Kawżi magħquda C-278/07 sa C-280/07

Hauptzollamt Hamburg-Jonas

vs

Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb GmbH & Co. et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Artikolu 3 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni — Determinazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 — Regola ta’ preskrizzjoni li tagħmel parti mid-dritt ċivili ġenerali ta’ Stat Membru”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-25 ta’ Settembru 2008   I ‐ 460

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Jannar 2009   I ‐ 477

Sommarju tas-sentenza

  1. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej – Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità – Proċeduri legali kontra irregolaritajiet – Terminu ta’ preskrizzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

  2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej – Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità – Proċeduri legali kontra irregolaritajiet – Terminu ta’ preskrizzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1))

  3. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej – Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità – Proċeduri legali kontra irregolaritajiet – Terminu ta’ preskrizzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 3(3))

  1.  L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, li jistabbilixxi, fir-rigward ta’ proċeduri legali, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin li jiddekorri minn meta ssir l-irregolarità, japplika għall-miżuri amministrattivi bħall-irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija lill-esportatur minħabba f’irregolaritajiet imwettqa minn dan tal-aħħar.

    (ara l-punti 21, 23 u d-dispożittiv 1)

  2.  Fir-rigward tat-trattament mogħti lill-vantaġġi li wieħed jirċievi indebitament mill-baġit Komunitarju minħabba f’irregolaritajiet li ġew imwettqa qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa b’dan il-mod regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa b’mod volontarju naqqas għal erba’ snin it-terminu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaġixxu għan-nom u f’isem il-baġit Komunitarju, għandhom jew kellhom jirkupraw tali vantaġġi indebitament irċevuti.

    Fir-rigward tad-djun li jkunu qamu taħt regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni, li għadhom ma ġewx preskritti, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu bħala konsegwenza li, bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, tali dejn għandu jkun preskritt f’terminu ta’ erba’ snin li jibda jiddekorri minn meta jsiru l-irregolaritajiet. F’ċirkustanzi bħal dawn, bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba f’irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat bħala preskritt fin-nuqqas ta’ kull att sospensiv adottat fl-erba’ snin wara li jsiru irregolaritajiet, madankollu bla ħsara għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdu għal termini ta’ preskrizzjoni itwal.

    It-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa pprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għalhekk għal irregolaritajiet imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

    (ara l-punti 29, 31-34 u d-dispożittiv 2)

  3.  It-termini ta’ preskrizzjoni itwal li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, jistgħu jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ dritt komuni preċedenti għad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, jipprovdu dawn it-termini ta’ preskrizzjoni itwal f’regoli speċifiċi u/jew settorjali.

    (ara l-punti 46, 47 u d-dispożittiv 3)