SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Suq intern tal-enerġija elettrika — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 20 — Netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni — Aċċess ta’ terzi — Obbligi tal-Istati Membri — Aċċess liberu ta’ terzi għan-netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika”

Fil-Kawża C-239/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-, fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità mressqa minn

Julius Sabatauskas et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Sabatauskas et, minn G. Kaminskas, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Mackevičienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, p. 37, u r-rettifika fil-ĠU 2004, L 16, p. 74, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiem il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Litwana), imressqa minn J. Sabatauskat et, membru tal-Parlament Litwan, bil-għan li tiġi mistħarrġa l-kostituzzjonalità tal-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004 (Lietuvos Respublikos elektros energetikos įstatymo pakeitimo įstatymas Nr. IX-2307, in., Ži 2004, Nr. 107-3964).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal [sejħiet għall-]offerti u l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta' sistemi”.

4

It-tieni, ir-raba’, is-seba’, it-tlettax, il-ħmistax u s-sbatax-il premessi tad-Direttiva jipprovdu dan li ġej:

“(2)

L-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva turi l-benefiċċji li jistgħu jiġu mis-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku, f'termini ta’ żieda fl-effiċjenza, tnaqqis fil-prezzijiet, standards ogħla fis-servizz u żieda fil-kompetittività. Madankollu, defiċjenzi u possibilitajiet importanti dwar it-titjib fit-tħaddim tas-suq żgur li jibqgħu, u għalhekk huma meħtieġa dispożizzjonijiet konkreti b’mod speċjali biex ikun żgurat livell uniformi fil-ġenerazzjoni u fit-tnaqqis ta’ riskji tad-dominanza tas-suq u tas-serq, biex ikunu żgurati t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta' tariffi li ma jkunux diskriminatorji, permezz ta’ l-aċċess għan-netwerks fuq il-bażi ta’ tariffi ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, […]

[…]

(4)

[Il-libertajiet] li t-Trattat [KE] jiggarantixxi liċ-ċittadini Ewropej — il-moviment liberu ta’ l-oġġetti, il-libertà li jiġu provduti s-servizzi u [l-libertà ta’ stabbiliment] — ikunu possibbli biss f’suq miftuħ kompletament, li jħalli lill-konsumaturi kollha biex b’mod ħieles jagħżlu lil min ifornihom u li dawk kollha li jfornu jkunu ħielsa li jqassmu l-prodott tagħhom lill-klijenti tagħhom.

(5)

L-ostakli ewlenin biex wieħed jasal għal suq intern kompetittiv u li jitħaddem b'mod sħiħ huma marbuta fost oħrajn ma’ kwistjonijiet ta’ aċċess għan-netwerks, kwistjonijiet ta’ tarifikazzjoni u gradi differenti ta’ ftuħ ta’ swieq bejn l-Istati Membri.

(6)

Biex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiffunzjona sew, l-aċċess għan netwerks għandu jkun wieħed mhux diskriminatorja, trasparenti u prezzat b'mod ġust.

(7)

Biex jitkompla s-suq intern ta’ l-elettriku, l-aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ l-operatur tat-trażmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni huwa ta’ importanza kbira. […]

[…]

(13)

Għandhom jittieħdu miżuri oħra li biex ikun hemm aċċess għan-netwerks jiġu żgurati tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji. Dawk it-tariffi għandhom ikunu japplikaw [għall]-utenti kollha tas-sistema fuq bażi non-diskriminatorja.

[…]

(15)

Il-preżenza ta’ regolament effettiv, imwettaq minn awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar, hija fattur importanti biex tiggarantixxi aċċess non-diskriminatorju għan-netwerks. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-funzjonijiet, il-kompetenzi u s-setgħat amministrattivi ta’ l-awtoritajiet regolatorji. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri kollha jaqsmu l-istess sett minimu ta’ kompetenzi. Dawk l-awtoritajiet għandhom ikollhom il-kompetenza li jiffissaw u japprovaw it-tariffi, jew inkella, il-metodoloġiji li ma jkunux jidhru dwar il-kalkulazzjoni tat-tariffi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni. Biex tkun evitata l-inċertezza u kwistjonijiet li jqumu flus u li jdumu, dawn it-tariffi għandhom jiġu pubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.

[…]

(17)

Biex ikun żgurat l-aċċess effettiv tas-suq għal dawk kollha li jieħdu sehem fis-suq, inklużi dawk ġodda, huma meħtieġa mekkaniżmi bilanċjanti li jkunu non-diskriminatorji u jirriflettu tabilħaqq in-nefqa. Hekk kif is-suq ta’ l-elettriku jkun wieħed likwidu biżżejjed, dan għandu jintlaħaq permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi trasparenti bażati fuq is-suq għall-provvista u x-xiri ta’ elettriku meħtieġ fil-qafas tal-kriterji bilanċjanti. Fin-nuqqas ta’ suq likwidu bħal dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom l-irwol attiv biex ikun żgurat li t-tariffi bilanċjanti ikunu non-diskriminatorji u jirriflettu tabilħaqq in-nefqa. Fl-istess waqt, għandhom ikunu pprovduti inċentivi xierqa biex jibbilanċjaw il-kurrent u l-użu ta’ l-elettriku u mhux biex jipperikolaw is-sistema.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

3)

‘trażmissjoni’ tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jkunx jinkludi l-provvista;

[…]

5)

‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda ma jkunx jinkludi l-provvista;

[…]

7)

‘klijenti’ tfisser klijenti bl-ingrossa u finali ta’ l-elettriku;

[…]

9)

‘klijenti finali’ tfisser klijenti li jixtru l-elettriku għall-użu tagħhom;

10)

‘klijenti domestiċi’ tfisser klijenti li jixtru l-elettriku għall-konsum tagħhom fid-dar, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet kummerċjali jew professjonali;

[…]

12)

‘klijenti eliġibbli’ tfisser klijenti li jkunu ħielsa li jixtru elettriku minn fornitur ta’ l-għażla tagħhom fis-sens ta’ l-Artikolu 21 ta’ din id-Direttiva;

[…]

18)

‘utenti tas-sistema’ tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li tforni lil, jew li tkun fornuta minn, sistema ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni;

19)

‘provvista’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, ta’ elettriku lill-klijenti;

[…]”

6

Mill-Artikolu 21(1)(c) tad-Direttiva jirriżulta li b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu klijenti eliġibbli fis-sens tad-Direttiva.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “L-Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijent”, jipprovdi

“[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jaraw bħala xieraq, l-impriżi ż-żgħar, (speċjalment impriżi b’inqas minn 50 persuna impjegata u b’turnover annwali jew karta bilanċjanti li ma tkunx taqbeż l-10 miljun Ewro), ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jkunu raġonevoli, kumparabbli b’mod ħafif u ċar u trasparenti. Biex tkun żgurata d-disposizzjoni ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. L-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-kumpaniji tad-distribuzzjoni l-obbligu li jgħaqqdu lill-klijenti mal-grid tagħhom taħt termini, kondizzjonijiet u tariffi li jkunu stabbiliti f’konformità mal-proċedura li hemm fl-Artikolu 23(2). Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jħalli lill-Istati Membri milli jsaħħu l-pożizzjoni tas-suq tal-konsumaturi domestiċi, żgħar u medji billi jmexxu’l quddiem il-possibilitajiet ta’ aggregazzjoni volontarja tar-rappreżentanza għal din il-klassi ta’ konsumaturi.

L-ewwel sotto-paragarfu għandu jiġi implimentat f’manjiera trasparenti u non-diskriminatorja u m’għandux jimpedixxi l-ftuħ tas-suq li hemm provdut fl-Artikolu 21.

[…]”

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Regoli tekniċi”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji ta’ sigurtà teknika jkunu definiti u li r-regoli tekniċi li jistabbilixxu d-disinn tekniku minimu u l-kriterji minimi tat-tħaddim għall-konnettività mas-sistema ta’ l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, sistemi ta' distribuzzjoni, tagħmir tal-konsumatur imqabbad direttament, ċirkwiti interkonnettivi u l-linji diretti jkunu żviluppati u magħrufa pubblikament. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jiżguraw it-tħaddim bejn is-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u non-diskriminatorji. […]”

9

L-Artikolu 20 tad-Direttiva, intitolat “L-Aċċess ta’ terzi partijiet”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq tariffi ppubblikati, li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu moħbija fil-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ f’konformità ma’ l-Artikolu 23 u li dawn it-tariffi, u il-metodoloġiji — fejn il-metodoloġiji jkunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.

2.   L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fejn dan tkun tonqsu l-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, b’mod partikolari wara li jkun ġie kkunsidrat l-Artikolu 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn ikun xieraq u meta jseħħ dan ir-rifjut ta’ l-aċċess, li l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew distribuzzjoni jipprovdi l-informazzjoni relevanti fuq miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-infurzar tan-netwerks. Il-parti li tagħmel talba għal tali informazzjoni tista’ tiġi ċċarġjata miżata raġonevoli li tkun tirrifletti n-nefqa biex tkun ipprovduta din l-informazzjoni.”

10

L-Artikolu 23 tad-Direttiva, intitolat “L-Awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw entità jew entitajiet kompetenti bħala awtoritajiet regolatorji. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu indipendenti b’mod sħiħ mill-interessi ta’ l-industrija ta’ l-elettriku. Dawn għandhom, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, ikunu minn ta’ l-anqas responsabbli biex jiżguraw in-non-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq, waqt li tissorvelja b’mod partikolari:

[…]

(ċ)

iż-żmien meħud mill-impriżi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni biex isiru l-konnessjonijiet u t-tiswijiet;

[…]

f)

it-termini, il-kondizzjonijiet u t-tariffi għal biex jitqabbdu produtturi ġodda ta’ l-elettriku biex ikun iggarantit li dawn ikunu tabilħaqq oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, waqt li jikkunsidraw b’mod partikolari l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ diversi tekonoloġiji ta’ egħjun ta’ enerġija mġedda, il-ġenerazzjoni distribwita u l-qawwa u s-sħana kumbinati;

[…]

2.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu reponsabbli minn ta’ l-anqas għall-iffissar u l-approvazzjoni, qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, tal-metodoloġiji użati biex ikunu kkalkulati u stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:

a)

il-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi tariffi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Dawn it-tariffi, jew metodoloġiji, għandhom jippermettu l-investmenti meħtieġa fin-netwerks biex dawn jitwettqu f’manjiera li tkun tippermetti li dawn l-investimenti jkunu jiżguraw tabilħaqq il-vijabilità tan-netwerks;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fl-1 ta’ Lulju 2004 l-Parlament Litwan adotta l-Liġi nru IX-2307 li temenda l-liġi dwar l-enerġija elettrika. L-imsemmija Liġi Nru IX-2307 kienet b’mod partikolari intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-.

12

L-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, jipprovdi dan li ġej:

“L-amministratur tan-netwerk ta’ trażmissjoni għandu jiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni tal-produtturi tal-enerġija elettrika, tal-amministraturi tan-netwerk u tat-tagħmir tal-klijenti man-netwerk ta’ trażmissjoni jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mil-liġi u ma jkunux diskriminatorji. It-tagħmir tal-klijent jista’ jiġi konness ma netwerk ta’ trażmissjoni biss jekk l-amministratur tan-netwerk jirrifjuta, minħabba rekwiżiti tekniċi jew ta’ tħaddim stabbiliti, li jaqbad man-netwerk it-tagħmir tal-klijent li jkun jinsab fiż-żona ta’ attività definita fil-liċenzja tal-amministratur tan-netwerk.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-Litwanja t-tagħmir tal-parti kbira tal-klijenti tal-enerġija elettrika, jiġifieri l-konsumaturi tal-enerġija elettrika, huma konnessi ma netwerks ta’ distribuzzjoni operati minn żewġ amministraturi ta’ dan it-tip ta’ netwerk. Dawn iż-żewġ amministraturi huma l-utenti prinċipali tan-netwerk ta’ trażmissjoni. Barra minn dan, ħames kumpanniji jamministraw netwerks lokali ta’ distribuzzjoni li huma intiżi sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess u l-ħtiġijiet ta’ persuni li joqgħodu f’territorju li mhuwiex kbir wisq. Fl-aħħar nett, sitt kumpanniji li jamministraw impriżi industrijali huma konnessi direttament ma netwerks ta’ trażmissjoni. Dawn il-konnessjonijiet imorru lura għall-era Sovjetika, jiġifieri fi żmien fejn ma kinitx issir distinzjoni bejn il-ġenerazjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika. B’konsegwenza ta’ dan, ċerti konsumaturi tal-enerġija elettrika baqgħu konnessi mal-installazzjonijiet ta’ dawn l-impriżi industrijali u l-provvista tagħhom tiddependi fuq il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-imsemmija impriżi.

14

Wara li ġiet emendata l-liġi dwar l-enerġija elettrika, permezz tal-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, b’mod partikolari wara l-emenda tal-Artikolu 15(2) tagħha, il-klijenti l-ġodda ma setgħux jagħżlu liberament it-tip ta’ netwerk li miegħu jqabbdu t-tagħmir tagħhom u kellhom jaqbdu ma netwerk. Huwa biss fil-każ fejn l-amministratur tan-netwerk jirrifjuta li jqabbdu man-netwerk tiegħu, minħabba rekwiżiti tekniċi jew ta’ tħaddim, li l-klijent ikkonċernat jista’ jqabbad t-tagħmir tiegħu man-netwerk ta’ trażmissjoni.

15

Grupp ta’ membri parlamentari interpellaw lil-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas b’domanda intiża għall-istħarriġ ta’ jekk l-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, huwiex konformi mal-Kostituzzjoni. Din il-qorti tfakkar li skont l-Artikolu 102 tal-Kostituzzjoni hija hija inkarigata mill-istħarriġ tal-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni. Hija tindika li hija tista’ tiġi adita, b’mod parikolari, minn grupp ta’ membri parlamentari. Meta hija tanalizza l-kostituzzjonalità ta’ liġi, hija tagħti deċiżjoni fuq kontroversja bejn dak jew dawk li interpellawha u l-istituzzjoni li adottat il-liġi kkontestata, jiġifieri l-Parlament Litwan. Ma hemmx appell mid-deċiżjonijiet tagħha.

16

Il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas tindika li skont il-Kostituzzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tifforma parti mis-sistema legali tar-Repubblika tal-Litwanja u li, fil-każ fejn din tkun tirriżulta mit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, din il-leġiżlazzjoni hija applikabbli direttament u, fil-każ ta’ kunflitt ta’ leġiżlazzjonijiet, din tieħu l-preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, peress li d-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 45 KE, 55 KE u 95 KE, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-Direttiva.

17

Skont il-membri parlamentari li interpellaw lill-imsemmija qorti, l-Artikolu 15(2) ma jistabbilixxix il-libertà tal-klijent li jagħżel bejn netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk sabiex iqabbad it-tagħmir tiegħu miegħu. L-Artikolu 20 tad-Direttiva la jipprojbixxi espliċitament il-konnessjoni tat-tagħmir tal-klijent tal-enerġija elettrika ma’ netwerk ta’ trażmissjoni u lanqas ma jimponi l-obbligu li tali konnessjoni għandha ssir esklużivament ma netwerk.

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bil-kontra ta’ dan, il-Parlament Litwan iqis li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeterminaw ir-regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk tal-enerġija elettrika. Quddiem il-qorti tar-rinviju qed tiġi invokata ittra tal-21 ta’ Diċembru 2005 min-naħa tas-sur Piebalgs, membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej inkarigat mill-enerġija, fejn huwa indikat li d-direttiva “ma teżiġix li l-klijent għandu jingħata d-dritt li b’mod diskrezzjonali jagħżel bejn konnessjoni ma netwerk ta’ trażmissjoni jew inkella ma netwerk ta’ distribuzzjoni. Il-klijent għandu d-dritt li jiġi konness ma netwerk tal-enerġija elettrika; l-implementazzjoni konkreta ta’ dan l-aħħar netwerk hija kwistjoni li taqa’ fil-kuntest tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà”

19

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata li mill-kliem tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom joħolqu sistema fejn il-klijenti li jitolbu dan ikunu jistgħu jaċċedu kemm għan-netwerk ta’ trażmissjoni u kif ukoll għan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li l-kwistjonijiet ta’ konnessjoni man-netwerks tal-enerġija elettrika għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha, li għandhom għanijiet ta’ natura soċjali, jiġifieri l-provvista tas-servizz universali, il-protezzjoni tal-konsumaturi jew il-protezzjoni tal-ambjent. Issa jidher li anki l-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, għandu dawn l-għanijiet.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 20 tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi li kull persuna terza għandha, b’mod diskrezzjonali u dejjem sakemm in-netwerk tal-enerġija elettrika għandu l-‘kapaċità meħtieġa’, id-dritt li tagħżel ma’ liema netwerk — dak tat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika jew dak tad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika — hija tixtieq taqbad, u l-amministratur tan-netwerk ikkonċernat huwa obbligat li jipprovdilu l-aċċess għan-netwerk?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi, minn naħa, li kull persuna terza tista’, b’mod diskrezzjonali, tagħżel it-tip ta’ netwerk, ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, li magħha hija tixtieq taqbad jew li miegħu hija tixtieq li tiġi konnessa u, min-naħa l-oħra, jekk l-amministrattur tan-netwerk huwiex obbligat jippermettilha taċċedi jew tqabbad ruħha man-netwerk tiegħu fil-każ fejn dan ikun jiddisponi mill-kapaċità neċessarja.

Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Artikolu 20 tad-Direttiva jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li joħolqu sistema ta’ aċċess għan-netwerks li tippermetti li l-klijenti kollha li jitolbu dan ikunu jistgħu jaċċedu kemm għan-netwerks ta’ trażmissjoni u kif ukoll għan-netwerks ta’ distribuzzjoni. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tinsab fil-Artikolu 20(2) tal-istess Direttiva. Mid-definizjoni tat-terminu “trażmissjoni” pprovduta fl-Artikolu 2 tad-Direttiva jirriżulta li t-trasport tal-enerġija elettrika sa għand il-klijent tista’ tkun diretta mingħajr ma jintużaw netwerks ta’ distribuzzjoni.

23

L-Artikolu 15(2) tal-liġi dwar l-enerġija elettrika, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru IX-2307 tal-1 ta’ Lulju 2004, ma jagħtix lill-klijent d-dritt li jagħżel ma liema netwerk għandu jiġi konness t-tagħmir tiegħu. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni hija diskriminatorja u tmur kontra l-għan tad-Direttiva. Din in-nuqqas ta’ għażla tikser id-drittijiet tal-konsumaturi.

24

Il-Gvernijiet tal-Litwanja u tal-Finlandja, li magħhom ingħaqdet il-Kummissjoni matul is-seduta, isostnu li għal-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “aċċess għan-netwerk” u ta’ “konnessjoni man-netwerk”. L-aċċess għan-netwerk jinkludi l-possibbiltà li n-netwerk jintuża skont tariffa ppubblikata. Il-konnessjoni man-netwerk tirrigwarda l-konnessjoni fiżika man-netwerk. L-imsemmi Artikolu 20 jikkonċerna biss l-obbligi li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw sabiex jippermettu li terzi jkollhom aċċess liberu għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u mhux il-kwistjoni tal-konnessjoni ma dawn in-netwerks.

25

Il-Gvern Litwan iqis li f’dak li jirrigwarda l-konnessjoni tal-klijenti man-netwerks id-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri biss l-obbligi tas-servizz universali previst fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva u l-ebda obbligu ieħor.

26

Dan il-Gvern isostni li, billi jqabbad ruħu ma netwerk tal-enerġija elettrika, il-klijent jaċċedi għal dan in-netwerk. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tassiguralu aċċess għan-netwerks tal-enerġija elettrika u, darra minn dan, tiggarantixxi r-rispett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u ta’ provvista tas-servizz universali previsti mill-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva.

27

Mill-bqija, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li bħala prijorità jipprovdu konnessjoni tal-klijenti man-netwerks ta’ distribuzzjoni u biss sussidjarjament, konnessjoni man-netwerk ta’ trażmissjoni. Is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha b’mod partikolari l-għan li tevita li klijenti kbar jaqbdu direttament ma netwerks ta’ trażmissjoni, ħaġa li jkollha bħala konsegwenza li l-piż relatat man-netwerks ta’ distribuzzjoni jinġarr biss mill-klijenti ż-żagħar u konsegwentement żieda ta’ bejn 10 u 30 % fil-prezzijiet tal-enerġija elettrika. Barra minn hekk, il-liberta fl-għażla tal-konnessjoni ma’ netwerk ta’ trażmissjoni tkun ta’ ħsara għall-iżvilupp ottimali tan-netwerks.

28

Skont il-Gvern Finlandiż, il-kunċett ta’ “terzi” li jinsab fl-Artikolu 20 tad-Direttiva jikkontempla fornituri oħrajn tal-enerġija elettrika li mhumiex l-unità ta’ impriża integrata vertikalment li tiggarantixxi l-ġenerazzjoni u l-provvista tal-enerġija elettrika. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-aċċess tal-konsumaturi għan-netwerks.

29

Skont il-Gvern Taljan, id-Direttiva ma tagħtix lill-klijent il-libertà li jagħżel, b’mod diskrezzjonali, in-netwerk li miegħu huwa jixtieq iqabbad ruħu. Dan għandu preliminarjament jikkonforma ruħu mas-“sistema ta’ aċċess” stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk il-klijent għandu dritt ta’ aċċess għas-sistema li huwa suġġett għal kundizzjonijiet. Madankollu, jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jobbligaw lill-klijenti li l-ewwel imorru għand amministrattur ta’ netwerk, dan isarraf f’preġudizzju għal-libertà tal-għażla tal-klijent u jista’ jkun hemm ir-riskju li l-amministratur tan-netwerk japplika r-regoli ta’ aċċess b’mod diskriminatorju.

30

Skont il-Kummissjoni, peress li l-kwistjoni tal-konnessjoni ma taffettwax direttament il-liberalizzazzjoni tas-suq intern, din titħalla fil-kompetenza tal-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-konnessjoni tal-klijenti l-iktar vulnerabbli li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu servizz universali, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Għandu jiġi mfakkar li l-għan tad-Direttiva huwa dak li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija elettrika. Skont is-sitt u s-seba premessa tagħha, l-aċċess għan-netwerk li ma jkunx diskriminatorju u li jkun trasparenti u disponibbli bi prezz ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u huwa ta’ importanza kbira sabiex jitkompla s-suq intern tal-enerġija elettrika (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks, C-439/06, Ġabra p. I-3913, punti 38 u 40).

32

Ir-raba’ premessa tad-Direttiva tindika li suq kompletament miftuħ għandu jkun jippermetti li l-konsumatur jagħżel liberament il-fornitur tiegħu u li l-fornitur ikun jista’ liberament jipprovdi l-prodotti tiegħu lill-klijenti tiegħu.

33

Min dan kollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, minn naħa, sabiex il-klijenti eliġibbli jkunu jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom, dawn għandhom ikunu jistgħu jaċċedu għan-netwerk tat-trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jwasslu l-enerġija elettrika s’għand il-klijenti u, min-naħa l-oħra, li l-aċċess liberu ta’ terzi għan-netwerks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplementaw sabiex wieħed jasal għas-suq intern fil-qasam tal-enerġija elettrika (ara s-sentenza citiworks, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

34

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi investigat x’jinkludu l-kunċetti ta’ “aċċess għan-netwerk” u ta’ “terzi” fis-sens indikat mill-Artikolu 20 tad-Direttiva u li jiġu ddeterminati l-obbligi li dan l-Artikolu 20 jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jassiguraw l-aċċess ta’ terzi għan-netwerks.

35

L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi implementata “[għall-klijenti kollha eliġibbli], sistema ta' aċċess [ta’ terzi għan-netwerks] ta' trażmissjoni u distribuzzjoni” u li din is-sistema “[għandha tiġi applikata] b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti [tan-netwerk]”.

36

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “aċċess għan-netwerk”, għandu jsir magħruf jekk, hekk kif isostnu l-Gvernijiet tal-Litwanja u tal-Finlandja u, matul is-seduta, l-Kummissjoni, għandiex issir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “aċċess għan-netwerk” u dak ta’ “konnessjoni man-netwerk”.

37

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li hemm xi differenzi bejn ċertu verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva. Fil-fatt, kemm l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) u kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) jużaw, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, il-kelma “aċċess”. Dan huwa minnhu, inter alia, għall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“acceso”), Ġermaniża (“Zugang”), Inġliża (“access”), Franċiża (“accès”) u Taljana (“accesso”). Min-naħa l-oħra, il-verżjoni bil-lingwa Litwana tad-Direttiva tuża, fl-Artikolu 20(1), il-kelma “prieiga”, li bil-Malti tista’ tiġi tradotta bħala “aċċess”, filwaqt li fl-Artikolu 20(2) din tuża l-kelma “prisijungti”, li bil-Malti tista’ tiġi tradotta bħala “jiġi konness” jew “jiġi mqabbad”. Il-kelma “prisijungti” tintuża wkoll fit-tieni u fis-sitt premessa tal-verżjoni Litwana tad-Direttiva filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ċċitati jużaw il-kelma “aċċess” jew l-ekwivalenti tagħha.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorita fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Approċċ bħal dan ikun, effettivament, inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16, u tat-, Endendijk, C-187/07, Ġabra p. I-2115, punt 23).

39

Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test Komunitarju, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għalhekk tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000 EKW u Wein & Co, C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 42, tal-, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25, kif ukoll is-sentenza Endendijk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

40

Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “aċċess” u “konnessjoni” għandhom, fid-Direttiva, sinjifikati differenti. Il-kelma “aċċess” hija marbuta mal-provvista tal-enerġija elettrika, u fost l-oħrajn tinkludi l-kwalità, ir-regolarità u l-ispiża tas-servizz. Din ta’ spiss tintuża fil-kuntest tal-garanzija tat-tariffi mhux diskriminatorji. Għaldaqstant, mit-tieni u mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-aċċess għan-netwerk abbażi ta’ tariffi ppubblikati qabel ma jidħlu fis-seħħ jiggarantixxi tariffi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni mhux diskriminatorji, mis-sitt premessa tad-Direttiva jirriżulta li dan l-aċċess m’għandux ikun diskriminatorju u għandu jkun trasparenti u disponibbli bi prezz ġust, mill-ħmistax—il premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-intervent ta’ awtoritajiet regolatorji jiggarantixxi l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk li ma jkunux diskriminatorji u mis-sbatax-il premessa tad-Direttiva jirriżulta li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti mekkaniżmi bilanċjanti li ma jkunux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż sabiex jiġi ggarantit li l-operaturi kollha fis-suq ikollhom aċċess effettiv għas-suq.

41

Il-kelma “konnessjoni” iktar tintuża f’kuntest tekniku u tirrigwarda l-konnessjoni fiżika man-netwerk. Għalhekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu elaborati u ppubblikati regoli tekniċi li jiffissaw ir-rekwiżiti tekniċi minimi tad-disinn u tat-tħaddim fil-qasam tal-konnessjoni man-netwerk ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni, ta’ tagħmir tal-klijenti mqabbad direttament, ta’ ċirkwiti interkonnettivi u ta’ linji diretti. Bl-istess mod, l-Artikolu 23(1)(c) tad-Direttiva jindika li l-awtoritajiet regolatorji huma inkarigati li jassiguraw nuqqas ta’ diskriminazzjoni u kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda ż-żmien meħud mill-impriżi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex isiru l-konnessjonijiet. L-imsemmija awtoritajiet għandhom ukoll, skont l-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva, jiffissaw u japprovaw il-metodi sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni man-netwerks. Fuq dan il-punt, kif ġustament osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, l-imsemmi artikolu 23(2)(a) fl-istess sentenza juża kemm il-kelma “aċċess” u kif ukoll il-kelma “konnessjoni”. Minn dan jirriżulta li ż-żewġ kelmiet għandhom sinjifikati differenti. Barra minn hekk, ta’ min isemmi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva li jindika li, sabiex jassiguraw il-provvista ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi ta’ distribuzzjoni l-obbligu li jqabbdu lill-klijenti man-netwerk tagħhom.

42

Għaldaqstant, minn dan l-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jirriżulta, hekk kif ġustament osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 36 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-aċċess għan-netwerk għandu jinftiehem bħala d-dritt li wieħed juża n-netwerk tal-enerġija elettrika u li l-konnessjoni tfisser il-konnessjoni fiżika man-netwerk. L-Artikolu 20 tad-Direttiva jindika biss l-obbligi li l-Istati Membri għandhom f’dak li jirrigwarda l-aċċess għan-netwerks u mhux fir-rigward tal-konnessjoni ma dawn in-netwerks.

43

Għalhekk, peress li, minn naħa, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ma jinkludux il-provvista tal-enerġija elettrika u peress li, min-naħa l-oħra, il-klijenti eliġibbli għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jaċċedu għan-netwerks kif ġie mfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, minn dan jirriżulta li d-dritt li l-klijenti eliġibbli għandhom għal aċċess għan-netwerks għandu jiġi eżerċitat permezz ta’ fornitur li l-imsemmija klijenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liberament. Kif tindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-Konklużjonijiet tagħha, din il-libertà ta’ għażla hija wkoll iggarantita, kemm jekk il-fornitur iqabbadhom ma netwerk ta’ trażmissjoni jew inkella jekk iqabbadhom ma netwerk.

44

F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “terzi”, għandu jiġi kkonstatat li l-istess kliem tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva jippreċiża dan il-kunċett billi juża wkoll il-kunċett ta’ “utenti [tan-netwerk]”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 2(18) tad-Direttiva u li jinkludi persuni fiżiċi jew legali li jfornu lil, jew li jiġu forniti minn, netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni. Il-klijenti huma fost dawn il-persuni.

45

Minn dan jirriżulta li, billi jinkludi l-utenti tan-netwerk fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva jagħti wkoll lill-klijenti eliġibbli dritt ta’ aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk.

46

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva huwa dak li l-aċċess għan-netwerk ikun liberu, u dan jikkostitwixxi, kif ġie imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, miżura essenzjali sabiex jintlaħaq suq intern tal-enerġija elettrika, u li dan l-aċċess għan-netwerk għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti u kif ukoll fuq tariffi ppubblikati qabel ma jidħlu fis-seħħ u li l-imsemmi aċċess ma jkunx diskrezzjonali.

47

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jidderiġu lill-utenti tan-netwerk lejn tali jew tali netwerk, madankollu sakemm huma jagħmlu dan għal raġunijiet li ma jkunux diskriminatorji u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi. Għalhekk, l-utenti tan-netwerk għandhom dritt ta’ aċċess għal netwerk tal-enerġija elettrika iżda l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-konnessjoni għandha ssir fuq tali jew tali tip ta’ netwerk. Madankollu għandu jiġi vverifikat li l-kriterji adottati mill-Istati Membri jkunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

48

F’dan ir-rigward, l-għan li jiġi evitat li klijenti kbar jaqbdu direttament ma netwerks ta’ trażmissjoni, ħaġa li jkollha bħala konsegwenza li l-piż relatat man-netwerks ta’ distribuzzjoni jinġarr biss mill-klijenti ż-żgħar u konsegwentement żieda fil-prezzijiet tal-enerġija elettrika, jista’ jiġġusstifika l-obbligu li l-konnessjoni ma netwerk tingħata prijorità. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn ir-raġunijiet humiex reali u jekk humiex ibbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li t-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 20 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi l-obbligi tal-Istati Membri biss f’dak li jirrigwarda l-aċċess u mhux il-konnessjoni ta’ terzi man-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u li ma jipprovdix li s-sistema ta’ aċċess għan-netwerks li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu għandha tkun tippermetti li l-klijenti eliġibbli jkunu jistgħu, b’mod diskrezzjonali, jagħżlu t-tip ta’ netwerk li miegħu jixtiequ jaqbdu. L-imsemmi Artikolu 20 għandu wkoll jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-tagħmir tal-klijent eliġibbli jista’ jiġi konness ma netwerk ta’ trażmissjoni biss jekk l-amministratur ta’ netwerk jirrifjuta, minħabba rekwiżiti tekniċi jew ta’ tħaddim stabbiliti, li jaqbad man-netwerk tiegħu t-tagħmir tal-klijent eliġibbli li jkun jinsab fiż-żona ta’ attività definita fil-liċenzja tiegħu. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-implementazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din is-sistema jsiru skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bejn l-utenti tan-netwerks.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi l-obbligi tal-Istati Membri biss f’dak li jirrigwarda l-aċċess u mhux il-konnessjoni ta’ terzi man-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u li ma jipprovdix li s-sistema ta’ aċċess għan-netwerks li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu għandha tkun tippermetti li l-klijenti eliġibbli jkunu jistgħu, b’mod diskrezzjonali, jagħżlu t-tip ta’ netwerk li miegħu jixtiequ jaqbdu.

 

L-imsemmi Artikolu 20 għandu wkoll jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-tagħmir tal-klijent eliġibbli jista’ jiġi konness ma netwerk ta’ trażmissjoni biss jekk l-amministratur ta’ netwerk jirrifjuta, minħabba rekwiżiti tekniċi jew ta’ tħaddim stabbiliti, li jaqbad man-netwerk tiegħu t-tagħmir tal-klijent eliġibbli li jkun jinsab fiż-żona ta’ attività definita fil-liċenzja tiegħu. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-implementazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din is-sistema jsiru skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bejn l-utenti tan-netwerks.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.