SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Jannar 2009 ( *1 )

“Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Artikolu 3 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l- esportazzjoni — Żball tal-amministrazzjoni nazzjonali — Terminu ta’ preskrizzjoni”

Fil-Kawża C-281/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Hauptzollamt Hamburg-Jonas

vs

Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) u Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank AG (iktar ’il quddiem “BHV”) dwar ir-rimbors ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94, tat- (ĠU L 310, p. 57, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”), jaqraw kif ġej:

“[…] meta jsir ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jirrimborsa l-ammonti rċevuti indebitament — inkluża kull penali applikabbli bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 — flimkien mal-interessi ikkalkolati skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u r-rimbors. […]

[…]

Meta jsir ħlas indebitu b’riżultat ta’ żball tal-awtorità kompetenti, l-ebda interessi m’għandhom jinġabru, jew l-iktar l-iktar għandu jinġabar ammont, li jiġi stabbilit mill-Istat Membru, li jikkorrispondi għall-qligħ magħmul indebitament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5

L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragraf[u] 1 […]”

Il-liġi nazzjonali

6

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda dispożizzjoni speċifika fil-Ġermanja dwar it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għal kawżi ta’ natura amministrattiva relattivi għal vantaġġi li jkunu ngħataw indebitament. Madankollu, kemm l-amministrazzjoni kif ukoll il-qrati Ġermaniżi kienu japplikaw b’analoġija l-preskrizzjoni ta’ tletin sena applikabbli skont il-liġi ordinarja, kif previst fl-Artikolu 195 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch). Madankollu, mill-2002, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli skont il-liġi ordinarja tnaqqas għal tliet snin.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul is-sena 1995, LAGRA Import Export GmbH (iktar ’il quddiem “LAGRA”) iddikjarat 31 annimal tal-ifrat intiżi għall-esportazzjoni lejn it-Turkija u applikat sabiex tibbenefika minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni fir-rigward tagħhom. Madankollu, b’ittra tas-17 ta’ Jannar 1996, LAGRA informat lil din l-amministrazzjoni doganali li wieħed minn dawn l-annimali tal-ifrat kien miet qabel ma ħareġ mill-Komunità Ewropea u talbet li l-applikazzjoni tagħha għal rifużjoni tiġi emendata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-fatt. Il-Hauptzollamt la ħa inkunsiderazzjoni din l-ittra u lanqas id-dikjarazzjonijiet korrispondenti magħmula fil-kopja ta’ kontroll T5 u, b’deċiżjoni tad-, ta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-31 annimal tal-ifrat kollha kemm huma.

8

Sussegwentement, il-Hauptzollamt intebaħ bl-iżball tiegħu. Għalhekk, b’deċiżjoni ta’ rettifika tal-5 ta’ Awwissu 1999, huwa talab ir-rimbors tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-annimal mejjet, jiġifieri DEM 1137.57.

9

Matul ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2000, inbdew proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront ta’ LAGRA. Wara l-assenjazzjoni tal-assi ta’ din tal-aħħar lil BHV, BHV saret debitriċi tas-somma relattiva għall-irkupru tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni rċevuta indebitament minn LAGRA. Għalhekk il-Hauptzollamt ipprova jikseb il-ħlas lura minn BHV tal-ammont irċevut indebitament, u dan permezz ta’ avviż għal ħlas tat-12 ta’ Diċembru 2001. Madankollu, ma ġiex stabbilit li dan l-avviż ġie nnotifikat lil BHV qabel ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2004.

10

BHV ippreżentat rikors kontra dan l-avviż għal ħlas, li ntlaqa’ mill-Finanzgericht Hamburg li ddeċiediet li d-dritt għall-irkupru bbażat fuq il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 kien ġie estint, minħabba li kien milqut bil-preskrizzjoni abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

11

Il-Hauptzollamt ressaq appell għal “Revision” minn din is-sentenza tal-Finanzgericht Hamburg quddiem il-Bundesfinanzhof. Din il-qorti tal-aħħar tiddubita kemm ir-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli, peress illi, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, huma biss l-irregolaritajiet imputabbli għal att jew għal ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u mhux dawk li jirriżultaw minn att jew minn ommissjoni tal-awtorità kompetenti.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 tapplika għall-irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament lil esportatur anki fil-każ fejn dan tal-aħħar ma jkun wettaq l-ebda irregolarità?

Fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda affermattiva:

2)

Din id-dispożizzjoni tapplika, mutatis mutandis, għall-irkupru ta’ tali benefiċċji mingħand parti li tkun irċeviet, mingħand l-esportatur, id-dritt ta’ dan tal-aħħar għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

13

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwiex applikabbli għal proċedura ta’ rkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament lill-esportatur minħabba żball tal-awtoritajiet nazzjonali meta l-esportatur ma jkun wettaq ebda irregolarità.

14

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11), jipprovdi għal regoli ta’ preskrizzjoni f’dan il-qasam, iżda, skont l-Artikolu 54(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 3665/87, li ġie mħassar, jibqa’ madankollu japplika għall-esportazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, koperti b’dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni aċċettati qabel id-data li fiha beda japplika r-Regolament Nru 800/1999, jiġifieri l-.

15

L-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdu li, meta jsir ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammonti rċevuti indebitament, flimkien mal-interessi, li madankollu m’għandhomx jinġabru meta l-ħlas indebitu jkun sar b’riżultat ta’ żball tal-awtorità kompetenti jew, l-iktar l-iktar, għandu jinġabar ammont, li jiġi ddeterminat mill-Istat Membru, li jikkorrispondi għall-qligħ magħmul indebitament.

16

Madankollu, billi r-Regolament Nru 3665/87 ma jipprovdix għal regoli dwar il-preskrizzjoni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rċevuti indebitament, għandha ssir referenza għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

17

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika għal kull irregolarità kif iddefinita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

18

Huwa minnu li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 5 tiegħu kif ukoll għal dawk li jkunu s-suġġett ta’ miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, miżura li l-għan tagħha huwa l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament mingħajr madankollu ma għandha n-natura ta’ penali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C-278/02, Ġabra p. I-6171, punti 33 u 34).

19

Madankollu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fir-rigward ta’ proċeduri legali, terminu ta’ preskrizzjoni li jiddekorri minn meta ssir l-irregolarità li, skont l-Artikolu 1(2) tal-istess regolament, tkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas [ommissjoni] ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità […]”.

20

Issa, kif irrilevaw kemm il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “irregolarità”, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2988/95, jfisser li l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku.

21

Minn dan isegwi li, meta rifużjoni fuq l-esportazzjoni tkun tħallset indebitament lil operatur minħabba żball tal-awtoritajiet nazzjonali, tali sitwazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95.

22

Konsegwentement, ir-regola dwar il-preskrizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament mhijiex intiża li tapplika għall-proċeduri legali fir-rigward ta’ irregolaritajiet li jirriżultaw minn żbalji tal-awtoritajiet nazzjonali.

23

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tal-azzjoni għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament hija rregolata bir-regoli tal-liġi nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam.

24

Fil-fatt, il-kawżi dwar l-irkupru ta’ ammonti li jkunu tħallsu indebitament taħt id-dritt Komunitarju għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom, bla ħsara madankollu għall-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, fis-sens li l-modalitajiet previsti fil-liġi nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex jirrendu l-irkupru tal-għajnuna mogħtija indebitament prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċili u li l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali għandha ssir b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intizi sabiex jiġu deċiżi kawżi nazzjonali tal-istess tip (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Barra minn hekk, l-interess tal-Komunità għall-irkupru tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li jkunu ġew irċevuti bi ksur tal-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom għandu jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għal tali rkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

26

Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 mhuwiex applikabbli għal proċedura ta’ rkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament lil esportatur minħabba żball tal-awtoritajiet nazzjonali meta l-esportatur ma jkun wettaq ebda irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

27

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, mhuwiex applikabbli għal proċedura ta’ rkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament lil esportatur minħabba żball tal-awtoritajiet nazzjonali meta l-esportatur ma jkun wettaq ebda irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.