Kawża C-162/07

Ampliscientifica Srl

u

Amplifin SpA

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze

u

Agenzia delle Entrate

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Persuni taxxabbli — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) — Kumpanniji parent u sussidjarji — Implementazzjoni mill-Istat Membru tal-iskema ta’ persuna taxxabbli waħedha — Kundizzjonijiet — Konsegwenzi”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Mejju 2008   I - 4021

Sommarju tas-sentenza

  1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Persuni taxxabbli

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4))

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Mekkaniżmu għas-semplifikazzjoni tal-prospetti u tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388)

  1.  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, jikkostitwixxi regola li l-applikazzjoni tagħha minn Stat Membru timplika l-konsultazzjoni minn qabel minn dan tal-aħħar mal-Kumitat Konsultattiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-persuni, b’mod partikolari, lill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż u li huma indipendenti legalment, iżda li għandhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin minħabba rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi, li ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli distinti fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u jibdew jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħedha, li jiġi assenjat lilha biss numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-imsemmija taxxa, u għalhekk, hija biss tista’ tippreżenta prospetti tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fin-nuqqas ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat Konsultattiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissodisfa dawn il-kriterji tikkostitwixxi traspożizzjoni mwettqa bi ksur tar-rekwiżit proċedurali stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva 77/388.

    (ara l-punt 23 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tqis b’mod differenti l-persuni taxxabbli li jixtiequ jużaw mekkaniżmu għas-semplifikazzjoni tal-prospetti u tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fejn skont dawn l-entità jew il-kumpannija parent iżżomm iktar minn 50 % tal-azzjonijiet jew tal-ishma tal-persuni suġġetti sa mhux iktar tard mill-bidu tas-sena kalendarja qabel dan il-prospett, jew, bil-kontra, tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet wara din id-data biss. Barra minn hekk, la l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludu tali leġiżlazzjoni.

    (ara l-punt 32 u d-dispożittiv 2)