. |
30 |
Skont l-Anness II.A tad-Direttiva 91/271, l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi tista’ tkun ibbażata fuq l-ewtrofikazzjoni, fuq l-astrazzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb jew fuq ir-rekwiżiti pprovduti f’direttivi oħra. |
31 |
Fil-kawża inkwistjoni huwa paċifiku li, fl-1994, ir-Repubblika tal-Finlandja identifikat l-ilmijiet kollha tagħha bħala żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni u li l-impjanti kollha ta’ trattament ta’ dan l-Istat Membru jwettqu, direttament jew indirettament, skariki f’dawn iż-żoni. |
32 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/271 jiddetermina liema regoli huwa suġġett għalihom it-trattament terzjarju tal-iskariki f’tali żoni sensittivi. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom, jirriżulta li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi f’żoni sensittivi li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fit-Tabella 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva. |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li dawn ir-rekwiżiti japplikaw bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tad-Direttiva 91/271 (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-280/02, Ġabra p. I-8573, punti 104 u 105). Għalhekk, il-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, fir-rigward ta’ ilmijiet kostali li għandhom skambju baxx ta’ ilma jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti, għandha tiġi prevista, għall-agglomerazzjonijiet kbar, l-eliminazzjoni tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, sakemm ma jiġix stabbilit li din l-eliminazzjoni mhijiex ser taffettwa l-livell ta’ ewtrofikazzjoni. |
34 |
It-Tabella 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva tikkonċerna t-tnaqqis tal-fosfru u tan-nitroġenu fl-ilma urban mormi. Skont it-titolu ta’ din it-tabella, hija prevista, fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali, l-applikazzjoni ta’ parametru wieħed jew tat-tnejn. Fil-fatt, huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali li n-nitroġenu jew il-fosfru, jew iż-żewġ sustanzi, għandhom jitnaqqsu. L-Istat Membru, għalhekk, jista’ jagħżel li japplika l-valuri ta’ konċentrazzjoni jew il-perċentwali ta’ tnaqqis. |
35 |
Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Finlandja jaqblu fuq il-fatt li l-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku tikkostitwixxi problema ambjentali kbira, u li dan il-fenomenu huwa pprovokat miż-żieda fil-konċentrazzjoni ta’ nitroġenu u ta’ fosfru, żewġ sustanzi li, madankollu, huma indispensabbli għall-ħajja marina. |
36 |
Kif iddikjarat mill-Kummissjoni nfisha, il-mekkaniżmu tal-limitazzjoni tal-ewtrofikazzjoni min-nitroġenu u/jew mill-fosfru jvarja kunsiderevolment minn żona marittima tal-Baħar Baltiku għal żona oħra, jekk mhux ukoll fl-istess żona. Għaldaqstant, ma hemmx soluzzjoni uniformi għall-problema tal-ewtrofikazzjoni għall-Baħar Baltiku kollu. |
37 |
Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet jirriżulta li, b’mod ġenerali, waħda mis-sustanzi nutrittivi, irrispettivament minn jekk huwiex il-fosfru jew in-nitroġenu, tinsab fi kwantità inqas meta mqabbla mal-oħra u li dan in-nuqqas jillimita l-produzzjoni tal-alka. Għaldaqstant, din is-sustanza hija msejħa “fattur li jillimita”. L-ilmijiet ta’ żona jistgħu jkunu sensittivi għal sustanza waħda jew l-oħra, jew għat-tnejn li huma. Għalhekk, it-tnaqqis tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, skont is-sensittività tal-imsemmija ilmijiet, jippermetti l-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-alka. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri differenti sabiex titnaqqas l-ewtrofikazzjoni f’parti waħda mill-Baħar Baltiku jew f’oħra. Id-Direttiva 91/271 tipprovdi f’dan ir-rigward li l-Istati Membri għandhom jevalwaw, abbażi tas-sitwazzjoni lokali, is-sustanzi — fosfru u/jew nitroġenu — li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni u, skont din l-evalwazzjoni, għandhom jadottaw miżuri ta’ trattament xierqa. |
39 |
Kif issostni r-Repubblika tal-Finlandja, id-Direttiva 91/271 għalhekk ma teżiġix awtomatikament tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu minkejja li l-iskariki tal-impjanti ta’ trattamenti ta’ ilma urban mormi jiżbokkaw fl-ilmijiet riċeventi f’żona sensittiva. Huwa l-motiv dovut għas-sensittività ta’ dawn l-ilmijiet riċeventi, flimkien ma’ eżami tas-sitwazzjoni lokali, li jiddetermina jekk għandux jitnaqqas in-nitroġenu u/jew il-fosfru. |
40 |
Għalhekk, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li s-sempliċi fatt li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi jispiċċaw f’żona marittima sensittiva jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 91/271 teżiġi trattament terzjarju tan-nitroġenu. Skont l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu jiddependi minn kemm l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żoni sensittivi jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn tal-aħħar. |
41 |
Peress li d-determinazzjoni tal-fattur li jillimita mhijiex marbuta esklużivament mas-sensittività tal-ilmijiet riċeventi, iżda wkoll mal-fatt li l-iskariki jniġġsu lil dawn l-ilmijiet, ma jistax jingħad, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, li, peress li l-Baħar Baltiku nnifsu għandu ewtrofikazzjoni qawwija minħabba n-nitroġenu u l-fosfru, u peress li l-biċċa l-kbira tal-ilmijiet interni Finlandiżi jiżbokkaw f’dan il-baħar, kemm il-lagi u kemm ix-xmajjar, u kif ukoll l-ilmijiet kostali Finlandiżi, għandhom jitqiesu li huma sensittivi għaż-żewġ sustanzi. |
42 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-Direttiva 91/271 ma tipprovdix obbligu ġenerali ta’ trattament terzjarju tan-nitroġenu tal-iskariki ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000. |
43 |
Peress li d-Direttiva 91/271 teżiġi t-tnaqqis tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu abbażi tas-sitwazzjoni lokali, jiġifieri s-sensittività tal-ilmijiet riċeventi għal wieħed u/jew għal ieħor minn dawn in-nutrijenti u l-fatt li l-iskariki jniġġsu lil dawn l-ilmijiet, jista’ jsir eżami konġunt tal-impjanti ta’ trattament inkwistjoni li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fl-istess żona li fiha jinġabar l-ilma. |
44 |
Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk humiex diretti jew indiretti, l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li jinsabu fl-istess żona fejn jinġabar l-ilma li jispiċċa f’żona sensittiva huma suġġetti, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/271, għar-rekwiżiti applikabbli għaż-żoni sensittivi biss sa fejn dawn l-iskariki jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ din iż-żona. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmija skariki u t-tniġġis taż-żoni sensittivi. |
45 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali rabta. |
46 |
Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, u dan mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, Ġabra p. I-3475 punt 26). |
47 |
Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li jippermettu li jiġu stabbiliti fatti li seħħew fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u dettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 21, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 84 u 86). |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess, l-impjanti ta’ trattament Finlandiżi huma maqsuma f’żoni li fihom jinġabar l-ilma li l-ilmijiet riċeventi tagħhom huma, l-ewwel nett, il-Golf ta’ Botnia, li min-naħa tiegħu huwa maqsum f’żewġ żoni marittimi li huma, minn naħa, il-Bajja ta’ Botnia u, min-naħa l-oħra, il-Baħar ta’ Botnia, it-tieni nett, il-Baħar Baltiku nnifsu u, it-tielet nett, il-Golf tal-Finlandja. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-iskariki tan-nitroġenu li joriġinaw minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li jinsabu f’żoni rilevanti li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa fiż-żoni marittimi msemmija iktar ’il fuq jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni ta’ dawn iż-żoni. |
Fuq l-iskariki mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi fil-Golf ta’ Botnia
50 |
Fost l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia, l-iskariki ta’ numru minnhom jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Bajja ta’ Botnia filwaqt li l-iskariki ta’ oħrajn jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Baħar ta’ Botnia. Għalhekk, huwa possibbli li l-impjanti ta’ trattament inkwistjoni, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fl-istess żona li fiha jinġabar l-ilma, jiġu eżaminati flimkien. |
— Fuq l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Bajja ta’ Botnia jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’din il-bajja
51 |
Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-Bajja ta’ Botnia hija l-unika żona importanti tal-Baħar Baltiku li, b’mod ġenerali, mhijiex affettwata mill-ewtrofikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fosfru huwa l-fattur li jillimita fil-Bajja ta’ Botnia. Barra dan, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li, meta l-awtorità inkarigata li toħroġ il-permessi ambjentali tikkunsidra li, fid-dawl tas-sitwazzjoni lokali, huwa meħtieġ l-irtirar tan-nitroġenu, hija timponi dan ukoll fuq l-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi li jinsabu fil-konfini tal-Bajja ta’ Botnia. |
52 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, minħabba l-kundizzjonijiet li hemm fil-Bajja ta’ Botnia, ir-Repubblika tal-Finlandja kellha tordna trattament terzjarju tan-nitroġenu f’kull impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li l-iskariki tiegħu jiżbokkaw fil-Bajja ta’ Botnia. |
— Fuq l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Baħar ta’ Botnia jew fiż-żona fejn jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-baħar
53 |
Il-partijiet ma jaqblux dwar, minn naħa, il-preżenza ta’ ewtrofikazzjoni kif ukoll id-determinazzjoni tal-fattur li jillimita fil-Baħar ta’ Botnia u, min-naħa l-oħra, dwar l-eżistenza u l-eventwali effetti ta’ trasferiment tan-nitroġenu li joriġina mill-Golf ta’ Botnia u li jinżel sal-Baħar Baltiku nnifsu. |
Fuq il-preżenza ta’ ewtrofikazzjoni u fuq id-determinazzjoni tal-fattur li jillimita fil-Baħar ta’ Botnia
54 |
Skont ir-riżultati tal-istudji mehmuża mal-proċess mir-Repubblika tal-Finlandja, il-Golf ta’ Botnia, inkluż il-Baħar ta’ Botnia, huwa l-uniku sottoreġjun tal-Baħar Baltiku li ma jurix sinjal ċar ta’ ewtrofikazzjoni. |
55 |
Il-Kummissjoni tibbaża d-dikjarazzjoni tagħha li n-nitroġenu huwa fattur li jillimita sinjifikattiv tal-ewtrofikazjoni tal-Baħar ta’ Botnia fuq rapport stabbilit fuq talba tagħha fl-2004 mill-Water Research Center dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/271 fil-Finlandja (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-2004”). |
56 |
Madankollu, minn dan ir-rapport jirriżulta li l-ewtrofikazzjoni mhijiex ġeneralment ikkunsidrata bħala problema fil-Baħar ta’ Botnia, u b’mod iktar partikolari, fl-ilmijiet miftuħa tal-Golf ta’ Botnia. Barra minn hekk, l-imsemmi rapport jiddikjara li l-Baħar tal-Arċipelagu huwa żona ta’ tranżitu f’termini ta’ ewtrofikazzjoni bejn il-Golf tal-Finlandja u l-Golf ta’ Botnia. Il-kwalità tal-ilma hemmhekk ġiet deskritta, ġeneralment, bħala sodisfaċenti. |
57 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li n-nitroġenu huwa fattur li jillimita sinjifikattiv tal-ewtrofikazzjoni fl-ilmijiet miftuħa tal-Baħar ta’ Botnia. |
58 |
Fir-rigward tal-ilmijiet kostali, ir-rapport tal-2004 jiddikjara li dawn qegħdin jesperjenzaw ewtrofikazzjoni minħabba skambju baxx tal-ilma u minħabba ammonti għolja ta’ nutrijenti f’dawn l-ilmijiet. Barra minn hekk, dan ir-rapport isostni li n-nitroġenu għandu t-tendenza li jkun il-fattur li jillimita fl-ilmijiet kostali Finlandiżi. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-punt (a) tal-Anness II.A tad-Direttiva 91/271 li jipprovdi li, fiż-żoni kostali, l-iskariki li joriġinaw minn agglomerazzjonijiet żgħar ġeneralment mhumiex importanti iżda, fir-rigward tal-agglomerazzjoni l-kbar, għandha tiġi prevista l-eliminazzjoni tal-fosfru u/jew tan-nitroġenu, sakemm ma jiġix stabbilit li tali eliminazzjoni mhijiex ser taffettwa l-livell ta’ ewtrofikazzjoni. |
60 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet li, fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi li jinsabu fil-konfini tal-Golf ta’ Botnia, in-nitroġenu li jinsab fl-ilma mormi ma jistax ġeneralment jitqies bħala theddida fis-sens tal-imsemmija direttiva minħabba, b’mod partikolari, il-fenomenu tal-assorbiment tan-nitroġenu. |
61 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja ddikjarat, mingħajr ma tressqu provi kuntrarji mill-Kummissjoni, li 0.3% biss tan-nitroġenu kollu mormi kull sena fil-Baħar tal-Botnia joriġina minn ilma urban mormi li jiżbokka mill-Bajja ta’ Botnia. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, l-effett tal-eliminazzjoni tan-nitroġenu fil-Golf ta’ Botnia fuq il-livell tal-ewtrofikazzjoni tal-Baħar Baltiku nnifsu tant mhuwiex sinjifikattiv li ma jistax jiġi kkalkolat statistikament. |
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li, minħabba l-kundizzjonijiet li hemm fil-Baħar ta’ Botnia, ir-Repubblika tal-Finlandja kellha tordna trattament terzjarju tan-nitroġenu li joriġina mill-iskariki ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li jiżbokkaw fil-Baħar ta’ Botnia. |
Fuq l-eżistenza u l-eventwali effetti ta’ trasferiment tan-nitroġenu li joriġina mill-Golf ta’ Botnia u li jinżel sal-Baħar Baltiku nnifsu
63 |
Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, kwantità sinjifikattiva ta’ nutrijenti hija ttrasportata bejn iż-żoni marittimi differenti li fihom jinġabar l-ilma. Għalhekk, 62% tal-kwantità totali ta’ nitroġenu mormi direttament jew indirettament fil-Bajja ta’ Botnia sussegwentement jidħol fil-Baħar ta’ Botnia, li hija żona marittima li fiha n-nitroġenu jikkostitwixxi fattur li jillimita sinjifikattiv. |
64 |
Minn naħa, huwa minnu, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Finlanda, li l-obbligu ta’ trattament tan-nitroġenu għandu jiġi evalwat minn perspettiva globali, fid-dawl kemm tas-sensittività tal-ilmijiet interni kif ukoll fid-dawl tas-sensittività tal-ilmijiet kostali riċeventi. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ żona li fiha jinġabar l-ilma għandu limitu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mir-replika tagħha, hija ma ssostnix li l-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia jistgħu jitqiesu bħala żoni li fihom jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu. |
65 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Finlandja ma tikkontestax il-fatt li n-nitroġenu jiċċirkola bejn żoni marittimi differenti, iżda ssostni li minn dan ma jistax jiġi dedott li s-sitwazzjoni lokali teħtieġ tnaqqis tan-nitroġenu fir-rigward tal-impjanti kollha ta’ trattament ta’ ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jinsabu fil-konfini ta’ dawn iż-żoni marittimi. |
66 |
Għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Baħar Baltiku mhuwiex baħar fond ħafna, karatteristika din li ma tiffavorix l-iskambju tal-ilmijiet. Barra minn hekk, kif ġie rikonoxxut fil-punt 76 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Isvezja (C-438/07, Ġabra p. I-9517), deċiża fl-istess jum bħas-sentenza preżenti, bejn il-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia, l-iskambji tal-ilma huma limitati minn ostakoli naturali li jinsabu fil-livell tat-tramuntana tal-arċipelagu ta’ Kvarken. Fil-fatt, il-Bajja ta’ Botnia u l-Baħar ta’ Botnia huma konnessi bejniethom b’numru ta’ sikek fejn l-ilmijiet għandhom fond massimu ta’ 25 metru. |
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ma teżisti ebda barriera fiżika li tillimita t-trasferiment tan-nitroġenu bejn iż-żoni rilevanti li fihom jinġabar l-ilma. |
68 |
Barra minn hekk, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Baħar ta’ Botnia iservi verament ta’ bir għan-nitroġenu. |
69 |
Għaldaqstant, għalkemm jeżisti tabilħaqq trasferiment tan-nitroġenu bejn il-Golf ta’ Botnia u l-Baħar Baltiku nnifsu, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-fluss tal-ilmijiet tal-Bajja ta’ Botnia u tal-Baħar ta’ Botnia lejn il-Baħar Baltiku nnifsu jimplika trasferiment ta’ kwantità sinjifikattiva ta’ tniġġis tan-nitroġenu li joriġina mir-reġjuni fit-tramuntana tal-Finlandja. |
70 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li madwar 11% tan-nitroġenu kollu preżenti fil-Baħar ta’ Botnia jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu. |
71 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess u mill-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika tal-Finlandja matul is-seduta, il-perċentwali rilevanti f’din il-kawża hija dik li tirrappreżenta l-kwantità ta’ nitroġenu li joriġina mill-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia, u li huwa ttrasportat lejn il-Baħar Baltiku. Min-naħa l-oħra, il-fluss kollu tan-nitroġenu ma jistax, f’dan il-każ, jitqies bħala element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nitroġenu li joriġina minn tali impjanti għandux ikun suġġett għal trattament terzjarju. |
72 |
Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jista’ jiġi stabbilit li n-nutrijenti, fosthom in-nitroġenu, joriġinaw minn numru ta’ attivitajiet tal-bniedem u eventwalment jispiċċaw fil-baħar permezz, l-ewwel nett, ta’ emissjonijiet atmosferiċi u ta’ depożiti li jirriżultaw minnhom, li jilħqu direttament il-baħar jew iż-żoni terrestri taż-żoni li fihom jinġabar l-ilma, it-tieni nett, ta’ skariki minn sorsi speċifiċi li jinsabu tul il-kosta jew li joriġinaw minn żoni li fihom jinġabar l-ilma, u li huma ttrasportati mill-ixmajjar, u, it-tielet nett, skariki minn sorsi mxerrda. |
73 |
F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jista’ jiġi stabbilit, minn naħa, li l-kwantità ta’ nitroġenu preżenti fil-Golf ta’ Botnia tinkludi parti kbira li toriġina minn skariki minn sorsi mxerrda. Min-naħa l-oħra, fl-istess kategorija, l-agrikultura hija l-attività tal-bniedem li hija responsabbli għall-parti l-kbira tal-iskariki ta’ nitroġenu. |
74 |
Minn dan jirriżulta li l-kwantità ta’ nitroġenu mormi minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 ma tikkorrispondix mal-perċentwali ta’ nitroġenu li tirreferi għaliha l-Kummissjoni. |
75 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa diffiċli li jiġi identifikat għalxiex tirreferi r-rata ta’ trasferiment ta’ 62% li ġiet invokata mill-Kummissjoni. Tali rata ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkorrispondi għall-kwantità ta’ nitroġenu inkluż fl-iskariki tal-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000. |
76 |
Skont l-osservazzjonijiet li għamlet ir-Repubblika tal-Finlandja waqt is-seduta, il-perċentwali ta’ nitroġenu ttrasferit, li tinkludi biss l-iskariki ta’ dan in-nutrijent mill-impjanti ta’ trattament inkwistjoni, tammonta għal madwar 1.2%. |
77 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-trasport tan-nitroġenu minn impjanti ta’ trattament Finlandiżi li jittrattaw ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia lejn il-Baħar Baltiku nnifsu, jista’ jiġi kkwalifikat bħala sinjifikattiv fis-sens tal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fluss tan-nitroġenu kkawżat mill-ilma urban mormi li jiżbokka f’ilma ewtrofikat għandu jiġi kkunsidrat bħala sinjifikattiv jekk jammonta għal 10% jew iktar mill-fluss kollu tan-nitroġenu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77). |
78 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Helcom, li taqa’ taħt il-Konvenzjoni dwar il-Baħar Baltiku, adottat, waqt il-laqgħa ministerjali ta’ Krakovja fil-15 ta’ Novembru 2007, pjan ta’ azzjoni għall-Baħar Baltiku (Helcom Baltic Sea Action Plan). Dan il-pjan, li kien diskuss matul is-seduta, jipprovdi limitu massimu għall-iskariki tan-nitroġenu u tal-fosfru kif ukoll tnaqqis neċessarju tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-partijiet differenti tal-Baħar Baltiku. Minn dan jirriżulta li mhuwiex neċessarju li titnaqqas ir-rata ta’ nitroġenu fil-Bajja ta’ Botnia u fil-Baħar ta’ Botnia. |
79 |
Għalkemm huwa minnu li, fl-istess waqt, l-imsemmi pjan ta’ azzjoni jipproponi tnaqqis ta’ nitroġenu fil-Baħar Baltiku nnifsu b’94000 tunellata kull sena, għandu jiġi rrilevat, kif sostniet ir-Repubblika tal-Finlandja waqt is-seduta, li dan ma japplikax fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, din il-figura hija intiża għall-Istati li jinsabu fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa fil-Baħar Baltiku nnifsu. |
80 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma ressqitx prova, minn naħa, tal-fatt li l-iskariki tan-nitroġenu mill-ilmijiet interni u mill-ilmijiet kostali tal-Bajja ta’ Botnia jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni tal-Baħar ta’ Botnia u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li n-nitroġenu huwa l-fattur prinċipali li jillimita tal-ewtrofikazzjoni tal-Baħar ta’ Botnia. |
81 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kwantità ta’ nitroġenu li joriġina minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 u li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia taffettwa l-ewtrofikazzjoni fil-Baħar Baltiku nnifsu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ressqitx prova tal-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja kellha tordna trattament terzjarju tan-nitroġenu f’kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia. |
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma ressqitx prova tal-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 91/271 fir-rigward ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw fil-Golf ta’ Botnia. |
Fuq l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Baħar Baltiku nnifsu jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-baħar
83 |
Fir-rigward tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament li jinsabu fl-intern tan-nofsinhar tal-Finlandja, li jittrattaw ilma mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma u li l-ilmijiet tagħhom jiżbokkaw fl-ilmijiet li huma sensittivi għan-nitroġenu fil-Baħar Baltiku nnifsu, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li trattament terzjarju tan-nitroġenu mhuwiex neċessarju sa fejn il-fenomenu tal-assorbiment naturali jippermetti eliminazzjoni suffiċjenti ta’ dan in-nutrijent. |
84 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assorbiment huwa proċess naturali li jseħħ fil-lagi u fl-ixmajjar, li jassorbu l-parti kbira tan-nitroġenu mormi u jittrasformawh f’gass mhux perikoluż, proċess li jikkorrispondi wkoll għall-proċess użat mill-impjanti ta’ trattament fl-eliminazzjoni tan-nitroġenu. L-assorbiment iseħħ b’mod partikolari fil-ġibjuni, fejn il-fluss tal-ilma jonqos u fejn normalment iż-żmien ta’ permanenza jkun ta’ snin twal. Dan il-fenomenu jseħħ b’tali mod li n-nitroġenu huwa eliminat jew b’sustanza organika fis-sedimenti tal-qiegħ tal-lagi fejn jinġabar l-ilma jew bi proċess ta’ nitrifikazzjoni/denitrifikazzjoni ta’ mikrobi bħala gass tan-nitroġenu fl-atmosfera. |
85 |
Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-assorbiment huwa proċess kimiku li jseħħ fl-ilma u li jnaqqas il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu, iżda ssostni li dan il-proċess ma jistax jintuża bħala sostitut għall-eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-impjanti ta’ trattament kif ipprovdut fid-Direttiva 91/271, peress li dan jikkontradixxi l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-proċess tal-assorbiment tan-nitroġenu ma jiżgurax l-eliminazzjoni dewwiema tiegħu u huwa suġġett għal varjazzjonijiet staġunali. |
86 |
Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/271 ma tipprekludi li l-assorbiment naturali tan-nitroġenu jitqies bħala metodu ta’ eliminazzjoni tan-nitroġenu mill-ilma urban mormi. |
87 |
Fir-rigward tal-argument invokat mill-Kummissjoni, li jipprovdi li l-proċess tal-assorbiment tan-nitroġenu huwa instabbli wisq sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Finlandja tosserva, mingħajr ma hija kontradetta minn din l-istituzzjoni, li, fil-kalkoli tal-bilanċ minn sustanzi f’żoni akwatiċi li fuqhom huma bbażati l-analiżi dwar l-assorbiment, il-proċessi ta’ rtirar u ta’ żieda tan-nitroġenu mill-ilma u fl-ilma jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni d-denitrifikazzjoni, l-assorbiment tan-nitroġenu fis-sedimenti, l-assorbiment tan-nitroġenu fl-atmosfera mwettqa mill-alka blu u r-rilaxx tan-nitroġenu fl-ilma mis-sedimenti. Ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet ukoll li s-snin eċċezzjonali, fir-rigward tal-idroloġija, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkoli sabiex ikunu jistgħu jingħataw riżultati medji fuq numru ta’ snin. |
88 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 44 tas-sentenza preżenti, għandu jkun hemm rabta kawżali xierqa bejn l-iskariki u t-tniġġis taż-żoni sensittivi. Għalhekk, minkejja li l-Baħar Baltiku nnifsu qiegħed jesperjenza ewtrofikazzjoni minħabba, b’mod partikolari, in-nitroġenu, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-iskariki ta’ nitroġenu minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li jiżbokkaw fil-Baħar Baltiku nnifsu, jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni ta’ dan il-baħar, mhuwiex neċessarju li jiġi ordnat trattament terzjarju tan-nitroġenu għal kull wieħed minn dawn l-impjanti. |
89 |
Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, it-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 ma teżiġix, fil-kuntest tat-trattament terzjarju, trattament komplet iżda, fir-rigward tan-nitroġenu, tnaqqis li jippermetti li jintlaħaq valur ta’ 15 mg/l għall-agglomerazzjonijiet li għandhom EP bejn 10000 u 100000, jew li tintlaħaq perċentwali minima ta’ tnaqqis ta’ 70 sa 80%. Skarikar indirett tan-nitroġenu f’ilmijiet li huma sensittivi għalih, għalhekk, ma jimplikax l-obbligu li jitnaqqas in-nitroġenu ħlief jekk, fir-rigward ta’ impjant ta’ trattament, iktar minn 30% tan-nitroġenu inkluż fl-ilma urban mormi jilħaq dawn iż-żoni sensittivi. |
90 |
Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx li l-iskariki ta’ kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li jiżbokkaw direttament fil-Baħar Baltiku nnifsu jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-baħar, mhumiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. |
91 |
L-ewwel nett, kif irrilevat ir-Repubblika tal-Finlandja, it-territorju ta’ dan l-Istat Membru huwa magħmul minn diversi lagi u xmajjar. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet ukoll, mingħajr ma kienet kontradetta mill-Kummissjoni, li l-ilma ħelu sikwit jifforma xmajjar li fi ħdanhom xmajjar qosra jgħaqqdu diversi lagi sussegwenti qabel ma l-ilma jispiċċa fl-ilma kostali. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-karatteristiċi naturali tat-territorju Finlandiż jidhru li jikkontribwixxu għall-assorbiment tan-nitroġenu. |
92 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Finlandja ssostni li, fil-parti l-kbira tal-lagi u tax-xmajjar, in-nitroġenu ma jaffettwax l-ewtrofikazzjoni peress li n-nutrijent li jirregola l-ewtrofikazzjoni huwa l-fosfru. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonfuta dan l-argument. |
93 |
It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Finlandja sostniet, mingħajr ma kienet kontradetta mill-Kummissjoni, li impjant ta’ trattament standard li jkun mgħammar għal dekontaminazzjoni mekkanika, bijoloġika u kimika dejjem jelimina ċertu ammont tan-nitroġenu, anki jekk ma jkunx speċifikament mgħammar għal dan il-għan. It-tnaqqis tan-nitroġenu f’tali impjant ta’ trattament huwa ta’ medja ta’ 30%. |
94 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal u billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data teknika u xjentifika pprovduta mill-partijiet, fir-rigward tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament li jiżbokkaw, direttament jew indirettament, fil-Baħar Baltiku nnifsu, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-effetti konġunti tat-tnaqqis tan-nitroġenu mill-impjanti ta’ trattament, minn naħa, u tal-assorbiment naturali, min-naħa l-oħra, ma jippermettux li tintlaħaq ir-rata minima ta’ eliminazzjoni ta’ nitroġenu meħtieġa mid-Direttiva 91/271. |
95 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx prova li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 91/271 fir-rigward tal-iskariki minn kull impjant ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Baħar Baltiku nnifsu. |
Fuq l-iskariki tal-impjanti ta’ trattament li jiżbokkaw direttament fil-Golf tal-Finlandja jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-golf
96 |
Fir-rigward tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament li jinsabu fl-intern tan- nofsinhar tal-Finlandja, u li jittrattaw l-ilma mormi minn agglomerazzjonijiet li jinsabu fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li l-ilma tagħha jitbattal fl-ilma sensittiv għan-nitroġenu tal-Golf tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li trattament terzjarju tan-nitroġenu mhuwiex neċessarju sa fejn il-fenomenu tal-assorbiment naturali jippermetti eliminazzjoni suffiċjenti ta’ dan in-nutrijent. |
97 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 84 sa 94 tas-sentenza preżenti dwar l-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Baħar Baltiku nnifsu, huma applikabbli mutatis mutandis fir-rigward tal-impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament jew indirettament fil-Golf tal-Finlandja. |
98 |
Ir-Repubblika tal-Finlandja tiddikjara li, minħabba l-fenomenu tal-assorbiment, in-nitroġenu preżenti fl-ilma ttrattat mill-impjanti ta’ trattament li jinsabu fil-konfini ta’ lagi u ta’ xmajjar ma jinxteridx fi proporzjonijiet kunsiderevoli fl-ilmijiet tal-Golf tal-Finlandja fejn jista’ jikkawża ħsara. Dan l-Istat Membru jiddikjara, mingħajr ma jiġi kontradett mill-Kummissjoni jew mingħajr ma din ressqet prova kuntrarja f’dan ir-rigward, li n-nitroġenu huwa assorbit mil-lagi Finlandiżi fi proporzjonijiet ta’ bejn id-19% u t-82%. |
99 |
Huwa minnu li l-pjan ta’ azzjoni għall-Baħar Baltiku, imsemmi fil-punt 78 tas-sentenza preżenti, ipprovda li l-Istati Membri kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Baħar Baltiku għandhom jeliminaw 6000 tunnellata ta’ nitroġenu mill-Golf tal-Finlandja. Madankollu, għall-Baħar Baltiku kollu, il-parti tat-tnaqqis tal-ammont ta’ nitroġenu imputabbli lir-Repubblika tal-Finlandja jammonta biss għal 1200 tunnellata fis-sena. |
100 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza li, fost l-ammont totali ta’ nitroġenu fil-Finlandja li joriġina mill-bniedem, il-parti imputabbli lill-ilma urban mormi hija ta’ madwar 15%. Għandu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni hija kkorroborata mill-konklużjonijiet tal-istudji mehmuża mal-proċess, li skonthom l-agrikultura hija, fil-parti l-kbira, responsabbli għat-tniġġis fil-Golf tal-Finlandja. |
101 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx prova li l-iskariki tan-nitroġenu minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000 li jiżbokkaw direttament fil-Golf ta’ Finlandja jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-golf jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-ewtrofikazzjoni fil-Golf tal-Finlandja. Issa, kif ġie mfakkar fil-punt 46 tas-sentenza preżenti, hija kellha, fil-kawża preżenti, tressaq tali provi. |
102 |
Għaldaqstant, mhuwiex stabbilit li l-awtoritajiet nazzjonali Finlandiżi għandhom jordnaw trattament terzjarju tan-nitroġenu għall-impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi li joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom EP ta’ iktar minn 10000, li l-iskariki tagħhom jiżbokkaw direttament fil-Golf tal-Finlandja jew fiż-żona li fiha jinġabar l-ilma li jispiċċa f’dan il-golf. |
103 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
104 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tal-Finlandja. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Renju tal-Isvezja, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.