Kawża C-214/07
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Franċiża
“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna — Inkompatibbiltà mas-suq komuni — Implementazzjoni tad-deċiżjoni — Irkupru ta’ għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni — Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2008 I ‐ 8360
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Novembru 2008 I ‐ 8380
Sommarju tas-sentenza
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija – Motivi ta’ difiża – Impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikoli 10 KE u 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Obbligu – Benefiċjarju suġġett għal proċedura kollettiva – Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-attiv – Benefiċjarju tal-vantaġġ kompetittiv
(Artikolu 88(2) KE)
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat – Nuqqas ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ implementazzjoni – Assenza
(Artikolu 88(2) KE)
L-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni li tordna l-irkupru. Fil-każ ta’ diffikultajiet, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, skont l-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
Il-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi implementata deċiżjoni ma tiġix sodisfatta meta l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet ġuridiċi, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi kkonċernati u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi, għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni, li jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet. F’dan ir-rigwrad, id-diffikultajiet, relatati mal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata kif ukoll mal-għażla u l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ rkupru, huma dovuti għal diffikultajiet interni attribwibbli għal atti jew omissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali.
(ara l-punti 44-46, 50)
L-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante u t-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna illegalment imħallsa jistgħu, bħala prinċipju, fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji li waqfu milli jinnegozjaw u li huma s-suġġett ta’ proċedura kollettiva, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv. Jekk it-terminu tal-preżentata tal-krediti skada, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, ġaladarba teżisti u tkun għadha ma ngħalqitx, jimplementaw kull proċedura ta’ tneħħija tad-dekadenza li tkun tista’ tippermetti li l-preżentata tal-krediti tkun tista’ ssir barra mit-terminu. Meta l-benefiċjarji jkunu waqfu milli jinnegozjaw u ttrasferixxew l-assi tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Jekk dan ikun il-każ, l-element tal-għajnuna jkun ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri, b’mod li x-xerrej ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel mal-operaturi l-oħra fis-suq. Fil-każ kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li min qed jittrasferixxi jista’ jkun obbligat li jħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, ladarba jiġi stabbilit li huwa jkun żamm it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna. Għall-finijiet tal-verifika tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-trasferiment, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma li tintuża għat-trasferiment, pereżempju dik ta’ subbasta, preżunta bħala li tiggarantixxi bejgħ skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew rapport tal-esperti eventwalment magħmul meta sar it-trasferiment. Meta l-assi jinxtraw minn bosta xerrejja differenti, xejn ma jipprekludi li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ kull waħda mill-operazzjonijiet kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-każ ta’ trasferiment tal-assi permezz ta’ negozjati privati, l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-bejjiegħ ma jistax jiġi suġġett għar-referenza espliċita għal din l-għajnuna fl-att ta’ trasferiment. Dan jista’ jsir meta l-bejjiegħ kellu jkun jaf dwar l-eżistenza tal-għajnuna u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, l-Istat Membru konvenut ma jistax fi proċeduri ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jillimita ruħu li jagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti, mingħajr ma jirreferi għal każijiet partikolari identifikati, analizzati fid-dawl tal-passi kollha li effettivament ittieħdu għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 56-63)
Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ippreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(2), il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għalfejn teżamina t-talbiet intiżi sabiex Stat Membru jiġi kkundannat talli ma informax lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tgħid li skema ta’ għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, peress li dan l-Istat Membru fil-fatt ma implementax dawn l-obbligi fit-terminu previst.
(ara l-punt 67)