SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Parlament Ewropew — Fuljett maħruġ minn Membru tal-Parlament Ewropew u li fih kummenti inġurjużi — Talba għal kumpens tad-dannu morali — Immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew”

Fil-Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2007, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit- u fit-, rispettivament, fil-kawżi

Alfonso Luigi Marra

vs

Eduardo De Gregorio (C-200/07),

Antonio Clemente (C-201/07),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Presidenti tal-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen, P. Lindh, u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. L. Marra, minnu stess u minn L. A. Cucinella, avvocato,

għal E. De Gregorio, minn G. Siporso, avvocato,

għal A. Clemente, minn R. Capocasale u E. Chiusolo, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Parlament Ewropew, minn H. Krück, C. Karamarcos u A. Caiola, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Peral kif ukoll minn F. Amato u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965 (ĠU 1967, 152, p. 12, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”) u l-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn A. L. Marra, ex membru tal-Parlament Ewropew, u E. De Gregorio u A. Clemente, li fetħu kawża għad-danni kontrih sabiex jiksbu kumpens għad-danni li kkawżalhom billi qassam fuljett li kien fih kummenti inġurjużi fir-rigward tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

Il-Protokoll

3

L-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi li:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

4

L-Artikolu 10 tal-Protokoll jipprovdi li:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

(a)

fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom;

(b)

fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

5

L-Artikolu 19 tal-Protokoll jipprovdi li:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, bl-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

Ir-Regoli ta’ Proċedura

6

L-Artikolu 5(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Privileġġi u immunitajiet”, jistabbilixxi li:

“Il-Membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej.”

7

L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Tneħħija ta’ l-immunità”, jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   Fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

2.   Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta’ xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

3.   Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddifendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

Il-Membru jew ex-Membru jista’ jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax tiġi magħmula minn Membru ieħor mingħajr il-kunsens tal-Membru kkonċernat.

[…]”

8

L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura, li fih ir-regoli dwar il-proċeduri relattivi għall-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew, jipprovdi, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu, li:

“6.   F’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi joħolqux xkiel amministrattiv jew ta’ xort’oħra mqiegħed fuq il-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa’ l-Parlament jew fuq opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jidħlu fl-aspetti ta’ l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.   Il-kumitat jista’ jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta’ l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibbiltà tat-talba, iżda m’għandu f’ebda ċirkustanza jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu/lilha jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu/tagħha, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.”

Id-dritt nazzjonali

9

Skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana:

“Il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jiġu msejħa jirrispondu għall-opinjonijiet espressi u għall-voti mitfugħin fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom.

Mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li jappartjenu għaliha, ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi suġġett għal tfittxija fuq il-persuna tiegħu jew f’daru, arrestat jew b’xi mod jew ieħor imċaħħad mil-libertà individwali tiegħu jew detenut, ħlief fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza definittiva ta’ kundanna jew jekk jinqabad fil-fatt ta’ reat punibbli bi priġunerija.

Awtorizzazzjoni simili hija meħtieġa sabiex il-Membri tal-Parlament [Taljan] ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal interċezzjoni tal-konverżazzjonijiet jew komunikazzjonijiet tagħhom, jew sabiex jiġu ssekwestrati l-posta jew l-ittri tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Miż-żewġ deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li A. L. Marra, ex Membru Parlamentari Ewropew, ġie kkundannat iħallas kumpens għal dannu li kkawża lil E. De Gregorio u lil A. Clemente minħabba li, meta kien Membru Parlamentari Ewropew, qassam fuljett li kien fih kummenti inġurjużi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

11

Permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija fit-23 ta’ Jannar 2001 u fil-, il-Corte d’appello di Napoli kkonfermat, essenzjalment, iż-żewġ sentenzi ta’ kundanna tat-Tribunale di Napoli. F’dawn is-sentenzi, din il-qorti ma sabitx li l-aġir ta’ A. L. Marra fir-rigward ta’ E. De Gregorio u A. Clemente kien jikkostitwixxi opinjonijiet espressi fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru Parlamentari Ewropew u lanqas laqgħet l-argument ta’ A. L. Marra li, sabiex jitressqu proċeduri ċivili kontrih, kien neċessarju li tintalab l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parlament, skont l-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura.

12

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2001, indirizzata lill-President tal-Parlament, A. L. Marra indika li kien ġie mħarrek sabiex jidher quddiem diversi qrati Taljani filwaqt li rrefera, b’mod partikolari, għall-kawżi mressqa minn E. De Gregorio u A. Clemente. Huwa lmenta dwar il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani peress li ma talbux l-“awtorizzazzjoni” qabel ma fetħu l-kawżi kontrih.

13

Wara din it-talba, fil-11 ta’ Ġunju 2002, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-immunità tal-Membri eletti fl-Italja u l-prassi tal-awtoritajiet Taljani f’dan il-qasam (ĠU 2003, C 261 E, p. 102), li d-dispożittiv tagħha jipprovdi dan li ġej:

“1.

[Il-Parlament] jiddeċiedi li l-każijiet ta’ […] u ta’ Alfonso Marra jagħtu lok għal każ prima facie ta’ immunità assoluta u li l-qrati kompetenti għandhom jiġu nnotifikati biex jittrażmettu lill-Parlament id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk il-każijiet inkwistjoni jinvolvux immunità assoluta skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll rigward l-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħin mill-membri inkwistjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom u li l-qrati kompetenti għandhom jiġu mistiedna jissospendu l-proċeduri pendenti sakemm il-Parlament jasal għal deċiżjoni finali;

2.

Jordna lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat tiegħu lir-Rapprenżentant Permanenti tar-Repubblika Taljana, immarkati għall-attenzjoni tal-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta li din ir-riżoluzzjoni ma waslitx għand il-qrati tal-ewwel istanza u lanqas għand il-Corte suprema di cassazione.

15

Quddiem din il-qorti tal-aħħar, A. L. Marra invoka l-immunità tiegħu u sostna li, skont l-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ikunu jistgħu jagħtu deċiżjonijiet ta’ kundanna kontrih, l-ewwel kellhom jitolbu lill-Parlament sabiex titneħħielu l-immunità tiegħu.

16

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana jeżenta lill-Membri tal-Parlament Taljan minn kull responsabbiltà ċivili, penali u amministrattiva minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta’ dmirijiethom sabiex tiġi ggarantita l-libertà tagħhom li jieħdu deċiżjoni jew li jesprimu l-opinjoni tagħhom waqt l-eżerċizzju tal-mandat tagħhom.

17

Barra minn hekk, hija tfakkar li l-benefiċċju ta’ tali immunità mhuwiex, bħala prinċipju, suġġett għal “opinjoni preliminari mill-Parlament” Taljan. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale, jekk din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-immunità, deċiżjoni bħal din tipproduċi effetti vinkolanti fir-rigward tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża kontra l-Membru Parlamentari. Fil-każ li l-imsemmi Parlament u dik il-qorti jagħtu deċiżjonijiet differenti, is-sistema tipprovdi li l-kwistjoni tkun tista’ titressaq quddiem il-Corte costituzionale.

18

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li, fis-sistema elaborata mil-leġiżlatur Komunitarju, li hija differenti minn dik prevista mid-dritt Taljan, l-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li t-talba għad-difiża tal-privileġġi u l-immunitajiet tista’ tkun indirizzata lill-President tal-Parlament minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, jew direttament minn Membru Parlamentari Ewropew.

19

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati fl-istess termini fiż-żewġ kawżi prinċipali:

“1)

Fil-każ tan-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, li ma jeżerċitax is-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 6(2) tar-[Regoli ta’ Proċedura] tal-Parlament Ewropew sabiex jitlob direttament lill-President il-protezzjoni tal-privileġġi u tal-immunitajiet, il-qorti li għandha l-kawża ċivili pendenti quddiemha hija madankollu marbuta li titlob lill-President ir-revoka tal-immunità, għall-finijiet ta’ tkomplija tal-proċedura u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni?

jew

2)

Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jiddefendi l-immunitajiet u l-privileġġi tal-Membru Parlamentari, il-qorti li għandha l-kawża ċivili pendenti quddiemha tista’ tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dak il-privileġġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ?”

20

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2007, il-kawżi C-200/07 u C-201/07 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Parlament

21

L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu għad-dritt tal-Parlament li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-atti adottati “b’mod konġunt” minn dan tal-aħħar u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tirrikonoxxix espressament id-dritt tal-Parlament li jippreżenta osservazzjonijiet fit-tali kawżi, li jikkonċernaw il-Protokoll u r-Regoli ta’ Proċedura.

22

Madankollu, peress li l-imsemmi Artikolu 23 jirrikonoxxi d-dritt tal-Parlament li jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawżi li jirrigwardaw il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ att li jkun koleġiżlatur tiegħu, tali dritt, sa fejn hija involuta talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ att adottat minn din l-istituzzjoni li hija l-unika awtriċi tiegħu, bħar-Regoli ta’ Proċedura, għandu jiġi a fortiori rrikonoxxut lilu.

23

Minn dan isegwi li l-Parlament għandu jingħata d-dritt li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’din il-kawża.

Fuq id-domandi preliminari

24

Jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew, kif prevista fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll, fiha ż-żewġ forom ta’ protezzjoni normalment rikonoxxuti lill-Membri tal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, jiġifieri l-immunità minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala Membri Parlamentari kif ukoll il-privileġġ parlamentari li, bħala prinċipju, jinvolvi protezzjoni minn proċeduri legali.

25

L-Artikolu 10 tal-Protokoll jipprovdi li, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament, il-Membri tiegħu jgawdu, fit-territorju nazzjonali tagħhom, minn immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta’ pajjiżhom u, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, huma jgawdu minn immunità minn kull tip ta’ miżura ta’ detenzjoni jew proċeduri legali. L-aħħar paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi wkoll li l-Parlament jista’ jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu.

26

L-Artikolu 9 tal-Protokoll jistabbilixxi l-prinċipju tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħin fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan l-artikolu ma jirreferix għal-liġijiet nazzjonali u għalhekk il-portata ta’ din l-immunità għandha tiġi stabbilita sempliċement fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot, 149/85, Ġabra p. 2391, punt 12).

27

Madankollu, immunità bħal din, li hija dik invokata minn A. L. Marra fil-kawżi prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata, safejn tipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament Ewropew, bħala immunità assoluta li ma tippermettix li jitressqu proċeduri legali kontrihom minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala Membri Parlamentari.

28

Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, permezz tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex ser tiddeċiedi dwar jekk att bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxix opinjoni espressa fil-qadi ta’ dmirijiet ta’ Membru Parlamentari fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, iżda hija mitluba biss tikkjarifika r-regoli għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu mill-qrati nazzjonali u mill-Parlament.

29

Fil-fatt, permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, meta Membru Parlamentari Ewropew ma jressaqx talba għad-difiża tal-immunità tiegħu quddiem il-Parlament jew meta deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar dwar din l-immunità ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-qrati nazzjonali aditi b’kawża, bħall-kawżi prinċipali, dawn il-qrati għandhomx obbligu li jitolbu lill-Parlament it-tneħħija tal-immunità ta’ dan il-Membru u jekk ikollhomx jistennew id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni qabel jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta’ tali immunità.

30

Fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rikorrent m’għamilx talba lill-Parlament għad-difiża tal-immunità tiegħu u li, konsegwentement, din l-istituzzjoni ma adottat ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mill-Parlament, A. L. Marra ressaq talba għad-difiża tal-immunità tiegħu u l-Parlament adotta riżoluzzjoni li ntbagħtet lir-rappreżentanza permanenti tar-Repubblika Taljana. Huwa paċifiku li la l-qrati tal-ewwel istanza u lanqas il-Corte suprema di cassazione ma ġew informati bit-talba ta’ A. L. Marra u bl-imsemmija riżoluzzjoni.

31

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, jeħtieġ li jiġi mifhum li permezz tad-domandi preliminari qed jiġi mistoqsi, l-ewwel nett, jekk, meta l-qorti nazzjonali msejħa tiddeċiedi f’kawża għad-danni kontra Membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet li jkun esprima, li ma tkun irċeviet ebda informazzjoni dwar talba magħmula minn dan tal-aħħar lill-Parlament għad-difiża tal-immunità tiegħu, tkunx tista’ tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll fid-dawl tal-elementi tal-każ inkwistjoni, it-tieni nett, jekk, meta l-qorti nazzjonali tkun informata bil-fatt li dan l-istess Membru ressaq talba bħal din lill-Parlament, ikollhiex tistenna d-deċiżjoni tiegħu qabel tkompli l-proċeduri kontra l-imsemmi Membru u, it-tielet nett, jekk, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata l-eżistenza tal-imsemmija immunità, għandhiex titlob li din titneħħa sabiex tkun tista’ tkompli l-proċeduri legali. Peress li r-risposta għal dawn id-domandi hija bbażata fuq l-istess kunsiderazzjonijiet, ikun xieraq li dawn jiġu kkunsidrati flimkien.

32

Sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet tal-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll humiex issodisfatti, il-qorti nazzjonali mhijiex obbligata li tistaqsi din id-domanda lill-Parlament. Fil-fatt, il-Protokoll ma jagħtix lill-Parlament il-kompetenza li jivverifika jekk, fil-każ ta’ proċeduri legali kontra Membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħin minnu, il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ din l-immunità humiex issodisfatti.

33

Għaldaqstant, tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali msejħa japplikaw dispożizzjoni bħal din, u li jistgħu jiddeduċu l-konsegwenzi ta’ din l-immunità fil-każ biss li jikkonstataw li l-opinjonijiet inkwistjoni ġew espressi u l-voti ntefgħu fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari.

34

Jekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, l-imsemmija qrati jkollhom dubji dwar l-interpretazzjoni tiegħu, huma jistgħu jagħmlu domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 234 KE dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-Protokoll, peress li l-qrati tal-aħħar istanza għandhom obbligu li, f’każ bħal dan, jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35

Barra minn hekk, mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura, li jirrigwardaw il-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità Parlamentari, ma jistax jiġi dedott, anki jekk b’mod impliċitu, li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jirreferu, lill-Parlament, id-deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi rikonuxxuta tali immunità qabel ma jagħtu d-deċiżjoni tagħhom dwar l-opinjonijiet u l-voti tal-Membri Parlamentari Ewropej.

36

Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jillimita ruħu li jiffissa r-regoli ta’ proċedura għat-tneħħija tal-immunità parlamentari prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll.

37

L-Artikolu 6(3) tal-istess Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxi proċedura għad-difiża tal-immunità u tal-privileġġi li jista’ jiskatta l-Membru Parlamentari Ewropew, proċedura li tikkonċerna wkoll l-immunità għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħin fil-qadi tad-dmirijiet tal-Membri Parlamentari. Fil-fatt, l-Artikolu 7(6) tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li l-Parlament “għandu jiddikjara” jekk proċeduri legali mibdija kontra Membru Parlamentari Ewropew jikkostitwixxux xkiel għall-espressjoni ta’ opinjoni jew ta’ vot u “għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.”

38

B’hekk kif ġie sostnut mill-Parlament u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regoli ta’ Proċedura huma att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistgħux jattribwixxu kompetenzi lill-Parlament li mhumiex espressament rikonoxxuti minn att leġiżlattiv, f’dan il-każ mill-Protokoll.

39

Minn dan isegwi li, anki jekk il-Parlament, wara t-talba tal-Membru Parlamentari Ewropew ikkonċernat, jadotta, fuq il-bażi ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni ta’ difiża tal-immunità, din tikkostitwixxi opinjoni li ma jkollhiex effetti vinkolanti fir-rigward ta’ qrati nazzjonali.

40

Barra minn hekk, il-fatt li l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għal proċedura ta’ difiża tal-Membri tal-Parlament nazzjonali, li tippermetti lil dan il-Parlament jintervjeni meta l-qorti nazzjonali ma tirrikonoxxix din l-immunità, ma jfissirx li l-istess kompetenzi jingħataw lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Membri Parlamentari Ewropej li jkunu ġejjin minn dan l-Istat peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9 tal-Protokoll ma jipprovdix espressament għal tali kompetenza tal-Parlament u ma jirreferix għar-regoli tad-dritt nazzjonali.

41

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 10 KE u mfakkar fl-Artikolu 19 tal-Protokoll, li japplika wkoll għall-qrati tal-Istati Membri li jkunu qed jaġixxu fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom u kemm għall-istituzzjonijiet Komunitarji, huwa ta’ importanza partikolari meta l-kooperazzjoni tikkonċerna l-qrati tal-Istati Membri inkarigati jikkontrollaw l-applikazzjoni u r-rispett tad-dritt Komunitarju fis-sistema legali nazzjonali (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C-2/88 IMM, Ġabra p. I-3365, punt 17, u s-sentenza tat-, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 93).

42

Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni japplika fil-kuntest tat-tali kawża. Il-Parlament Ewropew u l-qrati nazzjonali għandhom għaldaqstant jikkooperaw sabiex jevitaw kwalunkwe kunflitt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll.

43

Għaldaqstant, meta titressaq kawża kontra Membru Parlamentari Ewropew quddiem qorti nazzjonali u din tiġi informata li għaddejha proċedura ta’ difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta’ dan l-istess Membru Parlamentari, kif prevista fl-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-imsemmija qorti għandha tissospendi l-proċeduri legali quddiemha u titlob lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu mill-iktar fis possibbli.

44

Kemm-il darba l-qorti nazzjonali tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll ikunu ġew issodisfatti, kemm din il-qorti kif ukoll il-Parlament għandhom jirrispettaw din l-immunità. Minn dan isegwi li tali immunità ma tistax titneħħa minn dan tal-aħħar u li, konsegwentement, l-imsemmija qorti għandha tiċħad il-kawża li tkun tressqet kontra l-Membru Parlamentari Ewropew ikkonċernat.

45

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 9 tal-Protokoll ma jagħtix setgħa bħal din lill-Parlament. Min-naħa l-oħra, peress li dan l-artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali applikabbli għal kull proċedura legali li fir-rigward tagħha l-Membru Parlamentari jgawdi mill-immunità minħabba l-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħin fil-qadi ta’ dmirijietu, din ma tistax titneħħa b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll li jikkonċerna l-immunità fi proċeduri legali li s-suġġett tagħhom ikun att differenti minn dawk li jsir riferiment għalihom fl-imsemmi Artikolu 9. Minn dan isegwi li hija biss din l-immunità tal-aħħar li tista’ titneħħa sabiex jitkomplew proċeduri legali kontra Membru Parlamentari Ewropew.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li r-regoli Komunitarji li jirrigwardaw l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża għad-danni mressqa kontra Membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet espressi minnu,

meta l-qorti nazzjonali li tkun adita b’tali kawża ma tkun irċeviet ebda informazzjoni dwar talba li l-imsemmi Membru Parlamentari jkun ressaq quddiem il-Parlament għad-difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll, hija ma tkunx marbuta li titlob lill-Parlament jiddeċiedi dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ din l-immunità jkunux ġew issodisfatti.

meta l-qorti nazzjonali tkun informata bil-fatt li dan l-istess Membru Parlamentari ressaq talba quddiem il-Parlament għad-difiża tal-imsemmija immunità, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, hija għandha tissospendi l-proċeduri legali quddiemha u titlob lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu mill-iktar fis possibbli;

meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-Membru Parlamentari Ewropew igawdi mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll, hija għandha ticħad il-kawża mressqa kontra l-Membru Parlamentari Ewropew ikkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-regoli Komunitarji li jirrigwardaw l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’kawża għad-danni mressqa kontra Membru Parlamentari Ewropew minħabba opinjonijiet espressi minnu,

 

meta l-qorti nazzjonali li tkun adita b’tali kawża ma tkun irċeviet ebda informazzjoni dwar talba li l-imsemmi Membru Parlamentari jkun ressaq quddiem il-Parlament għad-difiża tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, hija ma tkunx marbuta li titlob lill-Parlament Ewropew jiddeċiedi dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ din l-immunità jkunux ġew sodisfatti;

 

meta l-qorti nazzjonali tkun informata bil-fatt li dan l-istess Membru Parlamentari ressaq talba quddiem il-Parlament Ewropew għad-difiża tal-imsemmija immunità, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, hija għandha tissospendi l-proċeduri legali quddiemha u titlob lill-Parlament Ewropew jagħti l-opinjoni tiegħu mill-iktar fis possibbli;

 

meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-Membru Parlamentari Ewropew igawdi mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, hija għandha ticħad il-kawża mressqa kontra l-Membru Parlamentari Ewropew ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.