SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Nomenklatura Magħquda — Kamkorders — Noti ta’ spjegazzjoni — Qafas ġuridiku”

Fil-Kawża C-312/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal d’instance du XIe arrondissement de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2007, fil-kawża

JVC France SAS

vs

Administration des douanes — Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn U. Lõhmus, President tal-Awla, J. Klučka u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal JVC Franza SAS, minn F. Goguel u F. Foucault, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-P. Keppenne u S. Schønberg, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda 85254091 u 85254099 li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2261/98, tas-26 ta’ Ottubru 1998 (ĠU L 292, p. 1), bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/1999, tat-12 ta’ Ottubru 1999 (ĠU L 278, p. 1), bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1 u — rettifika — ĠU L 276, p. 92), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll il-qafas ġuridiku tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjegazzjoni”), ippubblikati skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2658/87.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija JVC France SAS (iktar ’il quddiem “JVC”) u l-Administration des douanes française dwar dazji doganali li din tal-aħħar qiegħda titlob mingħand JVC u li jirrigwardaw l-importazzjoni ta’ kamkorders diġitali mill-Ġappun u minn Singapor.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

L-Artikolu 220(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jaqra kif ġej:

“1.   Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.”

4

L-Artikolu 239 tal-istess kodiċi jispeċifika:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat,

li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”

In-NM

5

In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.

6

It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

7

L-intestatatura 852540, intitolata “Kamerasvidjo immaġni fissa u kamerasvidjo jirreġistraw oħrajn; kameras diġitali”, tinkludi s-subintestatura 85254091, intitolata “Kamerasvidjo jirreġistraw oħrajn: Jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera” u s-subintestatura 85254099, intitolata “Kamerasvidjo jirreġistraw oħrajn: Oħrajn”.

8

Għandu jiġi speċifikat li t-termini tas-subintestaturi 85254091 u 85254099 huma identiċi fir-Regolamenti Nru 2261/2000, Nru 2204/1999, Nru 2263/2000 u Nru 2031/2001.

9

Il-kamkorders ikklassifikati fis-subintestatura 85254091 huma suġġetti għal dazju doganali ta’ 4.9 % filwaqt li, għal dawk li jaqgħu taħt is-subintestatura 85254099, id-dazju jilħaq ir-rata ta’ 14 %.

In-noti ta’ spjegazzjoni

10

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tippubblika b’mod regolari, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, noti ta’ spjegazzjoni tan-NM.

11

Dawk adottati fil-15 ta’ Settembru 1998 (ĠU C 287, p. 1) u fit-13 ta’ Lulju 2000 (ĠU C 199, p. 1) kienu jispeċifikaw, fir-rigward tas-subintestatura 85254099:

“Oħrajn

Din is-subintestatura tkopri kombinazzjonijiet ta’ apparat li jikkonsistu f’kameravidjo u apparat għal reġistrar jew riproduzzjoni ta’ vidjo (hekk imsejħin ‘kamkorders’) għar-reġistrazzjoni mhux biss ta’ stampi meħudin permezz ta’ kamera iżda wkoll ta’ programmi tat-televiżjoni. L-istampi hekk irreġistrati jistgħu jkunu riprodotti permezz ta’ riċevitur tat-televiżjoni estern.

Madankollu, ‘kamkorders’ li bihom l-immaġni biss li jittieħdu mill-vidjokameras jistgħu jkunu reġistrati u riprodotti permezz ta’ riċevitur tat-televiżjoni estern jaqgħu taħt is-subintestatura 85254091.”

12

In-noti ta’ spjegazzjoni ġew emendati wara komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2001 (ĠU C 190, p. 10). Għas-subintestatura 85254099, intużaw it-termini preċedenti u ġie miżjud it-tieni subparagrafu:

“Din is-subintestatura tinkludi wkoll ‘kamkorders’ li fihom l-input vidjo jkun imfixkel permezz ta’ platt, jew b’xi mod ieħor, jew li għalih l-interface vidjo jista’ jkun sussegwentement attivat bħala input vidjo permezz ta’ softwer. L-apparat madankollu jkun disinjat biex jirreġistra programmi televiżivi u sinjali vidjo esterni oħra.”

13

Wara komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2002 (ĠU C 256, p. 1), saret emenda żgħira lill-aħħar sentenza ta’ dan it-test:

“[…] programmi televiżivi jew sinjali vidjo esterni oħra”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Wara investigazzjoni, l-amministrazzjoni doganali kkontestat il-klassifikazzjoni tat-tariffi użata minn JVC fl-importazzjoni ta’ kamkorders diġitali ta’ żewġ kategoriji li ġejjin mill-Ġappun u minn Singapor.

15

Permezz tal-ewwel verbal tal-11 ta’ Ottubru 2002, l-aġenti doganali kkonstataw li, bejn id-29 ta’ Ġunju 1999 u t-23 ta’ Lulju 2001, JVC kienet importat kamkorders b’terminal input/output magħruf bħala “DV-in/out” attivat. Dan it-tip ta’ kamkorder jippermetti t-teħid ta’ immaġni u ta’ ħoss, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal estern permezz ta’ konnessjoni speċifika. Huwa jista’ jitqabbad direttament ma’ kompjuter jew ma’ televiżjoni sabiex jittrażmettilu immaġni vidjo diġitali li jkun irreġistra (funzjoni DV-out) u l-kamkorder jista’ wkoll jirreġistra filmati diġitali ta’ kull oriġini li jkunu ġew ipproċessati mill-kompjuter (funzioni DV-in).

16

L-uffiċjali doganali kkunsidraw li l-klassifikazzjoni tat-tariffi adegwata kienet is-subintestatura 85254099 u mhux il-klassifikazzjoni użata minn JVC, jiġifieri s-subintestatura 85254091.

17

JVC ma kkontestatx din il-klassifikazzjoni u ħallset l-ammont tad-dazji li ma kinux imħallsa. Madankollu, hija talbet għar-remissjoni tad-dazji fuq il-bażi tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali billi sostniet li l-iżball kien dovut għal bidla fil-prassi Komunitarja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tal-ewwel deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2004.

18

Permezz tat-tieni verbal tal-11 ta’ Ottubru 2002, l-uffiċjali doganali kkonstataw li, bejn it-22 ta’ Ġunju 1999 u t-28 ta’ Awwissu 2002, JVC kienet importat kamkorders diġitali li kellhom biss il-funzjoni DV-out attivata, filwaqt li l-funzjoni DV-in setgħet tiġi attivata wara l-iżdoganar.

19

L-uffiċjali doganali kkunsidraw ukoll li l-klassifikazzjoni tat-tariffi adegwata kienet is-subintestatura 85254099 u mhux il-klassifikazzjoni użata minn JVC, jiġifieri s-subintestatura 85254091 u ħarġu avviż ta’ rkupru datat 6 ta’ Jannar 2004. Minn naħa, JVC ikkontestat dan l-avviż u, min-naħa l-oħra, talbet għar-remissjoni ta’ dazji. Din l-aħħar talba ġiet miċħuda permezz tat-tieni deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2004.

20

Għalhekk JVC ressqet żewġ rikorsi quddiem it-Tribunal d’instance du XIe arrondissement de Paris.

21

Permezz tal-ewwel rikors, imressaq fis-7 ta’ Marzu 2005, JVC talbet l-annullament tal-avviż ta’ rkupru tas-6 ta’ Jannar 2004 billi sostniet li dawn il-kamkorders kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 85254091.

22

Permezz tat-tieni rikors, imressaq fit-2 ta’ Frar 2006, JVC talbet l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Diċembru 2004, li jiċħdu t-talbiet għar-remissjoni tad-dazji. JVC sostniet li l-avviżi ta’ rkupru kienu l-konsegwenza ta’ bidla fil-prassi Komunitarja minħabba l-pubblikazzjoni ta’ verżjonijiet emendati tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM. Din il-bidla għalhekk tikkostitwixxi ċirkustanza speċjali fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

23

Quddiem il-qorti nazzjonali, JVC sostniet li, qabel l-2001, l-importaturi u l-amministrazzjonijiet doganali kienu jikklassifikaw il-kamkorders li kellhom biss il-funzjoni DV-out attivata fil-mument li fih jiġu importati, taħt is-subintestatura 85254091. Kien biss wara l-emenda tan-noti ta’ spjegazzjoni permezz tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2001 li l-prassi doganali nbidlet. Skont JVC, filwaqt li l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi u Brittanniċi ddeċidew li japplikaw din l-interpretazzjoni ġdida għall-importazzjonijiet magħmula wara s-6 ta’ Lulju 2001 biss, l-amministrazzjoni doganali Franċiża ddeċidiet li tapplika din l-interpretazzjoni b’mod retroattiv, ħaġa li tmur kontra l-Kodiċi Doganali.

24

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal d’instance du XIe arrondissement de Paris, wara li għaqqad iż-żewġ rikorsi, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Kamkorder li, fil-mument tal-importazzjoni tiegħu, ma jistax jirreġistra sinjali vidjo esterni għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254099 meta l-interface vidjo tiegħu jkun jista’ jiġi sussegwentement ikkonfigurat bħala input vidjo permezz tal-użu ta’ softwer jew ta’ enabler (widget) li huwa apparat attrezzat b’ċirkuwiti elettroniċi li permezz tagħhom il-kamkorder ikun jista’ jintuża sabiex jirreġistra sinjali vidjofoniċi esterni anki jekk il-manifattur u l-bejjiegħ ma jindikawx din il-possibbiltà u ma jiggarantixxuhiex?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, safejn l-emendi sussegwenti tan-noti ta’ spjegazzjoni jinvolvu bidla fil-prassi Komunitarja fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ kamkorders u jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju li l-merkanzija għandha tiġi kklassifikata skont il-karatteristiċi attwali tagħha fil-ħin li toħroġ mid-dwana, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tagħmel din il-bidla billi temenda n-noti ta’ spjegazzjoni, għaldaqstant b’effett retroattiv, minflok ma tadotta regolament ta’ klassifikazzjoni applikabbli biss għall-futur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, għall-klassifikazzjoni tal-kamkorders, tistax jew għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li tiġi attivata l-funzjoni DV-in jekk din l-attivazzjoni ma tkunx twettqet fil-mument tal-iżdoganar, iżda tkun tista’ ssir sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni jew żieda ta’ softwer. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l-importanza li jista’ jkollu l-fatt li l-manifattur la indika u lanqas iggarantixxa l-imsemmija possibbiltà fil-mument tal-iżdoganar.

26

Fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland (C-208/06 u C-209/06, Ġabra p. I-7963), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domanda preliminari identika għal dik magħmula mill-qorti tar-rinviju. Konsegwentement, għandha tingħata risposta identika għal din id-domanda.

27

Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li kamkorder jista’ jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254099 tan-NM biss jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni tal-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni li jippromwovi din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni tal-apparat minn utent li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder ieħor li l-funzjoni tiegħu tar-reġistrazzjoni tal-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jiffunzjona b’mod awtonomu. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tkun tista’ tiġi vverifikata fil-mument tal-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254091 tan-NM.

Fuq it-tieni domanda

28

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex li ssir taf x’inhuma l-effetti ġuridiċi tal-emendi tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tistaqsi jekk il-Kummissjoni kienx imissha pproċediet għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ klassifikazzjoni iktar milli għall-interpretazzjoni tar-regolament eżistenti.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

29

Il-Kummissjoni tqis li d-domanda hija inammissibbli billi hija ipotetika u inutli għall-eżitu tal-kawża. Skontha, l-emendi tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM ma jikkostitwixxux bidla meta mqabbla ma’ sitwazzjoni ġuridika preċedenti. Fil-fatt, dawn in-noti m’għandhomx effett ġuridiku bħala tali. Għalhekk l-emenda tagħhom m’għandhiex effett fuq id-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju ftit li xejn fiha informazzjoni fuq il-fatti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twessa’ d-domanda u eventwalment tifformulaha mill-ġdid.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 47).

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad it-talba ta’ qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba minn qorti nazzjonali, m’għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 61, u Acereda Herrera, punt 48).

32

Fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha talba għal remissjoni ta’ dazji doganali bbażata fuq l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali u għaldaqstant għandha tfittex elementi li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jinvolvu ebda ingann jew traskuraġni ovvja min-naħa ta’ JVC. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-qafas ġuridiku tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM tidher li hija rilevanti. Għaldaqstant il-kwistjoni hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

33

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Eru Portugesa, C-42/99, Ġabra p. I-7691, punt 13; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47; tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor, C-445/04, Ġabra p. I-10721, punt 19, u tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C-500/04, Ġabra p. I-1545, punt 21).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM kif ukoll dawk tas-SA jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tat-tariffi mingħajr, madankollu, mhuma legalment vinkolanti. Il-kontenut ta’ dawn in-noti għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jibdel il-portata tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Intermodal Transports, punt 48; Possehl Erzkontor, punt 20, u Proxxon, punt 22). Jekk jidher li jmorru kontra l-formulazzjoni tal-intestaturi tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu, in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dawn għandhom jiġu mwarrba (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C-229/06, Ġabra p. I-3251, punt 31).

35

F’dak li jirrigwarda s-subintestaturi tan-NM li huma rilevanti għall-każijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tas-subintestatura 85254099 fiha biss it-terminu “oħrajn”. Għalhekk din is-subintestatura tinkludi l-kamkorders kollha ħlief dawk li “jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera”, (funzjoni DV-out), li jaqgħu taħt is-subintestatura 85254091. Għalhekk il-Kummissjoni kellha tinterpreta, fin-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM, il-kontenut tas-subintestatura 85254099. Dawn in-noti ta’ spjegazzjoni indikaw, mill-15 ta’ Settembru 1998, li l-kamkorders koperti bis-subintestatura 85254099 kienu dawk li għandhom il-funzjoni DV-in u l-funzjoni DV-out. Fis-6 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni għal darb’oħra emendat in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM billi speċifikat li s-subintestatura 85254099 tinkludi wkoll il-kamkorders iddisinjati bil-funzjoni DV-in mingħajr ma’ din il-funzjoni tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar.

36

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjonijiet rispettivi tas-subintestaturi 85254091 u 85254099, in-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar din l-aħħar subintestatura huma konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jibdlux il-portata tagħha.

37

Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li n-noti ta’ spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestatura 85254099, ippubblikati fis-6 ta’ Lulju 2001 u fit-23 ta’ Ottubru 2002, huma ta’ natura interpretativa u mhumiex legalment vinkolanti. Huma konformi mal-formulazzjoni tan-NM u ma jibdlux il-portata tagħha. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ klassifikazzjoni ma kinitx neċessarja.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Kamkorder jista’ jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254099 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2261/98, tas-26 ta’ Ottubru 1998, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/1999, tat-12 ta’ Ottubru 1999, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, biss jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni tal-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati, tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni li jippromwovi din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni tal-apparat minn utent li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder ieħor li l-funzjoni tiegħu tar-reġistrazzjoni tal-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jiffunzjona b’mod awtonomu. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tkun tista’ tiġi vverifikata fil-mument tal-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254091 ta’ din in-Nomenklatura Magħquda.

 

2)

In-noti ta’ spjegazzjoni tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda dwar is-subintestatura 85254099, ippubblikati fis-6 ta’ Lulju 2001 u fit-23 ta’ Ottubru 2002, huma ta’ natura interpretattiva u mhumiex legalment vinkolanti. Huma konformi mal-formulazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u ma jibdlux il-portata tagħha. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ klassifikazzjoni ma kinitx neċessarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.