SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Direttiva 2003/96/KE — Struttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku — Artikolu 14(1)(a) — Eżenzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku — Possibbiltà ta’ tassazzjoni għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent — Effett dirett tal-eżenzjoni”

Fil-Kawża C-226/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2007, fil-proċedura

Flughafen Köln/Bonn GmbH

vs

Hauptzollamt Köln,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Flughafen Köln/Bonn GmbH, minn D. Schiebold u A. Richter, Rechtsanwälte,

għall-Hauptzollamt Köln, minn O. Meyer, Oberregierungsrat, u K. Deutschmann, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Flughafen Köln/Bonn GmbH u, min-naħa l-oħra, il-Hauptzollamt Köln (awtorità doganali ta’ Cologne) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas lura t-taxxa mħallsa minn dik tal-ewwel, għas-sena 2004, fuq in-nafta użata biex jiġi prodott l-elettriku.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-ewwel sas-sitt premessa tad-Direttiva 2003/96 huma fformulati kif ġej:

“(1)

L-iskop tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 fuq l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-Sisa fuq żjut minerali [(ĠU L 316, p.12) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 365, p.46)], u tad-[D]irettiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 fuq l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxi tas-Sisa fuq żjut minerali [(ĠU L 316, p. 19), kif emendata bid-Direttiva 94/74], hija ristretta [huwa ristrett] għal żjut minerali.

(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet [dispożizzjonijiet] tal-Komunità li timponi [jimponu] rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet [il-funzjonament] kif suppost tas-suq intern.

(3)

Il-funzjonijiet [il-funzjonament] kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u [li] jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar [bejn] livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun [jistgħu jkunu] ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas [jista’ jnaqqas] differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implementazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku skont din id-direttiva.

5

L-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(5) tal-istess direttiva, jipprovdi li, għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva, it-termini “prodotti ta’ enerġija” għandhom japplikaw għall-prodotti “li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715”, hekk kif jidhru fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 279, p. 1), jiġifieri, b’mod partikolari, in-nafta, li taqa’ taħt l-intestatura 2710 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”).

6

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/96, “[i]l-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli mi[n]imi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva”.

7

L-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu li, mill-1 ta’ Jannar 2004, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-karburanti u għall-karburanti li jsaħħnu kif ukoll għall-elettriku għandhom jiġu stabbiliti skont l-Anness I ta’ din l-istess direttiva.

8

Skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96:

“1.   Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla [fid-]Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE, [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p.1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/47/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 2000 (ĠU L 193, p.73)] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

a)

prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissottomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. F’każ bħal dan, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif imniżżel fl-Artikolu 10.”

9

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi dan li ġej:

“Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess għandha tiġi kkonsidrata bħala distributur. Minkejja l-Artikolu 14(1)(a), Stati Membri jistgħu jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-elettriku jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku.”

10

L-Artikolu 28(1) sa (3) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“1.   Stati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrativi neċessarji biex iħarsu ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003. Huma għandhom jinfurmaw b’dan mill-ewwel lil Kummissjoni.

2.   Huma għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2004, ħlief id-disposizzjonijiet stabbiliti f’L-Artikoli 16 u 18(1), li jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri mill-1 ta’ Jannar 2003.

3.   Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom iżommu xi riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom din ir-riferenza magħhom fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċċjali tagħhom. Il-metodi kif issir riferenza ta’ dan it-tip għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.”

11

Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva:

“Minkejja l-Artikolu 28(2), [id-]Direttivi 92/81/KEE u 92/82/KEE għandhom jiġu mneħħija mill-31 ta’ Diċembru 2003.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Il-Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuergesetz), tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 1992 I, p. 2185, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali”), hekk kif kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 1 — Definizzjonijiet

1)   Iż-żjut minerali għandhom ikunu suġġetti, fit-territorju fiskali, għat-taxxa fuq iż-żjut minerali […]

2)   Iż-żjut minerali, fis-sens ta’ din il-Liġi, huma:

[…]

4.

il-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 2710 tan-[NM],

Artikolu 2 — Rata normali, definizzjonijiet.

1)   It-taxxa għandha tammonta

[…]

4.

għal 1000 litru ta’ nafta fis-subintestatura 27100069 tan-[NM]

a)

b’kontenut ta’ sulfat ta’ iktar minn 10 mg/kg, għal EUR 485,70,

b)

b’kontenut massimu ta’ sulfat ta’ 10 mg/kg, għal EUR 470,40 […]”

13

Il-Liġi dwar it-taxxa fuq l-elettriku (Stromsteuergesetz), tal-24 ta’ Marzu 1999 (BGBl. 1999 I, p. 378), hekk kif kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tipprovdi, fl-Artikolu 9(1)(3) tagħha, li l-elettriku prodott f’installazzjonijiet b’enerġija elettrika nominali massima ta’ żewġ megawatt, kien, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, eżenti minn din it-taxxa.

14

Il-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija (Energiesteuergesetz), tal-15 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1534, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006, abrogat b’effett minn din id-data, billi għamlet riferiment espliċitu għad-Direttiva 2003/96, il-Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali. Hija tipprevedi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 1 — Territorju fiskali, prodotti ta’ enerġija

1)   Il-prodotti ta’ enerġija għandhom ikunu suġġetti, fit-territorju fiskali, għat-taxxa fuq l-enerġija. […]

2)   Il-prodotti ta’ enerġija, fis-sens ta’ din il-Liġi huma:

[…]

2.

il-merkanzija li taqa’ taħt l-intestaturi […] 2704 à 2715 tan-[NM]

[…]

Artikolu 2 — Rata tat-taxxa

1)   It-taxxa għandha tammonta

[…]

4.

għal 1000 litru ta’ nafta fis-subintestaturi 27101941 sa 27101949 tan-[NM]

a)

b’kontenut ta’ sulfat ta’ aktar minn 10 mg/kg, għal EUR 485,70,

b)

b’kontenut massimu ta’ sulfat ta’ 10 mg/kg, għal EUR 470,40

[…]

3)   B’deroga għall-paragrafi 1 u 2, it-taxxa għandha tammonta

1.

għal 1000 litru ta’ nafta legalment immarkata fis-subintesturi 27101941 sa 27101949 tan-[NM]

a)

b’kontenut ta’ sulfat ta’ aktar minn 50 mg/kg,

sal-31 ta’ Diċembru 2008, għal EUR 61,35,

mill-1 ta’ Jannar 2009, għal EUR 76,35,

b)

b’kontenut massimu ta’ sulfat ta’ 50 mg/kg, għal EUR 61,35,

[…]

meta dawn jiġu użati bħala karburant li jsaħħan jew għall-ħdim ta’ turbini bil-gass u ta’ magni b’kombustjoni fl-intallazzjonijiet li jgawdu minn sistema preferenzjali fis-sens tal-Artikoli 3 u 3a jew meta jkunu pprovduti għal dawn l-iskopijiet […]

Artikolu 3 — Installazzjonijiet li għandhom igawdu minn sistema preferenzjali

1)   L-installazzjonijiet li għandhom igawdu minn sistema preferentzjali huma installazzjonijiet fissi

1.

li l-enerġija mekkanika tagħhom isservi biss sabiex tipproduċi l-elettriku

[…]

Artikolu 53 — Eżenzjoni fiskali għall-produzzjoni ta’ elettriku u għall-produzzjoni kemm tal-enerġija kif ukoll tas-sħana

1)   Eżenzjoni fiskali għandha tingħata fuq talba, suġġetta għall-paragrafu 2, għall-prodotti ta’ enerġija meta jiġi vverifikat […] li dawn kienu ġew intaxxati u li kienu ġew użati

1.

sabiex jipproduċu l-elettriku fl-installazzjonijiet fissi

[…]

Jekk, fil-każ previst fl-ewwel sentenza tal-punt 1, l-enerġija mekkanika prodotta fl-installazzjoni sservi wkoll għal skopijiet oħrajn barra mill-produzzjoni tal-elettriku, l-eżenzjoni fiskali għandha tingħata biss għall-proporzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jipproduċu l-enerġija.

2)   L-ewwel sentenza tal-punt 1 tal-paragrafu 1 m’għandhiex tapplika għall-installazzjonijiet b’enerġija elettrika nominali li taqbeż żewġ megawatt.

3)   L-eżenzjoni għandha tingħata lil dak li juża l-prodotti ta’ enerġija.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġġestixxi l-ajruport ta’ Cologne-Bonn (il-Ġermanja). Sabiex tipprovdi lill-ajruplani bl-elettriku abbord, hija tuża settijiet ta’ ġeneraturi bbażati fuq l-art. Sabiex tipproduċi dan l-elettriku hija użat, matul is-sena kalendarja 2004, 585642 litru ta’ nafta ntaxxata.

16

Fit-30 ta’ Diċembru 2005, l-imsemmija rikorrenti talbet lill-Hauptzollamt Köln tħallas lura din it-taxxa billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.

17

Fit-18 ta’ Jannar 2006, din it-talba ġiet miċħuda minħabba, minn naħa, li l-Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali ma tipprovdix għall-ħlas lura tat-taxxa fil-każ ta’ użu ta’ nafta ntaxxata għall-produzzjoni tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 m’għandhux effett dirett.

18

Wara li segwiet il-proċedura amministrattiva sat-tmiem tagħha mingħajr riżultat pożittiv, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf.

19

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tosserva li, fis-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens (C-346/97, Ġabra p. I-3419, punti 29 sa 31), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tal-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81. Issa, l-kliem tal-paragrafu introduttorju tal-imsemmi Artikolu 8(1) jikkorrispondi għal dawk tal-paragrafu indroduttorju tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96. Barra minn dan, l-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 jipprevedi, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, obbligu ta’ eżenzjoni ċara u preċiża.

20

L-imsemmija qorti madanakollu għandha dubju dwar jekk in-natura inkundizzjonata u preċiża tal-imsemmi Artikolu 14(1)(a) tiddaħħalx in kwisjoni mill-fatt li, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija għal “raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent”. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tosserva li, għalkemm dawn ir-raġunijiet, li ċertament mhumiex iddefiniti mid-Direttiva 2003/96, jidhru li jagħtu lil-leġiżlatur nazzjonali diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-prodotti ta’ enerġija li huwa jiddeċiedi jekk jintaxxax jew le, xorta waħda jibqa’ possibbli li jiġi kkonstatat jekk dan l-istess leġiżlatur għamilx użu jew le mis-setgħa hekk mogħtija lilu mill-imsemmi Artikolu 14(1)(a). Issa, fil-liġijiet li sussegwentement emendaw il-Liġi dwar it-taxxa fuq iż-żjut minerali jew fix-xogħol preparatorju relatat ma’ dawn, xejn ma jindika li l-leġiżlatur nazzjonali ried iżomm, għal raġunijiet ta’ politika ambjentali, it-taxxa fuq in-nafta użata għall-produzzjoni ta’ elettriku. Għaldaqstant, il-leġiżlatur baqa’ sempliċement inattiv f’dan ir-rigward u ma ttransponiex, fit-termini mogħtija, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Din it-transpożizzjoni seħħet biss bl-adozzjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 14(1)(a) tad-[Direttiva 2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża, li użat nafta ntaxxata li taqa’ taħt l-intestatura 2710 tan-[NM], għall-produzzjoni tal-elettriku u talbet il-ħlas lura tat-taxxa, tista’ tinvoka direttament din id-dispożizzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn jipprovdi għall-eżenzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku mit-taxxa prevista minn din id-direttiva, għandux effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem il-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ kontroversja, bħal dik fil-kawża prinċipali, bejnu u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li mhijiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

23

Skont ġurisprudenza stabbilta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 11; tat-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 25, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 103).

24

Huwa paċifiku li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/96 stabbilit fl-Artikolu 28(1) tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubbika Federali tal-Ġermanja ma kinitx adottat miżuri nazzjonali speċifiċi sabiex tittrasponi din id-direttiva fid-dritt Ġermaniż. Tali miżuri ta’ traspożizzjoni jew adottati biss iktar tard fil-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006.

25

Huwa wkoll paċifiku li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma implementatx, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li tippermettilha tintroduċi, b’deroga għas-sistema ta’ eżenzjoni stabbilita mill-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, sistema ta’ tassazzjoni għal “raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent” fir-rigward tal-prodotti ta’ enerġija, bħan-nafta, użati għall-produzzjoni tal-elettriku. Fil-fatt mhuwiex ikkontestat li s-sistema ta’ tassazzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat Membru f’dak iż-żmien ma kinitx immotivata minn tali raġunijiet, iżda li dan sempliċement ittraspona, fid-dritt nazzjonali, is-sistema ta’ tassazzjoni taż-żjut minerali prevista qabel mid-Direttivi 92/81 u 92/82.

26

Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna madankollu li t-terminu għat-traspożizzjoni msemmi fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2003/96 ma kienx japplika għad-dispożizzjonijiet li, bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva, jagħtu għażla lill-Istati Membri.

27

Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi, permezz ta’ termini ċari ħafna, li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003, mingħajr ma jagħmel ebda distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, u f’kull każ, huwa paċifiku li l-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2006 sabiex tittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96, ma implementatx il-possibbiltà prevista mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li l-kwistjoni tat-tul tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax taffettwa r-risposti li għandhom jingħataw lill-qorti tar-rinviju.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva huwiex, minn naħa, mill-aspett tal-kontenut tiegħu, ta’ natura preċiża biżżejjed u, min-naħa l-oħra, ta’ natura inkundizjonata, b’tali mod li jista’ jiġi invokat direttament minn individwu kontra l-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni għal dak li jikkonċerna perijodu li fih dan tal-aħħar kien, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva, naqas milli jittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tiegħu.

29

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jissuġġettawx għat-tassazzjoni prevista minn din id-direttiva l-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jipproduċu l-elettriku, huwa biżżejjed preċiż meta jiddetermina b’ċarezza l-prodotti li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 27, u Braathens, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

30

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li dispożizzjoni ta’ direttiva toffri l-possibbiltà ta’ għażla lill-Istati Membri ma jeskludix neċessarjament il-possibbiltà li l-kontenut tad-drittijiet hekk mogħtija lill-individwi jiġi ddeterminat bi preċiżjoni suffiċjenti abbażi biss tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tal-4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et, C-253/96 sa C-258/96, Ġabra p. I-6907, punt 39).

31

B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura inkundizzjonata tal-obbligu ta’ eżenzjoni b’ebda mod ma tista’ tiddaħħal inkwistjoni minħabba l-marġini ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri minn formula introduttorja, bħal ma hija dik fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdi li l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw mill-imsemmija Stati Membri “b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż”. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax isostni, fil-konfront ta’ persuna taxxabbli li tista’ tistabbilixxi li s-sitwazzjoni fiskali tagħha taqa’ effettivament taħt waħda mill-kategoriji ta’ eżenzjoni mniżżla minn direttiva, il-fatt li dan l-Istat Membru ma adottax id-dispożizzjonijiet intiżi, speċifikament, sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din l-istess eżenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Becker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Braathens, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 52; tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 79, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 34).

32

Għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostnu l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Taljan, din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-possibbiltà għall-Istati Membri, prevista mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li jintaxxaw il-prodotti inkwistjoni għal raġunijiet ta’ politika ambjentali. Fil-fatt, din il-limitazzjoni għar-regola tal-eżenzjoni għandha natura eventwali biss u Stat Membru li ma użax din il-possibbiltà ma jistax jinvoka l-ommissjoni tiegħu stess sabiex iċaħħad lil persuna taxxabbli mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni li hija għandha dritt għalih taħt id-Direttiva 2003/96 (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kügler, punti 59 u 60, kif ukoll Linneweber u Akritidis, punt 35).

33

Minn dan jirriżulta li l-obbligu, previst fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li jiġu eżentati mit-taxxa prevista mill-imsemmija direttiva l-prodotti ta’ enerġija intiżi biex jipproduċu l-elettriku huwa preċiż u inkundizzjonat biżżejjed sabiex jagħti lill-individwi d-dritt li jinvokawh quddiem qorti nazzjonali sabiex jopponu liġi nazzjonali inkompatibbli miegħu.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jinkiseb il-ħlas lura ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 23; tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 84, kif ukoll Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

35

Għandu jiġi osservat ukoll li, waqt is-seduta, il-partijiet fil-kawża prinċipali spejgaw, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt, li l-elettriku prodott mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jaqa’, fiż-żmien tal-fatti kontenzjużi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(3) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-elettriku tal-24 ta’ Marzu 1999, kif kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, li kien jipprovdi, essenzjalment, għal eżenzjoni tal-elettriku prodott minn entitajiet li l-installazzjonijiet tagħhom ma jeċċedux ċertu limitu ta’ enerġija elettrika nominali.

36

Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni u l-konvenuta fil-kawża prinċipali għalhekk sostnew, waqt din l-istess seduta, li ma jkunx konformi mad-Direttiva 2003/96 jekk il-prodotti ta’ enerġija użati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tipproduċi l-elettriku jkunu eżenti peress li l-elettriku prodott kien eżenti huwa wkoll. Fil-fatt, għalkemm, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri jistgħu, minkejja l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, jeżentaw l-elettriku prodott mill-produtturi żgħar tal-elettriku, dan jista’ jsir biss bil-kundizzjoni espliċita li l-prodotti ta’ enerġija użati għal dan l-iskop jiġu ntaxxati. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet madankollu, fuq dan il-punt, li l-liġi li ttrasponiet l-imsemmija direttiva matul is-sena 2006 speċifikament introduċiet rata ta’ tassazzjoni speċifika li hija sostanzjalment inferjuri għar-rata ġenerali li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tistaqsi l-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u li l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt imsemmija hawn fuq, li ġew imqajma u diskussi għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, la jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet interessati, u, barra minn dan, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan is-suġġett, li dan l-aspett tal-kontroversja qatt ma tqajjem waqt id-dibattiti fil-kawża prinċipali.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar preċiża u dettaljata fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma jirriżultax b’mod suffiċjenti mill-atti tal-proċess li kien ġie ppreżentat lilha li dawn id-diversi elementi jistgħu jkunu rilevanti għall-eżitu tal-kontroversja fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, utli għall-qorti tar-rinviju li, peress li hija responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-elementi tal-kawża quddiemha.

39

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn jipprovdi għall-eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku mit-taxxa prevista minn din id-direttiva, għandu effett dirett fis-sens li jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem qrati nazzjonali — għal dak li jirrigwarda perijodu li fih l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jittrasponi fit-terminu previst din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tiegħu — fil-kuntest ta’ kontroversja, bħal dik fil-kawża prinċipali, bejnu u l-awtoritajiet doganali ta’ dan l-Istat, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, sabiex jikseb il-ħlas lura ta’ taxxa inkompatibbli magħha.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, sa fejn jipprovdi għall-eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku mit-taxxa prevista minn din id-direttiva, għandu effett dirett fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem qrati nazzjonali — għal dak li jirrigwarda perijodu li fih l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jittrasponi fit-terminu previst din id-direttiva fid-dritt nazzjonali tiegħu — fil-kuntest ta’ kontroversja, bħal dik fil-kawża prinċipali, bejnu u l-awtoritajiet doganali ta’ dan l-Istat, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, sabiex jikseb il-ħlas lura ta’ taxxa inkompatibbli magħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.