SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2006/1016/KE — Garanzija Komunitarja mogħtija lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 179 KE — Artikolu 181a KE — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C-155/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fid-19 ta’ Marzu 2007,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u A. Baas kif ukoll minn D. Gauci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u M. Sims kif ukoll minn D. Canga Fano, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Aresu u F. Dintilhac, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006, tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità (ĠU L 414, p. 95, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, fil-każ fejn hija tannulla din id-deċiżjoni, iżżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2

Fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat proposta li hija fl-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-proposta ssemmi l-Artikolu 181a KE bħala bażi legali.

3

Fit-30 ta’ Novembru 2006, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar opinjoni fuq din il-proposta, li l-emenda Nru 1 tagħha kellha bħala għan li żżid l-Artikolu 179 KE bħala bażi legali. Huwa stieden lill-Kummissjoni li konsegwentement temendaha, skont l-Artikolu 250(2) KE.

4

Il-Kummissjoni ma emendatx il-proposta tagħha fuq dan il-punt u, fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Europea adotta d-deċiżjoni kkontestata unikament fuq il-bażi legali tal-Artikolu 181a KE.

5

Peress li qies li din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata wkoll abbażi tal-Artikolu 179 KE, il-Parlament ippreżenta dan ir-rikors għal annullament.

6

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

7

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, it-talba għal intervent ippreżentata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ġiet miċħuda, għar-raġuni li dan mhuwiex imniżżel fost l-istitużzjonijiet tal-Komunità Ewropea limitattivament elenkati fl-Artikolu 7(1) KE.

Il-kuntest ġuridiku

8

Il-Premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata hija miktuba kif ġej:

“Bil-ħsieb li tiġi sostnuta l-azzjoni esterna ta’ l-UE mingħajr ma jintlaqat il-mertu ta’ kreditu [credit standing] tal-BEI, il-BEI għandu jkun offrut garanzija baġitarja Komunitarja għall-operazzjonijiet imwettqa barra mill-Komunità. […]”

9

Ir-raba’ premess ta’ din id-deċiżjoni tipprovdi li l-garanzija Komunitarja għandha tkopri t-telf minn self u garanziji għal self għall-proġetti eliġibbli ta’ investiment tal-BEI li twettqu f’pajjiżi koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006, tas-17 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, p. 82), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Stument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, p. 1), u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-, li jistabbilixxi strument tal-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41), meta s-self jew il-garanzija ta’ self ikunu ngħataw skont ftehim iffirmat li la jkun skada u lanqas ma ġie annullat.

10

Skont il-Premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni:

“Mill-2007, ir-relazzjonijiet esterni ta’ l-[Unjoni] ser ikunu sostnuti wkoll mill-istrumenti finanzjarji l-ġodda, jiġifieri, l-IPA, l-[Istrument Ewropew tal-Viċinat u tas-Sħubija] l-[Istument ta’ finanzjament tal-kooperazjzojni għall-iżvilupp] u l-Istrument tal-Istabbiltà [stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 327, p. 1].”

11

Il-Premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata hija miktuba kif ġej:

“Huwa meħtieġ li l-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI jkunu konsistenti mal-linji politiċi esterni ta’ l-[Unjoni], inklużi l-objettivi reġjonali speċifiċi. Permezz ta’ koerenza ġenerali ma’ l-azzjonijiet ta’ l-[Unjoni], il-finanzjament tal-BEI għandu jkun komplementari għal-linji politiċi, programmi u strumenti ta’ l-assistenza Komunitarja korrispondenti fir-reġjuni differenti. […]”

12

Il-premessi (12) u (14) ta’ din id-deċiżjoni huma miktuba kif ġej:

“(12)

Il-finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi Asjatiċi u ta’ l-Amerika Latina ser ikun progressivament allinjat ma’ l-istrateġija ta’ kooperazzjoni ta’ l-[Unioni] f’dawk ir-reġjuni u ser ikun komplementari għall-istrumenti ffinanzjati minn riżorsi baġitarji tal-Komunità. Il-BEI għandu jagħmel ħiltu sabiex jespandi progressivament l-attivitajiet tiegħu fuq numru akbar ta’ pajjiżi f’dawk ir-reġjuni, inkluż fil-pajjiżi l-inqas prosperi. […]

(13)

Huwa kunsiljabbli li fl-Asja Ċentrali, il-BEI jiffoka fuq il-proġetti prinċipali tal-provvista ta’ l-enerġija u tat-trasport ta’ l-enerġija b’implikazzjonijiet transkonfinali. […]

(14)

Sabiex jiġu komplementati l-attivitajiet tal-BEI taħt il-Ftehim ta’ Kotonù għall-pajjiżi [tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)], l-Afrika t’Isfel, huwa kunsiljabbli li l-BEI jiffoka fuq proġetti ta’ infrastruttura ta’ interess pubbliku […] u fuq is-sostenn lis-settur privat, inklużi l-[impriżi żgħar u medji]. […]”

13

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Garanzija u limiti massimi” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Komunità għandha tagħti lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (il-‘BEI’) garanzija globali (il-‘garanzija Komunitarja’) fir-rigward ta’ ħlasijiet li ma jkunux saru lill-BEI, iżda li jkunu dovuti lilu, fir-rigward ta’ self u ta’ garanziji għal self għal proġetti ta’ investiment tal-BEI eliġibbli mwettqa fil-pajjiżi koperti minn din id-Deċiżjoni, fejn il-finanzjament jew il-garanzija għas-self imsemmi ngħataw skont ftehim iffirmat li la skada […] lanqas ma ġie mħassar […] u ngħataw […] b’sostenn għall-objettivi relevanti tal-politika esterna ta’ l-Unjoni Ewropea.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Pajjiżi koperti” jipprovdi:

“1.   Il-lista ta’ pajjiżi eliġibbli jew potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI taħt garanzija Komunitarja hija stabbilita fl-Anness.

2.   Għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I u mmarkati bi ‘*’ u għal pajjiżi mhux elenkati fl-Anness I, l-eliġibbiltà ta’ tali pajjiż għall-finanzjament mill-BEI taħt granzija Komunitarja għandha tiġi deċiża mill-Kunsill fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 181a(2) tat-Trattat [KE].

[…]

4.   Fil-każ ta’ tħassib serju dwar is-sitwazzjoni politika jew ekonomika f’pajjiż speċifiku, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jissospendi finanzjament ġdid tal-BEI taħt garanzija Komunitarja f’dak il-pajjiż konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 181a(2) tat-Trattat.”

15

L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni huwa intitolat “Konsistenza mal-linji politiċi ta’ l-Unjoni Europea”. Skont l-ewwel paragrafu tagħha, “Il-konsistenza ta’ l-azzjonijiet esterni tal-BEI ma’ l-objettivi tal-politika esterna ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tissaħħaħ bil-ħsieb li jiġu massimizzati s-sinerġiji tal-finanzjament tal-BEI u r-riżorsi baġitarji ta’ l-Unjoni Europea”.

16

L-Artikolu 3(2) huwa miktub kif ġej:

“Il-kooperazzjoni għandha titwettaq fuq bażi reġjonalment differenzjata, fejn jitqiesu r-rwol tal-BEI kif ukoll il-linji politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea f’kull reġjun.”

17

L-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata fih, skont l-Artikolu 2 tagħha, lista tal-pajjiżi eliġibbli li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-BEI li huma koperti mill-garanzija Komunitarja, stabbilita skont in-nomenklatura li ġejja:

“A. Pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni

1) Pajjiżi kandidati

[…]

2) Pajjiżi kandidati potenzjali

[…]

B. Pajjiżi tal-viċinat u tas-sħubija

1) Il-Mediterran

[…]

2) L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu t’Isfel u r-Russja

[…]

C. L-Asja u l-Amerika Latina

1) L-Amerika Latina

[…]

2) L-Asja

L-Asja (mingħajr l-Asja Ċentrali):

[…]

L-Asja Ċentrali:

[…]

L-Afrika t’Isfel

L-Afrika t’Isfel.”

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tal-Parlament

18

Skont il-Parlament, jirriżulta mit-termini tad-deċiżjoni kkontestata li din hija strument ta’ politika esterna li tkopri kemm il-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kf ukoll ma’ dawk li mhumiex. Skont dan, peress li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw taqa’ esklużivament taħt it-Titolu XX tat-Trattat, intiolat “Il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp”, l-Artikolu 179 KE għandu jiżdied bħala bażi legali ta’ din id-deċiżjoni.

19

Il-Parlament tosserva b’mod partikolari li l-parti l-kbira tar-reġjuni msemmija minn din id-deċiżjoni huma kkostitwiti mill-“pajjiżi li qed jiżviluppaw” skont il-klassifikazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvlupp Ekonomiku (OECD) u tal-Bank Dinji u li l-parti l-kbira tal-pajjiżi kkonċernati – b’mod partikolari l-pajjiżi Mediterranji li jaqgħu taħt il-politika tal-viċinat u tas-sħubija, il-pajjiżi tal-Asja u tal-Amerika Latina kif ukoll l-Afrika t’Isfel — huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. B’hekk id-deċiżjoni kkontestata taqa’ taħt l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE, fost liema l-“iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibili tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw”.

20

Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna wkoll pajjiżi terzi li mhux qed jiżviluppaw ma jimplikax li din kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 181a KE biss. Fil-fatt, ir-raġuni għalfejn dan l-artikolu ġie fis-seħħ, hekk kif ġie ppreżentat mit-Trattat ta’ Nizza hija li tiġi sabbilita bażi legali speċifika għall-programmi awtonomi fl-oqsma finanzjarji u tekniċi kif ukoll ftehim orizzjontali mal-pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw.

21

Il-Parlament isostni wkoll li n-nuqqas tal-Artikolu 179 KE bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti lill-Kunsill, skont l-Artikolu 2(2) u (4) tagħha, li jadotta deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw pajjiż wieħed jew aktar li qed jiżviluppaw abbażi tal-Artikolu 181a KE, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tat-Trattat.

22

Skont il-Parlament, li jiġu esklużi miżuri ekonimiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jimplika l-esklużjoni tal-parti l-kbira tal-istrumenti bbażati fuq l-Artikolu 179 KE, bir-reżultat li din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda minn parti kbira tas-sustanza tagħha.

23

Minbarra dan, il-Parlament huwa tal-fehma li l-għażla tal-bażi legali għandha ssir fir-rigward ta’ kriterju ġeografiku, b’kunsiderazzjoni tal-pajjiżi li l-Komunità tikkoopera magħhom skont l-att Komunitarju kkonċernat. B’hekk, l-Artikoli 179 KE u 181a KE japplikaw skont il-pajjiżi benefiċjarji ta’ dan l-att, indipendentement mill-kwistjoni jekk hemmx għan prinċipali u għan sekondarju. Filfatt, sa fejn it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 177 KE iseħħ, fil-prattika, minn kooperazzjoni ekonomika u finanzjarji mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Artikoli 179 KE u 181a KE jistgħu jirreferu għal għanijiet simili, għalkemm jikkonċernaw pajjiżi destinatarji differenti.

24

Sussidjarjament, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni kkontestata ssegwi simultanjament l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 181a KE u 179 KE, minħabba li tikkostitwixxi miżura ta’ kooperazzjoni ekonomika kemm mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll ma’ pajjiżi terzi oħra. L-użu ta’ bażi legali doppja huwa b’hekk iġġustifikat, peress li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħmel parti b’mod indissoċjabbli mal-għan ta’ din id-deċiżjoni.

L-argumenti tal-Kunsill

25

Skont il-Kunsill, l-Artikolu 181a KE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa u suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ix-xewqa ta’ istituzzjoni li tieħu sehem b’mod aktar intensiv għall-adozzjoni ta’ att partikolari m’għandhiex impatt fuq l-għażla tal-bażi legali tiegħu.

26

Il-Kunsill jikkunsidra li jirriżulta mill-eżami tal-għan u tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li din għandha biss bħala għan li tistabbilixxi azzjoni ta’ kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ strument Komunitarju.

27

Din tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE, peress li f’dan ir-rigward hija ma tagħmilx distinzjoni bejn il-pajjiżi terzi msemmija skont jekk dawn humiex qed jiżviluppaw jew le. Il-fatt li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom ikunu koerenti mal-politika esterna tal-Unjoni u jikkumplimentaw il-politika ta’ għajuna jimplika, skont il-Kunsill, li għandhom ikunu koerenti mal-politika tal-iżvilupp tal-Komunità, bħala ma jimponi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 181a(1) KE.

28

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-applikazzjoni tagħha tkun koerenti mal-politika tal-iżvilupp jew tipproduċi effetti li jinkoraġġixxu l-iżvilupp mhijiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat li hija tiġi adottata wkoll abbażi tal-Artikolu 179 KE. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-fatt li l-lista tal-pajjiżi eliġibbli jew potenzjalment eliġibbli tinsab fl-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni tinkludi pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdu li l-kontribuzzjonijiet tal-BEI skont dan l-artikolu jitwettqu bla ħsara tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat.

29

Il-Kunsill ippreċiża matul is-seduta li, fil-fehma tiegħu, in-natura indiretta tar-relazzjoni bejn il-garanzija Komunitarja u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw tikkostitwixxi motiv deċiżiv li għaliha d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tiġi bbażata wkoll fuq l-Artikolu 179 KE.

L-argumenti tal-Kummissjoni

30

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 179 KE u 181a KE huwa bbażat kemm fuq kriterju ġeografiku (il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-Titolu XX tat-Trattat u l-pajjiżi terzi permezz tat-Titolu XXI tiegħu) u fuq kriterju materjali (it-tlett għanijiet imsemmija fl-Artikolu 177(1) KE għat-Titolu XX tat-Trattat u l-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika permezz tat-Titolu XXI tiegħu).

31

Hija tikkontesta dik li hija tikkunsidra bħala interpretazzjoni strettament ġeografika tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 181a KE hekk kif isostni l-Parlament. Din l-interpretazzjoni mhjiiex ibbażata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Titoli XX u XXI tat-Trattat. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna dan it-Titolu XXI, il-kriterju ġeografiku jirreferi għall-pajjiżi terzi kollha, inklużi, eventwalment, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. B’hekk l-Artikolu 181a KE jista’ japplika għal pajjiżi li qed jiżviluppaw fin-nuqqas ta’ kitba inqas restrittiva tat-titolu li jidher taħtu u tal-paragrafu 1 tiegħu. Skont il-Kummissjoni, l-argument tal-Parlament ma jieħux inkunsiderazzjoni t-termini “mingħajr preġudizzju għad-dispo[ż]izzj[o]nijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat” li jinsabu fl-Artikolu 179(1) KE.

32

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija strument finanzjarju li huwa applikat fl-ewwel lok għall-livell intern tal-Komunità. Din id-deċiżjoni mhijiex il-bażi legali tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għall-benefiċċju ta’ pajjiżi terzi, li fl-ewwel lok huwa l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-BEI anness mat-Trattat.

33

Il-Kummissjoni, bħal fil-każ tal-Kunsill, tfakkar li l-Artikolu 181a KE jipprovdi li l-miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika barra mill-Komunità meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu “għandhom ikunu […] koerenti mal-politika ta’ l-iżvilupp tal-Komunità”. B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-awturi tat-Trattat ikkkunsidraw li l-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 181a KE jistgħu jkollhom effett favur l-iżvilupp, inkluż favur dak tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, sostniet li, ukoll għall-għoti ta’ garanzija lill-BEI dwar operazzjonijiet li jikkonċernaw pajjiżi li huma kollha pajjiżi li qed jiżviluppaw skont it-Trattat, il-bażi legali adegwata hija l-Artikolu 181a KE, peress li din il-garanzija tibbenefika biss indirettament lil dawn il-pajjiżi, permezz ta’ self li jingħata mill-BEI skont il-proċeduri interni rispettivi tiegħu u abbażi tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-BEI.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

34

Skont ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “Diossidu tat-titanju”, C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10; u tad-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 54) u mhux fuq il-bażi legali meħuda għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħra li jippreżentaw, skont il-każ, karatteristiċi simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 131/86, Ġabra p. 905, punt 29, u tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 106). Barra minn hekk, meta fit-Trattat teżisti dispożizzjoni aktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u tas-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-533/03, Ġabra p. I-1025, punt 45).

35

Jekk l-eżami ta’ miżura juri li għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti tagħha huwa identifikabbli bħala prinċipali, filwaqt li l-ieħor m’huwiex għajr aċċessorju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I-939, punti 19 u 21; tat-, Spanja vs Il-Kunsill, C-36/98, Ġabra p. I-779, punt 59; tad-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, kif ukoll tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

36

Fir-rigward ta’ miżura li ssegwi fl-istess ħin diversi għanijiet jew li għandha diversi komponenti li huma marbutin b’mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun aċċessorju għall-ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat KE jkunu applikabbli, tali miżura għandha tkun fondata, b’mod eċċezzjonali, fuq il-bażijiet legali korrispondenti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 40, u tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

37

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 17 sa 21 tas-sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, li r-rikors għall-bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet legali huma inkompatibbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-164/97 u C-165/97, Ġabra p. I-1139, punt 14; tad-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-94/03, Ġabra p. I-1, punt 52, u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-178/03, Ġabra p. I-107, punt 57).

38

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx validament tiġi adottata fuq l-uniku bażi legali tal-Artikolu 181a KE. Għal dan il-għan, għandhom jiġu analizzati, l-ewwel nett, ir-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-Artikolu 179 KE li jinsab fit-Titolu XX tat-Trattat u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 181a KE, li jaqa’ taħt l-Artikolu XXI, qabel ma jiġi eżaminat jekk il-kontenut u l-għan ta’ din id-deċiżjoni jaqgħux, kif isostni l-Parlament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Artikolu. Jekk dan jirriżulta l-każ, għandu jiġi eżaminat liema kienet il-bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Fuq id-delimitazzjoni tal-oqsma rispettivi tat-Titoli XX u XXI tat-Trattat

39

Huwa veru li, kif issostni l-Kummissjoni, skont is-sens litterali, it-termini “pajjiżi terzi” utilizzati fl-Artikolu 181a KE huma suffiċjentement wiesgħa sabiex jinkludu kemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll pajjiżi terzi oħra. Madankollu, ma jistax jiġi dedott, mingħajr ma jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 179 KE, li kull miżura ekonomika, finanzjarja u ta’ kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw skont l-Artikolu 177 KE tista’ tittieħed abbażi biss tal-Artikolu 181a KE.

40

Fil-fatt, jekk huwa biss l-Artikolu 181a KE li jirreferi b’mod espliċitu, għall-“miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ kooperazzjoni teknika” [kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika], filwaqt li l-Artikolu 179 KE jirreferi biss, b’mod ġenerali, għal “miżuri”, xorta jibqa’ l-fatt li tali kooperazzjoni tista’ tikkostitwixxi, skont il-metodi tagħha, forma tipika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Huwa paċifiku li l-BEI taġixxi essenzjalment fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika. Madankollu, huwa previst fl-Artikolu 179 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 177 KE, li l-BEI jikkontribwixxi, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-istatuti tiegħu, għall-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. B’hekk, il-punt 119 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentati tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament u tal-Kummissjoni fuq il-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni intitolat “Il-Kunsens Ewropew [għall-Iżvilupp]” (ĠU 2006, C 46, p. 1) jipprovdi li l-BEI “għandu rwol dejjem akbar fl-implementazzjoni tal-għajuna Komunitarja, permezz ta’ investimenti fl-impriżi privati u pubbliċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw”.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 181a KE huwa introdott permezz tat-termini “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat, u b’mod partikolari għal dawk tat-Titolu XX”. Dawn it-termini jagħtu l-ħjiel li dan it-Titolu XX huwa speċifiku għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

42

Huwa veru li, hekk kif ifakkru l-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikolu 179 KE jibda wkoll bit-termini “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjinijiet [dispożizzjonijiet] l-oħra ta’ dan it-Trattat”.

43

Madankollu, għandu jiġi osservat li, minn naħa, kif isostni l-Parlament fil-kitbiet tiegħu, l-Artikolu 179 KE ġie fformulat fi żmien meta l-Artikolu 181a KE kien għadu ma jeżistix, peress li t-Titolu XXI, li taħtu jaqa’ dan l-artikolu, kien ġie introdott fit-Trattat biss matul ir-reviżjoni tiegħu mit-Trattat ta’ Nizza. Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 181a KE, u sa fejn dan dawn mhumiex stumenti Komunitarji li jaqgħu taħt politika oħra, il-Komunità stabbilixxiet miżuri u kkonkludiet ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li ma kinux pajjiżi li qed jiżviluppaw abbażi tal-Artikoolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), fin-nuqqas ta’ bażi legali speċifika. Id-dħul fit-Trattat tat-Titolu XII b’hekk ħoloq bażi legali speċifika għal din il-kooperazzjoni u ta flessibbiltà lil-proċedura ta’ adozzjoni tal-inizjattivi Komunitarji f’dan il-qasam billi ssostitwixxa l-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill b’vot unanimu meħtieġ mill-Artikolu 308 KE.

44

Min-naħa l-oħra, ir-riżerva li tinsab fl-Artikolu 179 KE hija inqas speċifika minn dik li tinsab fl-Artikolu 181a KE, li tirreferi espressament għat-Titolu XX tat-Trattat.

45

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-riżerva li tinsab fl-Artikolu 181a KE, dwar it-Titolu XX tat-Trattat għandha tingħata prijorità meta mqabbla ma’ dik tal-Artikolu 179 KE.

46

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-miżuri li jikkonċernaw il-politika fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 181a KE biss, bil-kundizzjoni li dawn ikunu koerenti ma’ din il-politika hekk kif tirriżulta mit-Titolu XX tat-Trattat. Fil-fatt, billi jipprovdi li l-miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika huma “koerenti mal-politika ta’ l-iżvilupp tal-Komunità”, l-Artikolu 181a(1) KE ifisser sempliċement li, meta hija tadotta miżuri abbażi tal-Artikolu 181a KE, il-Komunità għandha tagħmel mezz li żżomm koerenza ma’ dak li kien jew jista’ jiġi deċiż abbażi tal-Artikolu 179 KE. Tali analiżi hija sostnuta mill-Artikolu 178 KE, li tgħid li l-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imsemmija fl-Artikou 177 KE fil-politika li hija timplementa u li jistgħu jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

47

Isegwi li, sa fejn l-Artikolu 181a KE japplika bla ħsara għat-Titolu XX tat-Trattat KE, dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, dan l-artikolu mhuwiex intiż sabiex jikkostitwixxi l-bażi legali tal-miżuri li jsegwu l-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont dan it-Titolu XX, stabbiliti fl-Artikolu 177 KE.

48

Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni f’dan il-każ dwar il-kwistjoni jekk miżura ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw tistax, sa fejn hija ma ssegwix dawn l-għanijiet, ikollha bħala bażi legali unika l-Artikolu 181a KE, fil-preżent għandu jsir l-eżami tal-kontenut u tal-għan tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

49

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tagħti lill-BEI garanzija baġitarja relatata ma’ nuqqasijiet ta’ ħlas flimkien mal-operazzjonijiet ta’ finanzjament imwettqa minnu fil-pajjiżi li jaqgħu taħt din id-deċiżjoni, sa fejn, b’mod partikolari, il-finanzjamenti kkonċernati jkunu ngħataw sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ politika esterna tal-Unjoni.

50

Skont l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-lista tal-pajjiżi eliġibbli jew potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI flimkien mal-garanzija Komunitarja tinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Din il-lista hija maqsuma f’erba’ gruppi dwar, rispettivament, il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi li jaqgħu taħt il-politika ta’ viċinat u ta’ sħubija, l-Asja, l-Amerika t’Istel u fl-aħħar nett, l-Afrika t’Isfel.

51

Il-Parlament isostni li l-parti l-kbira tal-pajjiżi msemmija f’dan l-Anness huma “pajjiżi li qed jiżviluppaw”, skont il-klassifikazzjonijiet imwettqa f’dan ir-rigward mill-OECD, kif ukoll mill-Bank Dinji. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma fformulawx oġġezzjoni kontra dawn il-kwalifiki.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li l-kunċett ta’ “pajjiżi li qed jiżviluppaw” li jinsab fit-Titolu XX tat-Trattat mhuwiex iddefinit minnu. Żgur li, hekk kif jirriżulta mit-tweġibiet orali tal-partijiet għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li t-tieni nota f’qiegħ il-paġna tad-dikjarazzjoni konġunta msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, importanza partikolari hija mogħtija fil-prattika Komunitarja għal-lista tal-benefiċjarji tal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp stabbilita mill-kumitat ta’ għajnuna għall-iżvilupp li jiltaqa’ fi ħdan il-OECD. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni Komunitarja awtonoma. Xorta jibqa’ l-fatt ukoll li l-kategorija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija dinamika fis-sens li hija intiża sabiex tiġi emendata fid-dawl ta’ avvenimenti ftit prevedibbli.

53

Madankollu, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-parti kbira, jiġifieri l-maġġoranza tal-pajjiżi elenkati fil-lista tal-pajjiżi li jistgħu jiġu annessi mad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett, indipendentement mill-aċċettazzjoni preċiża tiegħu.

54

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, li l-istabbiliment ta’ azzjoni ta’ kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz tad-deċiżjoni kkotnestata jista’ jaqa’ taħt il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat.

55

Fil-fatt, hekk kif isostnu l-Parlament u l-Kummissjoni, is-sħab tal-BEI fi ħdan proġett jibbenefikaw, mill-fatt tal-garanzija Komunitarja, minn self b’rati aktar favorevoli, fejn dawn jistgħu jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna. Madankollu, l-Artikolu 179(2) KE jipprovdi li l-BEI jsostni l-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp imwettqa mill-Komunità. Għaldaqstant, il-fatt li l-attività tal-BEI tkkonsisti essenzjalment li tagħti krediti rimborsabbli, u mhux sussidji, ma jistax jipprekludi li uħud mill-finanzjamenti tiegħu jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna għall-iżvilupp.

56

F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi każ b’każ bl-għoti tal-garanzija Komunitarja għal finanzjament tal-BEI dwar ċerti pajjiżi, inklużi pajjiżi li ma jidhrux fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 2(4) tagħha, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jissospendi finanzjament ġdid tal-BEI taħt din il-garanzija, meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, Madankollu, xejn ma jeskludi li pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jiġu milquta mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill meħuda skont l-Artikolu 2(2) jew (4) tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, skont dawn id-dispożizzjonijiet, dawn id-deċiżjonijiet huma adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 181a KE, u dan indipendentement minn jekk ikunx pajjiż li qed jiżviluppa skont it-Titolu XX tat-Trattat.

Fuq l-għan tad-deċiżjoni kkontestata

57

Jekk huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata tidħol fil-perspettiva ta’ kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ strument finanzjarju Komunitarju, il-Parlament jinsab f’oppożizzjoni mal-Kunsill u mal-Kummissjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minn din il-konstatazzjoni.

58

Il-Parlament isostni li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkonċerna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, issegwi l-għanijiet tal-Artikolu 177 KE, b’mod partikolari l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. Il-Kunsill jikkontesta dan l-argument, mingħajr ma madankollu jindika liema huwa, fin-nuqqas ta’ dan, l-għan ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat.

59

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jqisu l-Kunsill u l-Kummissjoni, huwa l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata pjuttost mill-għan tagħha li huwa evidenti permezz tad-deskrizzjoni li tinsab fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt jirriżulta minn din id-deċiżjoni li l-għoti tal-garanzija Komunitarja jsegwi għanijiet li jmorru lil hinn minn miżura li hija intiża sussidjarjament biss għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. B’hekk jirriżulta b’mod partikolari mill-Premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni li din hija intiża sabiex issostni l-azzjoni esterna tal-Unjoni mingħajr ma tikkawża ħsara l-mertu ta’ kreditu tal-BEI. Fuq kollox, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-garanzija Komunitarja għaldaqstant tingħata biss, b’mod partikolari, meta l-operazzjonijiet ta’ finanzjament inkwistjoni kienu ġew deċiżi “b’sostenn għall-objettivi relevanti tal-politika esterna ta’ l-Unjoni Ewropea”.

60

Kif irrileva l-Parlament matul is-seduta, huwa possibbli li, fin-nuqqas ta’ tali garanzija, il-BEI ma jistax iwettaq operazzjonijiet ta’ finanzjament fil-pajjiżi kkonċernati. Fil-fatt, b’kunsiderazzjoni tar-riskji eżisteni marbuta mal-għoti ta’ finanzjamenti f’ċerti pajjiżi terzi, il-mertu ta’ kreditu tal-BEI jista’ jiġi milqut mit-twettiq ta’ tali operazzjonijiet f’dawn il-pajjiżi, b’mod li, sabiex jiġi evitat li tiġi kkawżata ħsara għal dan il-mertu, il-BEI huwa dissważ li jagħmel dan jew tal-anqas huwa obbligat li jimponi għal dawn l-operazzjonijiet kundizzjonijiet ħafna inqas favorevoli għal persuni li jieħdu kreditu. B’hekk, minħabba l-fatt tal-garanzija Komunitarja wara l-kontribuzzjoni tagħha għall-mertu ta’ kreditu tal-BEI, l-impenn tiegħu fil-pajjiżi terzi huwa ffavorizzat, jiġifieri jsir possibbli. Għaldaqstant, il-fatt li jiġi ppreżervat dan il-mertu ta’ kreditu jidher bħala raġuni neċessarja għat-twettiq tal-għan essenzjali ta’ din id-deċiżjoni, li huwa li tikkontribwixxi għall-politika esterna tal-Komunità.

61

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżuppost li, kif sostnew il-Kunsill u l-Parlament, il-garanzija Komunitarja tapplika biss effetti indiretti fir-rigward tal-pajjiżi terzi msemmija mid-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-kundizzjonijiet aktar favorevoli li bihom hija tippermetti lill-BEI li jagħti l-finanzjamenti lil dawn il-pajjiżi, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix li din il-miżura tkun tista’ tintegra ruħha fil-kuntest tal-politika tal-Komunità fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

62

Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura essenzjalment interna għall-Komunità. Huwa veru li, l-ewwel nett, il-garanzija Komunitarja tapplika l-effetti tagħha prinċipalment fi ħdan il-Komunità, jiġifieri fir-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-baġit Komunitarju. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, din il-garanzija tikkostitwixxi mhux l-għan essenzjali ta’ din id-deċiżjoni, iżda l-mezz magħżul sabiex jintlaħaq dan l-għan, li jikkonsisti li jsostni l-politika esterna tal-Komunità billi jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi terzi permezz tal-BEI.

63

Madankollu, il-politika Komunitarja fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħmel parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Komunità. Minbarra dan, il-Premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata ssostni li l-operazzjonijiet ta’ finanzjalment tal-BEI għandhom ikunu koerenti mal-politika esterna tal-Unjoni u jsostnuha, inkluż f’dak li jikkonċerna l-għanijiet reġjonali speċifiċi. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi speċifikament li l-kooperazzjoni għandha titwettaq b’mod differenti skont ir-reġjuni, fil-funzjoni tar-rwol tal-BEI u l-politika tal-Unjoni f’kull reġjun.

64

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata li l-garanzija Komunitarja hija ddestinata sabiex tkopri l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI mwettqa fil-pajjiżi li japplikaw b-mod partikolari l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-istrument Ewropew u ta’ viċinat u ta’ sħubija. Il-Premessa 7 ta’ din l-istess deċiżjoni jsemmi wkoll l-istrument ta’ stabbiltà stabbilit mir-Regolament Nru 1717/2006. B’hekk din id-deċiżjoni ssaħħaħ l-azzjonijiet meħuda b’mod partikolari permezz ta’ dawn it-tlett strumenti, li huma intiżi, almenu parzjalment, għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat. Din l-analiżi hija sostnuta mill-Premessa 15 ta’ din id-deċiżjoni, li b’mod partikolari tirrigwarda eventwali possibbiltajiet li “jiġi kombinat mar-riżorsi baġitarji ta’ l-[Unjoni] kif xieraq, fil-forma ta’ sostenn għall-għotjiet, ta’ kapital ta’ riskju u ta’ sussidju għar-rati ta’ l-imgħax, flimkien ma’ assistenza teknika għall-preparazzjoni, l-implimentazzjoni jew it-titjib ta’ proġetti jew tisħiħ tal-qafas legali u regolatorju”.

65

Fuq kollox, l-għanijiet konkreti ċċitati fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata kwar id-diversi reġjuni msemmija minn din id-deċiżjoni jikkorrispondu, almenu parzjalment, għal għanijiet tipiċi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. B’hekk, jirriżulta mill-Premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, iċċitata mill-Parlament matul is-seduta li, fl-Asja u fl-Amerika Latina — reġjuni li fihom “Il-BEI għandu jagħmel ħiltu sabiex jespandi progressivament l-attivitajiet tiegħu fuq numru akbar ta’ pajjiżi […], inkluż fil-pajjiżi l-inqas prosperi”, il-finanzjament tal-BEI għandu jirrigwarda b’mod partikolari proġetti fl-oqsma tas-sostenibbiltà ambjentali u dwar is-sigurtà tal-enerġija, u jikkontribwixxi għaż-żamma tal-preżenza tal-Unjoni f’dawn ir-reġjuni permezz tal-investiment barrani dirett u tat-trasferiment ta’ teknoloġiji u ta’ kapaċitajiet. Bl-istess mod, jirriżulta rispettivament mill-premessi (13) u (14) tad-deċiżjoni kkontestata li l-BEI għandha tagħmel enfasi, fl-Asja Ċentrali, fuq il-proġetti prinċipali tal-provvista tal-enerġija u tat-trasport tal-enerġija b’implikazzjonijiet transkonfinali, u min-naħa l-oħra, fl-Afrika t’Isfel, u fuq is-sostenn lis-settur privat, inklużi l-impriżi żgħar u medji.

66

Isegwi li l-kooperazzjoni finanzjarja li tapplika, skont id-deċiżjoni kkontestata, permezz tal-garanzija Komunitarja mogħtija lill-BEI ssegwi wkoll, sa fejn huma kkonċernati pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-għanijiet soċjo-ekonomiċi stabbiliti fl-Artikolu 177 KE, b’mod partikolari l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi.

67

Jirriżulta minn dak li ntqal li d-deċiżjoni kkontesta, sa fejn tikkonċerna pajjiżi li qed jiżviluppaw, fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat, taqa’ taħt dan it-titolu, u għalhekk taħt l-Artikolu 179 KE. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni għandha żewġ komponenti, wieħed relatat mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jaqa’ taħt l-Artikolu 179 KE, l-ieħor relatat mal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jaqa’ taħt l-Artikolu 181a KE.

Fuq ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-deċiżjoni kkontestata

68

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, il-prinċipju li d-deċiżjoni kkontestata għandha ż-żewġ komponenti deskritti fil-punt preċedenti mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hija kellha tiġi adottata fuq il-bażi legali doppja kkostitwit mill-Artikoli 179 KE u 181a KE. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk wieħed mill-komponenti ta’ din id-deċiżjoni huwiex identifikabbli bħala prinċipali jew predominanti filwaqt li l-ieħor huwa biss aċċessjoru jew, bil-kontra, jekk dawn iż-żewġ komponenti humiex marbuta b’mod indissoċjabbli, mingħajr ma wieħed ikun aċċessorju fir-rigward tal-ieħor.

69

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-bażi legali inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikoli 179 KE u 181a KE, fejn it-tnejn li huma jikkonċernaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, fost oħrajn fuq livell finanzjarju u li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-implikazzjoni tal-BEI fil-kuntest ta’ kooperazzjoni finanzjarja ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħmel parti sħiħa mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont it-Titolu XX tat-Trattat.

70

Barra minn hekk għandu jiġi osservat f’dan il-każ li, filwaqt li jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha, minn naħa, għan u komponenti prinċipali marbuta kważi esklużivament mal-Artikolu 181a KE u, min-naħa l-oħra, għan u komponent aċċessorji marbuta mal-Artikolu 179 KE, il-Kunsill u l-Kunsill madankollu qatt ma kienu fil-pożizzjoni li juru kif il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika bejn il-Komunità u pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw hija sa ċertu punt barra mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat li din id-deċiżjoni, ukoll sa fejn il-kooperazzjoni maħsuba tagħha tikkonċerna pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandha għan u komponent prinċipali jew predominanti li ma kkunsidrawax il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tat-Titolu XX.

71

Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni finanzjarja kemm mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll ma’ pajjiżi terzi oħra permezz tal-garanzija Komunitarja mogħtija lill-BEI. B’hekk din id-deċiżjoni tirrigwarda azzjonijiet ta’ natura simili, li jiddistingwu ruħhom biss skont ir-rġjuni u l-pajjiżi kkonċernati. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikun aleatorju, jew ukoll arbitrarju, li jsir tentattiv li jiġi identifikat komponent ġeografiku predominanti f’din id-deċiżjoni. Dan japplika wkoll minħabba n-natura evoluttiva tal-kategorija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw skont it-Titolu XX tat-Trattat u b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess deċiżjoni, għall-Kunsill li jiddeċiedi, każ b’każ, l-eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ finanzjament tal-BEI flimkien mal-garanzija Komunitarja tal-pajjiżi, li wkoll mhumiex imsemmija fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

72

Jirriżulta minn dak li ntqal li, mill-perspettiva tal-kontenut u l-għan tad-deċiżjoni kkontestata, din għandha komponenti li huma marbuta b’mod indissoċjabbli, li jaqgħu taħt l-Artikolu 179 KE, minn naħa, u l-Artikolu 181a KE, min-naħa l-oħra, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi identifikat għan jew komponent prinċipali jew predominanti. Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonkluż li din id-deċiżjoni kellha, bħala prinċipju, tiġi adottata abbażi ta’ dawn iż-żewġ Artikoli, sakemm tali kombinazzjoni tal-bażijiet legali kellhom jiġu esklużi skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li ser tiġi eżaminata.

Fuq il-kompatibbiltà tal-proċeduri

73

Mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jesprimu ruħhom fis-seduta dwar il-kwistjoni jekk il-proċeduri previsti rispettivament fl-Artikoli 179 KE u 181a KE humiex kompatibbli, il-partijiet kollha wieġbu fl-affermattiv, fejn qalu li ċerti miżuri kienu diġà ġew adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi doppja ta’ dawn l-Artikoli.

74

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att ma tistax issesħħ fir-rigward tal-bażi legali meħuda għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħra li jippreżentaw, skont il-każ, karatteristiċi simili.

75

Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-użu ta’ bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal waħda jew l-oħra minn dawn il-bażijiet huma inkompatibbli.

76

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, bid-differenza tas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata kemm fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 179 KE kif ukoll f’dik prevista fl-Artikolu 181a KE.

77

Huwa veru li, fil-kuntest tal-Artikolu 179 KE, il-Parlament jeżerċita l-funzjoni leġiżlattiva permezz ta’ kodeċiżjoni mal-Kunsill, filwaqt li l-Artikolu 181a KE — l-unika bażi legali utilizzata għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata — jipprovdi biss għall-konsultazzjoni tal-Parlament mill-Kunsill.

78

Madankollu, għandha tiġi mfakkra l-importanza tar-rwol tal-Parlament fil-proċeduri leġiżlattivi tal-Komunità. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, il-parteċipazzjoni tal-Parlament għal dan il-proċess hija r-riflessjoni, fuq livell Komunitarju, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali, li l-popli jipparteċipaw għall-eżerċizzju tas-setgħa permezz tal-intermedju ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-65/93, Ġabra p. I-643, punt 21).

79

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Diossidu tat-titanju, iċċitata iktar ’il fuq, f’ċirkustanzi tal-każ, ir-rikors għal bażi legali doppja li jikkonsisti fl-Artikoli 179 KE u 181a KE mhuwiex ta’ natura li jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 54, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 59). Fil-fatt, ir-rikors għall-Artikolu 179 KE jimplika parteċipazzjoni iktar importanti tal-Parlament sa fejn huwa jipprovdi għall-adozzjoni tal-att skont il-proċedura msejħa “kodeċiżjoni”. Mill-bqija, mhuwiex ippruvat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali bażi legali doppja mhuwiex possibbli min-naħa tat-teknika leġiżlattiva.

80

Minbarra dan, diversi elementi jippuntaw favur il-konklużjoni li l-kumulu tal-Artikoli 179 KE u 181a KE kien possibbli kif ukoll xieraq fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

81

L-ewwel nett, hekk kif jirriżulta mill-punti 69 sa 72 ta’ din is-sentenza, il-komponenti tad-deċiżjoni kkontestata dwar, l-ewwel nett, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, it-tieni nett, fuq pajjiżi terzi oħra huma indissoċjabbli. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-kategorija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat kif ukoll ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, ma jkunx possibbli, fil-prattika, li tingħata preferenza għall-adozzjoni parallela ta’ żewġ atti, wieħed dwar il-pajjżi li qed jiżviluppaw u bbażat unikament fuq l-Artikolu 179 KE, l-ieħor dwar pajjiżi terzi li mhux qed jiżviluppaw u bbażat biss fuq l-Artikolu 181a KE. Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta wkoll mill-istess punti ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi sostnut li wieħed minn dawn il-komponenti huwa aċċessorju fir-rigward tal-ieħor.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, soluzzjoni li, fir-rigward tad-differenzi bejn il-proċeduri msejħa ta’ “kodeċiżjoni” u ta’ “konsultazzjoni” previsti rispettivament fl-Artikolu 179 KE u 181a KE, tikkonsisti li tagħti preferenza lill-unika bażi legali tal-Artikolu 179 KE inkwantu bażi li timplika parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tal-Parlament għandha bħala konsegwenza li l-miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi ma jkunux espliċitatament koperti mill-bażi legali magħżula. Madankollu, f’tali ipoteżi, ir-rwol leġiżlattiv tal-Kunsill huwa, f’kull każ, milqut bl-istess mod bħar-rikors għal bażi legali doppja li jikkonsisti fl-Artikoli 179 KE u 181a KE. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 181a KE mhuwiex intiż sabiex jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ miżuri li jsegwu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 177 KE, dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tat-Titolu XX tat-Trattat, u għalhekk l-Artikolu 179 KE ma jistax, bħala prinċipju, jistabbilixxi miżuri ta’ kooperazzjoni li ma jsegwux tali għanijiet.

83

Isegwi li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, ikkaratterizzati b’mod partikolari mir-relazzjoni ta’ komplementarjetà eżistenti bejn it-Titoli XX u XXI tat-Trattat kif ukoll mill-artikolazzjoni kważi interdipendenti tal-Artikoli 179 KE u 181a KE, il-proċeduri previsti rispettivament f’dawn iż-żewġ Artikoli ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inkompatibbli.

84

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kellha tkun fondata, eċċezzjonalment, fuq il-bażi legali doppja tal-Artikoli 179 KE u 181a KE.

85

Fid-dawl tal-elementi kkunsidrati kollha, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn hija bbażata fuq l-Artikolu 181a KE biss.

Fuq it-talba ta’ żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

86

Il-Parlament, sostnut f’dan ir-rigward mill-Kunsill u l-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li żżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

87

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidra li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ. Tali dispożizzjoni tista’ tiġi applikata wkoll għal deċiżjoni meta jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali, li huma paragunabbli ma’ dawk applikabbli f’każ ta’ annullament ta’ ċerti regolamenti, li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa mogħtija lilha, f’dan il-kuntest, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-271/94, Ġabra p. I-1689, punt 40; tat-, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-106/96, Ġabra p. I-2729, punt 41, kif ukoll tat-, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-22/96, Ġabra p. I-3231, punti 41 u 42).

88

Skont l-Artikolu 10 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fit-30 ta’ Diċembru 2006. Huwa paċifiku li l-annullament tagħha mingħajr iż-żamma tal-effetti tagħha, jista’ jkollu konsegwenzi negattivi f’dak li jikkonċerna l-mertu ta’ kreditu tal-BEI u jkun ta’ natura li jwassal għal inċertezzi dannużi għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu fil-preżent u fil-futur.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu motivi rilevanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-partijiet li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk hemm lok li l-effetti tal-annullament tagħha jinżammu sospiżi sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ deċiżjoni ġdida. F’dan ir-rigward, jidher li terminu ta’ tnax-il-xahar sa minn meta tingħata d-deċiżjoni ta’ din is-sentenza jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli.

Fuq l-ispejjeż

90

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess regoli, il-Kummissjoni li interveniet fil-kawża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006, li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2006/1016 jinżammu fis-seħħ f’dak li jikkonċerna l-finanzjamenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment li kienu ġew konklużi sad-dħul fis-seħħ, f’terminu ta’ tnax-il-xahar mid-data ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida stabbilita fuq il-bażi legali adegwata, jiġifieri l-Artikoli 179 KE u 181a KE meħuda flimkien.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

 

4)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.