Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2008 – Il‑Kummissjoni vs L-Olanda

(Kawża C-230/07)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2002/22/KE – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza – Lokalizzazzjoni ta’ min jagħmel it-telefonata – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-terminu previst”

Stati Membri - Obbligi - Implementazzjoni tad-direttivi - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Ġustifikazzjoni - Inammissibbiltà (Artikolu 226 KE) (ara l-punti 16-21)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Nuqqas li jadotta, fit-terminu previst, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51).

Dispożittiv

1)

Billi ma pprovdiex, fir-rigward tat-telefonati għan-numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza “112”, l-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta’ min jagħmel it-telefonata għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet li jintervjenu fl-emerġenzi, sa fejn dan huwa teknikament possibbli, ir-Renju tal-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”).

2)

Ir-Renju tal-Olanda huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)

Ir-Repubblika tal-Litwanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.