Kawża C-188/07
Commune de Mesquer
vs
Total France SA u Total International Ltd
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))
“Direttiva 75/442/KEE — Ġestjoni tal-iskart — Kunċett ta’ skart — Prinċipju li min iniġġes iħallas — Detentur — Detenturi ta’ qabel — Produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart — Idrokarburi u żejt karburant tqil — Nawfraġju — Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt — Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 I - 4505
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Ġunju 2008 I - 4538
Sommarju tas-sentenza
Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350)
Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru
(Artikolu 174(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350, Artikolu 15)
Ftehim Internazzjonali – Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt – Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt
(Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392)
Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru
(Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350, Artikoli 1(b) u (ċ) u 15)
Sustanza, bħaż-żejt karburant tqil mibjugħ bħala kombustibbli, ma tikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, peress li tintuża jew tinbiegħ f’kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġużi u tista’ effettivament tintuża bħala kombustibbli mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.
Idrokarburi mxerrda aċċidentalment fil-baħar wara nawfraġju, li jitħalltu mal-ilma kif ukoll mas-sedimenti u li jinfirxu ma’ tul il-kosta ta’ Stat Membru sakemm jaslu sax-xtut, jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva, peress li dawn ma jistgħux iktar jintużaw jew jinbiegħu mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel.
(ara l-punti 48, 63 u d-dispożittivi 1-2)
L-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 174(2) KE u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, ma tirnexxix jekk il-persuni involuti fil-ġenerazzjoni tal-iskart, kemm jekk ikunu detenturi, detenturi ta’ qabel jew produtturi ta’ prodotti li jiġġeneraw l-iskart, kellhom jevitaw l-obbligi finanzjarji tagħhom kif previsti f’din id-direttiva, meta l-oriġini tal-idrokarburi li jkunu nxterdu fil-baħar, minkejja li involontarjament, u li jkunu kkawżaw tniġġis tal-kosta territorjali ta’ Stat Membru, ikun stabbilit b’mod ċar.
(ara l-punti 71, 72)
Il-Komunità mhijiex marbuta mill-Konvenzjonijiet dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt u mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt. Fil-fatt, minn naħa, il-Komunità ma aderietx għall-imsemmija strumenti internazzjonali u, min-naħa l-oħra, la tista’ titqies li ssostitwixxiet lill-Istati Membri, peress li dawn mhumiex kollha parti f’dawn il-konvenzjonijiet, u lanqas li hija marbuta indirettament mill-imsemmija konvenzjonijiet minħabba l-Artikolu 235 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392, dispożizzjoni li l-paragrafu 3 tagħha jistabbilixxi biss obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet tal-imsemmija konvenzjoni.
(ara l-punt 85)
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 dwar l-iskart, kif emendata bid-Deċiżjoni 96/350, għat-tixrid inċidentali [aċċidentali] ta’ idrokarburi fil-baħar li kkawża t-tniġġis tal-kosta ta’ Stat Membru:
|
— |
il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra l-bejjiegħ ta’ dawn l-idrokarburi u noleġġatur tat-tanker li kien qed jittrasportahom bħala produttur tal-imsemmi skart, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, u billi jagħmel dan, bħala “detentur ta’ qabel” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni inċiż tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jekk din il-qorti, fid-dawl tal-elementi li hija biss tista’ tevalwa, tasal għall-konklużjoni li dan il-bejjiegħ-noleġġatur ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat minn dan in-nawfraġju, b’mod partikolari jekk naqas milli jieħu l-miżuri sabiex jiġi evitat avveniment bħal dan, bħal pereżempju dawk li jikkonċernaw l-għażla tat-tanker; |
|
— |
jekk jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mat-tneħħija tal-iskart iġġenerat minn tixrid aċċidentali ta’ idrokarburi fil-baħar ma jkunux koperti mill-Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt jew ma jistgħux ikunu koperti minħabba li jkun eżawrit il-limitu ta’ kumpens previst għal dan l-inċident, u li skont dawn il-limiti u/jew eżoneri mir-responsabbiltà previsti, id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru inkluż dak li joħroġ minn konvenzjonijiet internazzjonali, ma jippermettix li dawn l-ispejjeż ikunu sostnuti minn sid it-tanker u/jew in-noleġġatur ta’ dan tal-aħħar, minkejja li dawn għandhom jitqiesu bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, tali dritt nazzjonali għandu għalhekk jippermetti, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-imsemmija spejjeż jiġu sostnuti mill-produttur tal-prodott li jiġġenera l-iskart imxerred. Madankollu, skont il-prinċipju li min iniġġes iħallas, tali produttur jista’ jkun meħtieġ isostni dawn l-ispejjeż fil-każ biss li, bl-attività tiegħu, huwa jkun ikkontribwixxa għar-riskju li jkun hemm it-tniġġis ikkawżat min-nawfraġju tat-tanker. |
(ara l-punti 78, 82, 89 u d-dispożittiv 3)