Kawża C-166/07
Il-Parlament Ewropew
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Rikors għal annullament — Regolament (KE) Nru 1968/2006 — Kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda — Għażla tal-bażi legali”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-2 ta’ April 2009 I ‐ 7139
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Settembru 2009 I ‐ 7166
Sommarju tas-sentenza
Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji
(Artikoli 2 KE, 3(1)(k) KE, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u Artikolu 308 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1968/2006)
Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1968/2006)
Fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, u li fosthom insibu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att ikkonċernat.
L-użu tal-Artikolu 308 KE bħala bażi legali huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat ma tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-kompetenza meħtieġa sabiex jadottaw l-att ikkonċernat. Barra minn hekk, l-użu ta’ din id-dispożizzjoni jirrikjedi li l-azzjoni prevista tkun tikkonċerna l-“funzjonament tas-suq komuni”.
Minn naħa, l-objettivi tar-Regolament Nru 1968/2006 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010), jikkorrispondu għall-objettivi tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, u dan huwa kkonfermat ukoll mill-Premessa 2 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lill-Fond, mingħajr ma jitqies il-qafas regolatorju li tifforma parti minnu, taqa’ taħt azzjonijiet speċifiċi li, meta jinħass il-bżonn tagħhom barra mill-Fondi Strutturali sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 158 KE, jistgħu jiġu adottati skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.
Madankollu, la l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Fond u lanqas il-kundizzjonijiet u l-metodu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità ma jippermettu lil din tal-aħħar li tipprevedi li l-użu ta’ din il-kontribuzzjoni mill-Fond ma jkoprix l-azzjonijiet li, filwaqt li josservaw l-objettivi tal-Ftehim li jikkonċerna l-Fond Internazzjonali favur l-Irlanda, imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali jew, tal-inqas mhumiex amministrati skont il-kriterji applikati mill-Komunità fil-kuntest ta’ din il-politika. Il-leġiżlatur Komunitarju seta’, fil-Premessa 6 tar-Regolament Nru 1968/2006, validament jikkunsidra li l-firxa ta’ attivitajiet iffinanzjati minn dan ir-regolament tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.
L-Artikolu 159 KE jkopri biss azzjonijiet awtonomi tal-Komunità, amministrati skont il-qafas regolatorju Komunitarju u li kontenut tiegħu ma jmurx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE waħdu, ma jagħtix lill-Komunità l-kompetenza meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja f’kundizzjonijiet bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 1968/2006.
Madankollu, ir-Regolament Nru 1968/2006 għandu l-għan li jappoġġa l-azzjonijiet ta’ organiżmu internazzjonali mwaqqaf minn żewġ Stati Membri li l-objettiv tiegħu huwa t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 KE u l-Artikolu 3(1)(k) KE, it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali jikkostitwixxi, barra mit-Titolu XVII tat-Trattat, objettiv għall-Komunità. Barra minn hekk, l-għan tal-imsemmi regolament jaqa’ taħt il-qasam tas-suq komuni peress li huwa intiż li jwassal għal titjib ekonomiku f’żoni żvantaġġati ta’ żewġ Stati Membri, u għaldaqstant għall-funzjonament tas-suq komuni.
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li r-Regolament 1968/2006 jipprova jilħaq l-għanijiet previsti fl-Artikolu 2 KE u fl-Artikolu 3(1)(k) KE kif ukoll fit-Titolu XVII tat-Trattat, mingħajr ma dan it-titolu waħdu jagħti lill-Komunità l-kompetenza sabiex tilħaqhom, il-leġiżlatur Komunitarju kellu juża t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u l-Artikolu 308 KE flimkien, filwaqt li josserva l-proċeduri leġiżlattivi previsti fihom, jiġifieri, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE imsejħa ta’ “kodeċiżjoni”, kif ukoll il-vot unanimu fi ħdan il-Kunsill.
(ara l-punti 40, 42, 54, 58, 59, 63-65, 67-69)
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidrah meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tar-regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ.
L-annullament tar-Regolament Nru 1968/2006, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010), mingħajr iż-żamma tal-effetti tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi negattivi, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula għal azzjonijiet jew proġetti ppjanati jew attwali, u jkun ta’ natura li jwassal għal inċertezzi dannużi għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-Fond fil-preżent u fil-futur.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa li jagħtiha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE u li tindika l-effetti tar-regolament annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-annullament tar-Regolament Nru 1968/2006 ma jaffettwa la l-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas dik tal-impenji meħuda abbażi tal-imsemmi regolament qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, u li għandhom jinżammu l-effetti tiegħu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ regolament ġdid ibbażat fuq bażi legali xierqa.
(ara l-punti 72, 74-75)