SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Kunċett ta’ impriża — Attività ekonomika — Organizzazzjoni internazzjonali — Abbuż minn pożizzjoni dominanti”

Fil-Kawża C-113/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2007,

Selex Sistemi Integrati SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, R. Sciaudone u D. Fioretti, avukati,

appellanti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u F. Amato, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol), irrappreżentata minn F. Montag u T. Wessely, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, SELEX Sistemi Integrati SpA (iktar ’il quddiem “Selex”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 2006, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni (T-155/04, Ġabra p. II-4797, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet talba għal annullament jew modifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat- li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti dwar allegat ksur mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I — Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Selex topera fis-settur tas-sistemi tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru mill-1961. Fit-28 ta’ Ottubru 1997, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 17, tas-, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li permezz tiegħu hija lmentat dwar abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u distorsjoni tal-kompetizzjoni li għalihom kienet responsabbli Eurocontrol.

3

L-imsemmi lment kien jgħid li s-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kuntratti ta’ żvilupp u ta’ kisba ta’ prototipi ta’ sistemi ġodda, u apparat iddestinat għall-applikazzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru konklużi mill-Eurocontrol, hija ta’ tali natura li toħloq monopolji ta’ fatt fil-produzzjoni tas-sistemi li sussegwentement jiġu standardizzati mill-Eurocontrol. Hija indikat li din is-sitwazzjoni kienet iktar gravi, peress li l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ftuħ u ta’ non-diskriminazzjoni, fil-kuntest tal-ksib ta’ dawn il-prototipi, ma ġewx osservati minn Eurocontrol. Barra minn hekk, l-ilment jesponi li, minħabba l-attivitajiet ta’ assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, eżerċitati minn Eurocontrol fuq talba tagħhom, l-impriżi li pprovdew prototipi kienu f’sitwazzjoni partikolarment vantaġġuża fil-konfront tal-kompetituri tagħhom matul il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti miftuħa mill-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-akkwist ta’ apparat.

4

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment. Wara li kkunsidrat li r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni japplikaw bħala prinċipju għall-organizzazzjonijiet internazzjonali taħt il-kundizzjoni li l-attivitajiet previsti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala attivitajiet ekonomiċi, hija qabel kollox affermat li l-attivitajiet li huma s-suġġett ta’ ilment m’għandhomx tali natura, u b’hekk Eurocontrol ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE u li, f’kull każ, dawn l-attivitajiet ma kinux kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Hija ppreċiżat ukoll li l-attivitajiet ta’ leġiżlazzjoni, standardizzazzjoni u ta’ validazzjoni mwettqa minn Eurocontrol ma kinux jikkostitwixxu “attivitajiet ta’ impriża”, li l-ebda ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni ma ġie stabbilit fir-rigward tal-attivitajiet ta’ din l-organizzazzjoni marbuta mal-akkwist ta’ prototipi u mal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u, fl-aħħar, li l-attivitajiet ta’ assistenza lill-amministrazzjonijiet nazzjonali ma kinux ta’ natura ekonomika.

II — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

A — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

5

B’att imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2004, Selex ippreżentat rikors għall-annullament jew għall-modifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

6

Skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Eurocontrol ġiet ammessa, b’digriet tal-25 ta’ Ottubru 2004, sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali.

7

Fil-5 ta’ April 2005, Eurocontrol ġiet mistiedna, skont l-Artikolu 64 tal-istess Regoli tal-Proċedura, sabiex tippreżenta nota ta’ intervent. Fl-, hija ġiet barra minn hekk awtorizzata sabiex tirċievi kopja tal-atti tal-proċess.

8

Wara talba mir-rikorrenti intiża sabiex il-konvenuta tiġi mitluba, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tippreżenta, b’mod partikolari, ittra tat-3 ta’ Novembru 1998 li permezz tagħha din tal-aħħar stiednet lil Eurocontrol tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment (iktar ’il quddiem l-“itra tat-”), il-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija ittra u indikat li ma kellhiex dokumenti utli oħra. Għaldaqstant ir-rikorrenti, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-, minn naħa ppreżentat talba sabiex jiġu ordnati, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji dwar il-prova, is-smigħ ta’ xhieda u l-produzzjoni ta’ dokumenti mill-Kummissjoni u min-naħa l-oħra, qajmet motivi oħra.

B — Is-sentenza appellata

9

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors.

10

Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza appellata, iddikjarat bħala inammissibbli t-talba ta’ Selex intiża għal modifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punti 33 sa 40 ta’ din is-sentenza, hija ddikjarat ukoll bħala inammissibbli, fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-motivi ġodda mqajma minn Selex, billi ċaħdet f’dan ir-rigward l-argument tagħha li jgħid li l-ittra tat-3 ta’ Novembru kienet tikkostitwixxi element ġdid li ġie żvelat matul il-proċedura b’ittra tad-direttur tal-Eurocontrol tat-2 ta’ Lulju 1999 annessa mar-risposta.

11

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata, iddikjarat inammissibbli l-motiv imqajjem minn Eurocontrol li permezz tiegħu xtaqet li jiġi deċiż li r-regoli tal-Unjoni Ewropea mhumiex applikabbli għaliha minħabba l-immunità li tibbenefika minnha skont id-dritt internazzjonali pubbliku, minħabba li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza, u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Prim’Istanza, l-intervenjenti m’għandhiex il-kwalità sabiex tqajjem dan il-motiv li ma ġiex imqajjem mill-Kummissjoni.

12

Fir-rigward tal-mertu, sabiex tiċħad ir-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tliet motivi invokati minn Selex, ibbażati, rispettivament, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kompetizzjoni fuq Eurocontrol, żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u ksur dwar forom sostanzjali, u dan għar-raġunijiet imsemmija fil-qosor iktar ’il quddiem.

13

Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tissoponi li huma milqugħa l-ewwel żewġ motivi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, hija rrilevat fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata li, minn naħa “peress illi l-parti operattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq diversi argumenti li kull wieħed minnhom huwa minnu nnifsu suffiċjenti biex jiġġustifika din il-parti operattiva, dan l-att jista’, bħala regola, jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-argumenti jkun illegali” u li, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni doppja li Eurocontrol mhijiex impriża u li l-aġir inkwistjoni tagħha mhuwiex kontra l-Artikolu 82 KE.

14

Filwaqt li eżaminat l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 50 sa 55 tas-sentenza appellata, fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċetti ta’ impriża u ta’ attività ekonomika u ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni li, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft (C-364/92, Ġabra p. I-43) kienet sostniet li Eurocontrol ma setgħetx f’kull każ tiġi kkwalifikata bħala impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, hija rrilevat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat f’dan ir-rigward huma applikabbli għall-attivitajiet ta’ entità li jistgħu jiġu sseparati minn dawk li teżerċita bħala awtorità pubblika peress li l-attivitajiet ta’ entità għandhom jiġu eżaminati b’mod individwali u li, għaldaqstant, is-sentenza invokata ma teskludix li Eurocontrol hija kkwalifikata, fir-rigward tal-attivitajiet barra dawk imsemmija f’din is-sentenza, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

15

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet distinzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, bejn l-attivitajiet differenti inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika, l-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp u l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

16

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata li, filwaqt li l-adozzjoni ta’ regoli fuq parir ta’ Eurocontrol taqa’ taħt is-settur leġiżlattiv u għaldaqstant mill-missjoni pubblika ta’ din l-organizzazzjoni, il-preparazzjoni jew it-tfassil tar-regoli tekniċi setgħet kienet distinta mill-missjonijiet ta’ kontroll tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru, iżda ma tistax madankollu tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika, peress li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma urietx li din l-attività kienet tikkonsisti li jiġu offruti prodotti jew servizzi f’suq partikolari.

17

F’dan il-kuntest, ma ġewx milqugħa, fil-punti 63 sa 68 tas-sentenza appellata, l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jgħidu, minn naħa, li n-natura ekonomika tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika hija dedotta minn natura ekonomika tal-attività ta’ akkwist tal-prototipi u, min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-4 ta’ Marzu 2003, FENIN vs Il-Kummissjoni (T-319/99, Ġabra p. II-357) mhijiex transponibbli għall-kawża preżenti. Filwaqt li ċċitat din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat essenzjalment li n-natura ekonomika jew le tal-attività ta’ xiri kienet tiddependi mill-użu sussegwenti tal-prodott akkwistat, b’mod li, fil-kawża preżenti, in-natura mhux ekonomika tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika timplika n-natura mhux ekonomika tal-akkwist ta’ prototipi mwettaq fil-kuntest ta’ din l-attività.

18

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 74 tas-sentenza appellata rrilevat qabel kollox li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li n-natura ekonomika tagħha ma kinitx ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni ma ssibx bażi fid-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement hija kkunsidrat, fil-punti 75 sa 77 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari li l-akkwist ta prototipi f’dan il-kuntest u l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati ma kinux tali li jikkonferixxu natura ekonomika lil din l-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp tal-organizzazzjoni, peress li dan l-akkwist ma jimplikax l-offerta ta’ prodotti jew ta’ sevizzi f’suq partikolari. Billi rrilevat, f’dan ir-rigward li l-imsemmija attività tikkostitwixxi fl-għoti ta’ sussidji pubbliċi lill-impriżi fis-settur ikkonċernat u sabiex tinxtara l-proprjetà tal-prototipi u d-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw mir-riċerki ssusidjata sabiex ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jitqiegħdu bla ħlas għad-dispożizzjoni tas-settur interessat, hija kkunsidrat li din kienet “attività anċillari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku, li tifforma parti mill-għan tal-interess pubbliku tal-missjoni ta’ Eurocontrol u li ma ssirx f’interess proprju tal-organizzazzjoni li huwa separabbli minn dan il-għan”.

19

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, b’mod kuntrarju, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li din kienet distinta mill-missjoni ta’ amministrazzjoni tal-kontroll tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru ta’ Eurocontrol minħabba l-fatt li din kienet tirrappreżenta relazzjoni indiretta ħafna mas-sigurtà tal-ajru, li f’dan ir-rigward tirrileva li l-assistenza ta’ Eurocontrol tkopri biss l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi matul l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, li ġiet offerta biss fuq talba tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u li għaldaqstant m’hija bl-ebda mod attività essenzjali jew indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tat-titjir tal-ajruplani.

20

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, fir-rigward ta’ din l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, li din hija offerta ta’ servizzi fis-suq tal-pariri, li fih jistgħu ukoll jaġixxu impriżi privati speċjalizzati. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 88 sa 91 ta’ din is-sentenza, iddikjarat il-fatt li attività tista’ titwettaq minn impriża privata jikkostitwixxi indikazzjoni supplementari li tippermetti li l-attività inkwistjoni tiġi kkwalifikata bħala attività ta’ impriża, li s-sitwazzjoni li attivitajiet huma normalment limitati għal uffiċċji pubbliċi ma tistax neċessarjament taffettwa n-natura ekonomika ta’ dawn l-attivitajiet, li l-fatt li l-imsemmija attività ta’ assistenza ssir bla ħlas jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ attività ta’ natura mhux ekonomika, iżda mhuwiex fih innifsu deċiżiv, u dan jgħodd ukoll għall-fatt li din l-attività hija segwita b’għan ta’ interess ġenerali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din l-attività kienet tikkostitwixxi attività ekonomika u li Eurocontrol kienet għaldaqstant, fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

21

Madankollu, meta eżaminat it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti fir-rigward ta’ din l-attività, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan u rrilevat qabel kollox, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-amministrazzjonijiet nazzjonali biss għandhom is-setgħa li jagħtu kuntratti u għalhekk huma responsabbli mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, u għalhekk l-intervent ta’ Eurocontrol la huwa obbligatorju u lanqas sistematiku. Hija tirrileva sussegwentement fil-punti 105 sa 108 ta’ din is-sentenza, li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq rilevanti u l-pożizzjoni dominanti u lanqas ma uriet l-eżistenza ta’ aġir li jikkorrispondi għall-kriterji ta’ użu abbużiv ta’ tali pożizzjoni. Fl-aħħar nett, fil-punti 111 u 112 ta’ din is-sentenza, hija ma laqgħetx l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998 tagħti prova li l-Kummissjoni stess kienet persważa li Eurocontrol kienet wettqet abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

22

Fl-aħħar nett, wara li ċaħdet, fil-punti 117 sa 120 u 124 sa 127 tas-sentenza appellata, l-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża fformulati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tielet motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 132 u 133 ta’ din is-sentenza, ċaħdet ukoll it-talbiet għal miżuri istruttorji ppreżentati mir-rikorrenti.

III — It-talbiet tal-partijiet

23

Selex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara inammissibbli l-eċċezzjoni ta’ immunità mqajma minn Eurocontrol;

tiċħad it-talbiet għas-sostituzzjoni tal-motivi fformulati mill-Kummissjoni;

tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appell kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fit-total tiegħu, u eventwalment tipproċedi għas-sostituzzjoni parzjali tal-motivi b’dawk milqugħa mill-Qorti tal-Prim’Istanza;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

25

Eurocontrol titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-intervent tagħha.

IV — Fuq l-appell

26

Insostenn tal-appell tagħha, Selex tressaq erbgħa aggravji fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll tnax-il aggravji fuq il-mertu. Dawn tal-aħħar huma bbażati fuq żbalji ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE fuq l-attivitajiet ta’ Eurocontrol inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri l-attivitajiet ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, ta’ standardizzazzjoni teknika, kif ukoll ta’ riċerka u ta’ żvilupp u min-naħa l-oħra, fuq ksur ta’ din l-organizzazzjoni ta’ dan l-artikolu.

27

Il-Kummissjoni titlob ċaħda tal-appell, iżda titlob sostituzzjoni tal-motivi li permezz tagħhom is-sentenza appellata ċaħdet il-motivi tar-rikorrenti bbażati fuq l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll fuq l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika.

28

Minkejja li titlob ukoll iċ-ċaħda tal-appell, Eurocontrol tilmenta li s-sentenza appellata tiddikjara inammissibbli l-motiv ibbażat fuq l-immunità li hija tibbenefika minnha skont id-dritt internazzjonali pubbliku. Hija ssostni barra minn hekk li din l-immunità, li teskludi l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fuq l-attivitajiet inkwistjoni, tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti Komunitarja u li għandha tiġi milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell.

A — Fuq l-aggravji dwar il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

29

L-erbgħa aggravji fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, imqajma minn Selex, huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq ksur tal-Artikolu 48(2) ta’ dawn ir-regoli (it-tieni u t-tielet aggravji), kif ukoll tal-Artikolu 66(1) tal-istess regoli.

1. Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza

30

Permezz ta’ dan l-aggravju, Selex issostni li, billi awtorizzat lil Eurocontrol tiddepożita nota bil-miktub u li tirċievi kopja tal-atti tal-proċess filwaqt li kkonstatat li t-talba ta’ intervent tagħha kienet ġiet ippreżentata wara t-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tal-aħħar kisret l-Artikolu 116(6) tal-istess regoli. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tuża’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura sabiex “tevita d-dekadenza marbuta mal-iskadenza tat-termini tal-proċedura”.

31

Il-Kummissjoni u Eurocontrol isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fejn id-dispożizzjonijiet huma indipendenti minn dawk tal-Artikolu li l-ksur tiegħu huwa allegat, u li r-rikorrenti ma urietx li din is-setgħa ġiet eżerċitata fil-kawża preżenti b’għan differenti minn dak iddikjarat fl-Artikolu 64(2) u lanqas, fid-dawl tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-irregolarità tal-proċedura allegata kienet konkretament ħolqot dannu għall-interessi tagħha. Huma jenfassizzaw li hija ma urietx b’mod partikolari li din l-irregolarità, kif ukoll l-irregolaritajiet allegati l-oħra setgħu kellhom influwenza fuq ir-riżultat tal-proċedura.

32

Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri kemm wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar l-introduzzjoni tar-rikors, kemm, skont l-Artikolu 116(6) ta’ dawn ir-regoli, qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali.

33

L-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li, jekk talba għal intervent ippreżentata fit-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) ta’ dawn ir-regoli hija ammessa, l-intervenjent jirċievi komunikazzjoni tal-atti tal-proċedura kollha nnotifikati lill-partijiet.

34

L-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jippreċiża li, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 116(2), il-President jiffissa t-terminu li fih l-intervenjent jista’ jippreżenta nota ta’ intervent li fiha t-talbiet tiegħu jkunu intiżi insostenn jew għaċ-ċaħda, totali jew parzjali tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, tal-motivi u tal-argumenti tiegħu, kif ukoll tal-offerti ta’ prova tiegħu, jekk ikun hemm lok.

35

Skont l-Artikolu 116(6), jekk it-talba għal intervent tiġi ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tal-istess regoli, l-intervenjent jista’, fuq il-bażi tar-rapport tas-seduta li ġie kkomunikata lilu, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu waqt il-proċedura orali.

36

Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li d-drittijiet proċedurali tal-intervenjent huma differenti skont jekk dan jippreżentax it-talba għal intervent tiegħu qabel l-iskadenza tas-sitt ġimgħat prevista fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu iżda qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali. Fil-fatt, meta l-intervenjent ikun ippreżenta t-talba tiegħu qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, huwa għandu d-dritt li jipparteċipa kemm għall-proċedura bil-miktub kif ukoll għall-proċedura orali, li jirċievi komunikazzjoni tal-atti tal-proċedura u li jippreżenta nota ta’ intervent. B’mod kuntrarju, meta l-intervenjent ikun ippreżenta t-talba tiegħu wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, ikollu dritt biss li jipparteċipa għall-proċedura orali, li jirċievi komunikazzjoni tar-rapport tas-seduta u li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ dan waqt is-seduta.

37

Fil-kawża preżenti, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tas-sentenza appellata u mill-proċess li, minkejja li Eurocontrol kienet ġiet ammessa, permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Ottubru 2004, sabiex tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u li ġiet b’hekk mistiedna biss sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali fid-dawl tar-rapport tas-seduta, hija sussegwentement ġiet mistiedna, permezz ta’ deċiżjoni tal-, fuq il-bażi tal-Artikolu 49 u 64 ta’ dawn ir-regoli, sabiex tippreżenta nota ta’ intervent. B’deċiżjoni tal-, hija ġiet barra minn hekk awtorizzata sabiex tirċievi komunikazzjoni tar-rikors, tar-risposta, tar-replika kif ukoll tal-kontroreplika. Għaldaqstant jidher li, minkejja l-fatt li Eurocontrol interveniet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tal-imsemmija regoli, hija ġiet ammessa b’mod definittiv sabiex tipparteċipa kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll fil-proċedura orali.

38

Madankollu, jekk skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tal-aħħar tista’, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lill-partijiet, inkluża l-intervenjenti, jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq ċerti aspetti tal-kawża, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi bl-ebda mod il-possibbiltà li tiġi mistiedna parti intervenjenti, li interveniet sussegwentement għat-terminu msemmi, sabiex tippreżenta nota ta’ intervent u li tingħata aċċess għad-dokumenti tal-proċedura, peress li tali miżuri ma jirrispondux barra minn hekk għall-għan tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif indikat fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu.

39

Isegwi li, billi stiednet lil Eurocontrol tippreżenta nota ta’ intervent u billi awtorizzata sabiex tirċievi komunikazzjoni tad-dokumenti tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u li b’hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’irregolarità.

40

Madankollu, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ikollu suċċess ħlief jekk l-irregolarità fil-proċedura mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza kkawżat dannu għall-interessi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Madankollu, fil-kawża preżenti, Selex baqgħet ma urietx turi li l-irregolarità invokata minnha għamlet dannu għall-interessi tagħha. Għaldaqstant ma jidhirx li din l-irregolarità setgħet kellha kwalunkwe effett fuq ir-riżultat tal-proċedura.

41

Konsegwentement, dan l-aggravju ma jistax jiġi milqugħ.

2. Fuq it-tieni u t-tielet aggravji, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Selex issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza billi żnaturat b’mod gravi u manifest l-elementi ta’ fatt li wassluha sabiex tiddikjara inammissibbli l-motivi ġodda ppreżentati minnha, ibbażati fuq il-kontenut tal-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998 ippreżentata mill-Kummissjoni matul il-proċedura. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet, fil-punti 12, 35 u 38 tas-sentenza appellata, żnaturat il-kontenut ta’ ittra tat-12 tal-Kummissjoni, mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti li ma tagħmel l-ebda riferenza għall-ittra tat-, sabiex tafferma li hija ma kellhiex bażi sabiex issostni li biss il-qari tal-ittra tad-direttur tal-Eurocontrol tat- mehmuża mar-risposta kien ippermettilha sabiex issir taf li l-ittra tat- ma kinitx biss sempliċi nota ta’ trażmissjoni tal-ilment tagħha, iżda kien fiha ukoll analiżi tiegħu, iffirmat miż-żewġ diretturi ġenerali.

43

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Selex takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdet dawn il-motivi ġodda tagħha mingħajr ma kkunsidrat l-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u l-proċedura kontenzjuża peress li l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda kienet il-konsegwenza tar-rifjut tagħha li tipproduċi lealment id-dokumenti rilevanti kollha, b’mod partikolari l-ittra tat-3 ta’ Novembru 1998. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni restrittivi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

44

Madankollu, jidher li, wara qari tal-ittra tat-12 ta’ Novembru 1998 imsemmija iktar ’il fuq, li permezz tagħha, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara l-ilment u ittra tad- ta’ din tal-aħħar, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu wettqu eżami tal-aspetti ġuridiċi u ekonomiċi mqajma fl-ilment u li, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, saru xi kuntatti ma’ Eurocontrol sabiex tiġi mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti u d-deduzzjonijiet iddikjarati fl-imsemmi lment. Din l-ittra ppreċiżat li, b’ittra ffirmata miż-żewġ diretturi ġenerali, rispettivament dak tad-direzzjoni ġenerali “Kompetizzjoni” u dak tad-direzzjoni ġenerali “Trasport”, il-Kummissjoni kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ Eurocontrol fuq ċerti aspetti tal-politika tagħha ta’ standardizzazzjoni u li Eurocontrol kienet, b’mod partikolari, ġiet mistiedna sabiex tiddefinixxi fir-rigward tas-servizzi tal-Kummissjoni, approċċ newtru u koerenti fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha mal-impriżi.

45

Jekk l-ittra tat-12 ta’ Novembru 1998 ma ppreċiżatx id-data tal-ittra indirizzata lil Eurocontrol u tal-kuntatti ma’ din tal-aħħar, fis-sens li r-rikorrenti ma setgħetx tkun taf billi taqraha li din kienet ittra tat-, u jekk l-imsemmija ittra tat- tipprevedi biss l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika ta’ Eurocontrol, jirriżulta madankollu b’mod ċar minn din l-ittra tal-aħħar li l-Kummissjoni, wara li għamlet eżami tal-ilment kienet stiednet lil Eurocontrol sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-totalità tal-elementi li kien hemm fiha u kienet għarrfitaha, permezz ta’ ittra, b’ċerti elementi ta’ analiżi.

46

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma jiġi żnaturat il-kontenut tal-ittra tat-12 ta’ Novembru 1998 u lanqas ebda element ta’ fatt ieħor li l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li b’mod partikolari uriet l-elementi differenti msemmija fil-punti 35 sa 37 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kellhiex bażi sabiex issostni li l-qari biss tal-imsemmija ittra tat- kien ppermettilha ssir taf li l-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lil Eurocontrol ma kinitx sempliċement nota ta’ trażmissjoni tal-ilment tagħha iżda kien fiha ukoll analiżi tiegħu, iffirmat minn żewġ diretturi ġenerali.

47

Fin-nuqqas tal-elementi ta’ dritt u ta’ fatt irrilevati matul il-proċedura huwa għaldaqstant ġust li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-motivi mqajma mir-rikorrenti wara att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ April 2005, jiġifieri sussegwentement l-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

48

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ tali elementi, ma jistax jiġi sostnut li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza kienet il-konsegwenza ta’ rifjut jew ta’ ommissjoni tal-Kummissjoni li tikkomunika qabel l-ittri tat-2 ta’ Lulju 1999 u tat- jew kull dokument ieħor. Barra minn hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li għamlet applikazzjoni stretta tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza peress li r-Regoli tal-Proċedura għandhom natura imperattiva.

49

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni u t-tielet aggravji jiġu miċħuda konġuntament.

3. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

50

Selex issostni, fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ aggravju, li, billi ma tatx deċiżjoni permezz ta’ digriet, iżda biss permezz tas-sentenza appellata fuq il-miżuri istruttorji mitluba minnha fir-rikors u permezz tal-att ippreżentat fis-27 ta’ April 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

51

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni teħtieġ li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet sabiex jiġu stabbiliti miżuri istruttorji li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li huma utli, iżda mhux biex jiġu miċħuda t-talbiet intiżi sabiex jiġu ordnati tali miżuri, li dwarhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ għaldaqstant tiddeċiedi f’dan il-każ fis-sentenza li ttemm il-kawża (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tat-12 ta’ Jannar 2006, Entorn vs Il-Kummissjoni, C-162/05 P, punti 54 u 55).

52

Isegwi li r-raba’ u l-aħħar aggravju dwar il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu ukoll jiġi miċħud.

B — Fuq l-eċċezzjoni ta’ immunità ta’ Eurocontrol

1. Fuq l-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ immunità

53

Eurocontrol issostni li, b’mod kuntrarju għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-eċċezzjoni ta’ immunità li hija qajmet ma tikkostitwix motiv ġdid li jbiddel il-kuntest tal-kawża u li għaldaqstant ma jirrispettax ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tindika qabel kollox, li kienet diġà qajmet din l-eċċezzjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-2 ta’ Lulju 1999 fuq l-ilment u li l-Kummissjoni stess kienet irreferiet għall-prinċipju ta’ immunità fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni essenzjalment li l-eċċezzjoni ta’ immunità u d-diskussjoni fuq in-natura tal-impriża għandhom l-istess għan u huma bbażati fuq l-istess elementi ta’ fatt u ta’ dritt, u li l-immunità tagħha hija biss argument ġuridiku li jiżdied ma’ dawk imressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni li l-Artikolu 82 KE ma japplikax għall-attivitajiet inkwistjoni u sabiex titlob iċ-ċaħda tar-rikors.

54

Iżda, kif fakkret ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, il-parti intervenjenti għandha, skont l-Artikolu 116(3), tar-Regoli tal-Proċedura, tidħol fil-kawża in statu et terminis u t-talbiet tar-rikors tagħha ma jistgħux, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Kif jirriżulta ukoll minn ġurisprudenza kostanti, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li intervenjenti tippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li insostenn tagħha qed tidher, sakemm hija għandha l-intenzjoni li ssostni t-talbiet ta’ din il-parti (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 37, u tat-, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C-245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 32).

55

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra, minn naħa, li t-talbiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma intiżi sabiex ir-rikors ta’ Selex jiġi miċħud. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata kienet, fil-punti 21 sa 24, favur l-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju fuq Eurocontrol u ċaħdet l-ilment minħabba, prinċipalment, li l-attivitijiet li kienu s-suġġett tal-ilment ma kinux ta’ natura ekonomika b’mod li Eurocontrol ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Il-motivi mressqa mill-Kummissjoni sabiex titlob quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li r-rikors ippreżentat minn Selex kontra din id-deċiżjoni jiġi miċħud huma bbażati fuq l-istess kunsiderazzjoni.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċezzjoni ta’ immunità mqajma minn Eurocontrol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intiża sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni, peress li, fir-realtà, tali eċċezzjoni hija intiża sabiex jiġi deċiż li l-attivitajiet ta’ Eurocontrol mhumiex suġġetti għad-dritt Komunitarju u li din l-organizzazzjoni internazzjonali tibbenefika b’mod partikolari, minn immunità fir-rigward tal-istħarriġ magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni. Issa, kif tirrileva ukoll l-Avukati Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, minn dan jirriżulta li, jekk l-imsemmija eċċezzjoni kellha tiġi milqugħa, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali, li jista’ jwassal għall-annullament tagħha, iżda mhux għaċ-ċaħda tar-rikors li talbet il-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

57

Ir-raġunijiet preċedenti huma suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata u li tikkonsisti sabiex il-motiv imqajjem minn Eurocontrol jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

2. Fuq it-talbiet ta’ Eurocontrol li l-immunità tagħha tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti Komunitarja u li għandha tiġi milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell

58

Eurocontrol issostni li l-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kellu f’kull każ jiġi miċħud, peress li, skont id-dritt internazzjonali pubbliku, l-attivitajiet tagħha mhumiex suġġetti għad-dritt Komunitarju u jibbenifikaw, b’mod partikolari, minn immunità fir-rigward tal-istħarriġ imwettaq minn kwalunkwe parti kontraenti dwar il-kompetizzjoni. Hija tenfasizza li l-Komunità Ewropea u hija stess huma t-tnejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li għandhom bħala membri xi Stati f’partijiet differenti u joperaw fi ħdan ta’ żewġ sistemi legali awtonomi u distinti tat-tip li, skont il-prinċipju ġenerali par in parem non habet imperium, mhuwiex possibbli għall-Komunità Ewropea sabiex tissuġġettaha għar-regoli tagħha.

59

Il-Komunità, li approvat il-protokoll ta’ adeżjoni ta’ Eurocontrol permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2004/636/KE, tad-29 ta’ April 2004 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Organizzazzjoni Ewropea dwar is-Sigurezza tan-Navigazzjoni tal-Ajru (ĠU L 304, p. 209), u li ftehmet mal-partijiet kontraenti l-oħra sabiex tapplika b’mod temporanju l-Artikoli 1 sa 7 ta’ dan il-protokoll ta’ adeżjoni, għandha, skont il-prinċipju ġenerali ta’ bona fide rrikonoxxut fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tat-, fuq il-Liġi tat-Trattati, tastjeni minn kull att li jista’ jċaħħad il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Kooperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru “Eurocontrol”, iffirmata f’Brussell fit-, kif riveduta u kkoordinata mill-Protokoll tas- (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru”) mill-għan u mill-iskop tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkun tista’ biss teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-limiti stabbiliti mid-dritt internazzjonali pubbliku.

60

L-istess konklużjoni tirriżulta mir-regola konswetudni ta’ dritt internazzjonali li tipprevedi l-immunità tal-organizzazzjonijiet intergovernattivi, li tipproteġiha b’mod assolut u li tipproteġi, mill-inqas, l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża preżenti, peress li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-għanijiet istituzzjonali ta’ Eurocontrol u mhux, f’kull każ, atti ta’ natura kummerċjali. Hija tenfasizza li, jekk il-Komunità kellha d-dritt tibda stħarriġ fil-qasam tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi ta’ Eurocontrol, hija tkun tista’ tiddetermina b’mod unilaterali l-mod kif Eurocontrol twettaq l-attivitajiet istituzzjonali tagħha, billi tevita l-prinċipji stabbiliti mill-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru dwar id-deċiżjonijiet u tikser id-drittijiet tal-partijiet kontraenti l-oħra.

61

Eurocontrol tikkunsidra li l-kwistjoni tal-immunità tagħha, b’hekk esposta, tirriżulta mill-istess kategorija bħal dik tal-kwistjonijiet fundamentali ta’ ordni pubblika li għandhom jitqajmu ex officio mill-qorti Komunitarja. Waqt is-seduta, hija ppreżentat b’mod espliċitu din il-kwistjoni taħt perspettiva ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-mertu fuq il-miżuri mitluba mill-appellanti.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, skont l-Artikolu 234 KE, f’kawża quddiem qorti nazzjonali bejn kumpannija privata u Eurocontrol li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk ir-regoli tad-dritt Komunitarju jistgħux jiġu invokati kontra Eurocontrol hija marbuta mal-mertu u tibqa’ irrilevanti fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63

Il-Kummissjoni hija responsabbli, skont l-Artikolu 211 KE, sabiex tħares l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u huwa ukoll fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha li hija eżaminat l-ilment ta’ Selex u ċaħditu billi qieset li l-Artikolu 82 KE ma kienx applikabbli għal Eurocontrol.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li m’hemmx lok li jiġu eżaminati ex officio t-talbiet ta’ Eurocontrol dwar l-immunità tagħha.

C — Fuq l-aggravji dwar il-mertu

65

Selex tqajjem serje ta’ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet, rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-attivitajiet inkwistjoni ta’ Eurocontrol, jiġifieri, l-attivitajiet ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, ta’ standardizzazzjoni teknika kif ukoll ta’ riċerka u ta’ żvilupp, jew għall-ksur ta’ dan l-artikolu. Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-appell, iżda titlob sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ attivitajiet.

1. Fuq l-aggravji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE, għall-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-ksur ta’ dan l-artikolu.

66

Selex tressaq, rigward l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali mwettqa minn Eurocontrol, ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, l-ewwel waħda fuq żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni u t-tielet, fuq in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni, u r-raba’, fuq il-ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju u l-ħames, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 82 KE. Billi qieset li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt billi kkwalifikat din l-attività bħala attività ekonomika, il-Kummissjoni titlob prinċipalment sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata, li tagħmel inutli eżami tal-aggravji, u titlob sussidjarjament iċ-ċaħda tal-imsemmija motivi.

67

Għandu jiġi kkonstatat li, anke jekk jiġi meqjus li tali żball ta’ dritt seħħ, hija l-premessa stess li tinsab fil-bażi tal-iżviluppi tas-sentenza appellata, iddikjarata fil-kuntest tal-ħames aggravji msemmija li hija mdgħajfa. F’tali każ, l-iżviluppi msemmija jkunu nieqsa minn kull mertu u l-ħames aggravji jkunu għaldaqstant mingħajr għan.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni dwar il-ħames aggravji msemmija billi tneħħi n-natura eventwalment żbaljata tal-motivazzjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali mwettqa minn Eurocontrol kellha tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif iddikjarat ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 87 tas-sentenza appellata, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, Ġabra p. 2599, punt 7; tat-, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 75, kif ukoll tal-, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 22).

70

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-awtorità pubblika mhumiex ta’ natura ekonomika, li jiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punti 14 u 15; SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

71

Fis-sentenza SAT Fluggesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma tat deċiżjoni, b’mod speċjali fuq l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali mwettqa minn Eurocontrol, ikkunsidrat fil-punt 30, li meta jitqiesu lkoll flimkien, l-attivitajiet ta’ Eurocontrol, min-natura tagħhom, mill-għan tagħhom u mir-regoli li huma suġġetti għalihom, huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi, dwar il-kontroll u s-superviżjoni tal-ispazju tal-ajru, li tipikament huma prerogattivi ta’ setgħa pubblika u li mhumiex ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ġustament li l-Artikoli 86 u 90 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 82 KE u 86 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li organizzazzjoni internazzjonali bħal Eurocontrol ma tikkostitwix impriża fis-sens ta’ dawn l-artikoli.

72

B’mod kuntrarju għal dak li ssostni Selex, din il-konklużjoni hija valida ukoll għall-attività ta’ assistenza li Eurocontrol twettaq favur l-amministrazzjonijiet nazzjonali, meta dawn jagħmlu talba għaliha, fl-okkażjoni tal-proċeduri tas-sejħiet għal offerti mwettqa minnha għall-akkwist, b’mod partikolari, ta’ apparat u ta’ sistemi fis-settur tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru.

73

Fil-fatt jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru li Eurocontrol għandha bħala għan, sabiex twettaq l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea uniformi ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru, li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet kontraenti u li tiżviluppa l-attivitajiet komuni tagħhom fis-settur tan-navigazzjoni tal-ajru, billi tikkunsidra n-neċessitajiet tad-difiża, filwaqt li tassigura lil kull utent tal-ispazju tal-ajru l-libertà massima kompatibbli mal-livell ta’ sigurtà meħtieġ.

74

Għal dan il-għan, Eurocontrol hija intiża, fost oħrajn, skont l-imsemmi Artikolu 1(e)(f) u (h) li tadotta u tapplika standards u speċifikazzjonijiet komuni, tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet applikabbli għas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, u li tiffavorixxi l-akkwist komuni ta’ sistemi u ta’ installazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru.

75

L-Artikolu 2(2)(a) tal-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru jipprovdi li Eurocontrol tista’, fuq talba ta’ parti kontraenti jew iktar, u fuq il-bażi ta’ ftehim individwali jew iktar konklużi mal-partijiet kontraenti kkonċernati, tassisti lill-imsemmija kontraenti fl-ippjanar, id-dettalji u l-ħolqien ta’ sistemi u ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru.

76

Huwa dedott mill-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru li din l-attività ta’ assistenza hija waħda mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni fdati minn din il-konvenzjoni lil Eurocontrol u tipparteċipa direttament għat-twettiq tal-għan ta’ armonizzazzjoni u ta’ integrazzjoni teknika fis-settur tat-traffiku tal-ajru li huwa segwit bħala kontribuzzjoni lejn iż-żamma u t-titjib tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru. B’mod partikolari, billi tieħu l-forma ta’ assistenza miftuħa lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali matul l-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal appell għall-akkwist ta’ tagħmir jew ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru, l-imsemmija attività hija intiża sabiex idaħħal fil-kundizzjonijiet dwar dawn il-proċeduri, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni elaborati u adottati minn Eurocontrol għall-finijiet tat-twettiq ta’ sistema Ewropea armonizzata ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru. Hija b’hekk marbuta strettament mal-missjoni ta’ standardizzazzjoni teknika fdata lil Eurocontrol mill-partijiet kontraenti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn Stati intiża għaż-żamma u għall-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, b’mod li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika.

77

Għaldaqstant, huwa billi pproċediet għal evalwazzjoni żbaljata fid-dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tista’ tiġi separata mill-missjoni ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru ta’ Eurocontrol billi kkunsidrat li r-relazzjoni bejn l-imsemmija attività ta’ assistenza u s-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru huma indiretti, minħabba l-fatt li l-assistenza offruta minn Eurocontrol tkopri biss l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi matul l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti u għaldaqstant m’għandhiex riperkussjonijiet fuq is-sigurtà tal-ajru ħlief permezz ta’ dawn il-proċeduri.

78

Il-motivi l-oħra tas-sentenza appellata ddikjarati f’dan ir-rigward, li jgħidu li Eurocontrol toffri l-assistenza tagħha lill-amministrazzjonijiet nazzjonali biss fuq talba tagħhom u li għaldaqstant mhijiex attività essenzjali jew indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, mhumiex ta’ natura li juru li l-attività inkwistjoni ma tintrabatx mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

79

Fil-fatt, il-fatt li l-assistenza ta’ Eurocontrol mhijiex obbligatorja u li, jekk ikun il-każ, ċerti Stati Membri biss jużawha ma jippermettix li tiġi eskluża tali rabta u lanqas ma jbiddel in-natura ta’ din l-attività. Barra minn hekk, ir-rabta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika ma teħtieġx li l-attività kkonċernata tkun essenzjali jew indispensabbli għall-garanzija tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, peress li dak li huwa importanti huwa li tintrabat maż-żamma u mal-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru li jikkostitwixxu l-prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

80

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkwalifikat l-attività ta’ assisstenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ Eurocontrol bħala attività ekonomika u li, konsegwentement, permezz ta’ motivi żbaljati fid-dritt, ikkunsidrat li Eurocontrol, fl-eżerċizzju ta’ tali attività kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Konsegwentement, hija laqgħet b’mod żbaljat, f’dan il-każ, l-ewwel motiv żviluppat quddiemha mir-rikorrenti bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE fuq Eurocontrol.

81

Madankollu għandu jiġi mfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza juru ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra ta’ dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28; tat-, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58, kif ukoll tal-, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 57).

82

F’dan il-każ, jirriżulta mill-motivi esposti fil-punti 72 sa 79 tas-sentenza preżenti li l-attività ta’ assistenza lejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Eurocontrol hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi tas-setgħa pubblika u li, f’kull każ, minnha nfisha mhijiex ta’ natura ekonomika, tat-tip li din l-organizzazzjoni, fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, mhijiex impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata bi żball f’dan ir-rigward.

83

Isegwi li d-dispożittiv tas-sentenza appellata, li jiċħad ir-rikors, jibqa’ fondat fid-dritt u, għaldaqstant, li l-iżball ta’ dritt imwettaq fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma jwassalx għall-annullament tagħha.

84

Fir-rigward tal-ħames aggravji mressqa minn Selex, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirreferu għall-motivi tas-sentenza appellata li permezz tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkunsidrat li l-attività ta’ assistenza lejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ Eurocontrol tikkostitwixxi attività ekonomika u li, konsegwentement, Eurocontrol, fl-eżerċizzju tagħha, kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE, ċaħdet it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha, peress li huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE.

85

Issa, jirriżulta mill-aggravji msemmija qabel li, peress li Eurocontrol mhijiex, fl-eżerċizzju tal-attività tagħha ta’ assistenza lejn amministrazzjonijiet nazzjonali, impriża fis-sens tal-Artikolu 82 KE, dan l-artikolu mhuwiex applikabbli għall-imsemmija attività. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala mingħajr bażi l-ħames aggravji mressqa minn Selex li jikkritikaw il-motivi tas-sentenza appellata li jirrigwardaw ksur allegat tal-Artikolu 82 KE.

2. Fuq l-aggravji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-attività ta’ standardizzazzjoni teknika

86

Selex tressaq, fir-rigward tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika eżerċitata minn Eurocontrol, erbgħa aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati fuq żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika kuntrarju għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza fir-rigward tal-benefiċċji soċjali kif ukoll fuq ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni suffiċjenti. Billi tqis żbaljata d-distinzjoni magħmula fis-sentenza appellata bejn l-attività ta’ adozzjoni ta’ standards tekniċi, li taqa’ taħt il-missjoni ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru, u dik tal-preparazzjoni u l-elaborazzjoni ta’ tali standards, li ma jaqgħux taħtha, il-Kummissjoni titlob sostituzzjoni tal-motivi fuq dan il-punt u għall-bqija titlob iċ-ċaħda tal-aggravji.

87

Għandu jiġi kkonstatat li, anke jekk jitqies li dan l-iżball seħħ, hija l-premessa li tinsab fil-bażi ta’ ċerti żviluppi fis-sentenza appellata, iddikjarati fil-kuntest tal-aggravju bbażat fuq l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika kuntrarju għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja, li hija mdgħajfa. F’każ parallel, l-imsemmija żviluppi huma nieqsa minn kull bażi u l-aggravju kkonċernat ikun għaldaqstant mingħajr għan.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif huwa rrilevat ukoll fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni fuq il-motiv imsemmi billi tneħħi n-natura eventwalment żbaljata tal-motivazzjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat essenzjalment li b’differenza għall-attività ta’ adozzjoni tal-istandards tekniċi, l-attività ta’ preparazzjoni u ta’ tfassil tal-istandards kienet tista’ tiġi sseparata mill-missjoni ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru, b’mod li setgħet tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika.

89

F’dan ir-rigward, sabiex twettaq id-distinzjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat qabel kollox, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni, fuq parir ta’ Eurocontrol, tal-istandards stabbiliti mill-korp eżekuttiv ta’ din l-organizzazzjoni jaqgħu taħt il-qasam leġiżlattiv, peress li l-imsemmi kunsill huwa kompost mid-diretturi tal-amministrazzjoni tal-avjazzjoni ċivili ta’ kull Stat Membru kontraenti, inkarigati mill-Istati rispettivi tagħhom sabiex jadottaw speċifikazzjonijiet tekniċi vinkolanti f’dawn l-Istati kollha. Din l-attività taqa’ direttament, skont il-motivi tas-sentenza appellata, taħt l-eżerċizzju, minn dawn l-Istati, tal-prerogattivi tagħhom ta’ setgħat pubbliċi, u għalhekk ir-rwol ta’ Eurocontrol jixbah lil dak ta’ Ministeru li, fuq livell nazzjonali, jipprepara l-miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li wara jiġu adottati mill-Gvern. Għalhekk, din hija attività li taqa’ taħt il-missjoni pubblika ta’ Eurocontrol.

90

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat sussegwentement fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-attività ta’ preparazzjoni jew ta’ tfassil tal-istandards tekniċi minn Eurocontrol setgħet min-naħa l-oħra tiġi sseparata mill-missjoni tagħha ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru. Sabiex tagħti fondatezza lill-evalwazzjoni tagħha, hija kkunsidrat li l-argumenti invokati mill-Kummissjoni sabiex turi li l-attività ta’ standardizzazzjoni ta’ Eurocontrol hija marbuta mal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ din l-organizzazzjoni jirreferu biss, fil-fatt, għall-adozzjoni ta’ dawn l-istandards u mhux għat-tfassil tagħhom, peress li l-ħtieġa ta’ adozzjoni ta’ standards fuq livell internazzjonali ma jimplikax neċessarjament li l-entità li tfassal dawn l-istandards għandha tkun ukoll dik li, wara, tadotthom.

91

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(1)(f) tal-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru jipprovdi li Eurocontrol hija responsabbli sabiex jiġu mfassla, adottati u jiġu eżaminati mill-ġdid l-istandards, id-dettalji u l-prattiċi komuni għas-sistemi u servizzi tal-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Istati kontraenti fdaw lil Eurocontrol kemm il-preparazzjoni u t-tfassil tal-istandards, u kemm l-adozzjoni tagħhom, mingħajr ma sseparaw dawn il-funzjonijiet.

92

Minbarra dan, il-preparazzjoni u t-tfassil tal-istandards tekniċi jipparteċipaw direttament għat-twettiq tal-għan ta’ Eurocontrol, iddefinit fl-Artikolu 1 tal-konvenzjoni dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru u mfakkar fil-punt 73 tas-sentenza preżenti, li huwa li twettaq l-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni neċessarji għall-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea uniformi ta’ amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru. Dawn huma inerenti għall-missjoni ta’ standardizzazzjoni teknika fdata mill-partijiet kontraenti lil Eurocontrol fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati intiża għaż-żamma u għall-iżvilupp tas-sigurtà tan-navigazzjoni tal-ajru, li jikkostitwixxu l-prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

93

Isegwi li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball fi dritt sa fejn tafferma li l-attività ta’ preparazzjoni u ta’ tfassil tal-istandards tekniċi minn Eurocontrol tista’ tiġi sseparata mill-missjoni tagħha ta’ amministrazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-ajru. Madankollu, dan l-iżball ma jaffettwax il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ibbażat fuq motivi oħra, li tgħid li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni teknika ta’ Eurocontrol ma kinux attivitajiet ekonomiċi u li għaldaqstant ma japplikawx fuqhom ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-iżball ta’ dritt imwettaq fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma jwassalx għall-annullament tagħha.

a) Fuq l-aggravju bbażat fuq l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika kuntrarju għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja

94

Selex tafferma, insostenn ta’ dan l-aggravju li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li hija ma urietx l-eżistenza ta’ suq għas-servizzi ta’ standardizzazzjoni teknika hija mingħajr rilevanza għall-evalwazzjoni tan-natura ekonomika ta’ din l-attività u mhijiex eżatta, peress li d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni proposta minnha ġiet milqugħa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Hija sostniet li, b’mod kuntrarju għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Eurocontrol toffri lill-Istati servizz awtonomu li jikkonsisti fit-tfassil tal-istandards tekniċi. F’kull każ, iċ-ċirkustanza fejn l-attività inkwistjoni ma tagħtix lok għal offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq is-suq partikolari mhijiex rilevanti fir-rigward tal-ġurisprudenza u l-prattika tal-Kummissjoni. Li huwa importanti huwa li din l-attività tista’ intrinsikament u oġġettivament tiġi kkwalifikata bħala attività ekonomika.

95

Barra minn hekk, il-motivi milqugħa fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet in-natura ekonomika tal-attività ta’ żvilupp tal-istandards minħabba l-fatt li dawn l-istandards ġew wara adottati fuq parir ta’ Eurocontrol, huma kontradittorji għal dawk iddikjarati fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet distinzjoni bejn it-tfassil tal-istandards tekniċi u l-adozzjoni tagħhom.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-motivi kkunsidrati fil-punti 91 u 92 tas-sentenza preżenti li l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika ta’ Eurocontrol, fit-totalità tagħha, tintrabat mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u. konsegwentement, ma tippreżentax natura ekonomika.

97

Isegwi li l-aggravju preżenti li permezz tiegħu Selex tikkritika l-motivi tas-sentenza appellata li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkunsidra li r-rikorrenti ma urietx li l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika kienet tikkonsisti f’li jiġu offruti prodotti jew servizzi f’suq partikolari, huwa mingħajr bażi.

b) Fuq l-aggravju bbażat fuq żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

98

Selex issostni, permezz ta’ dan l-aggravju, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi affermat, fil-punti 15 u 48 tas-sentenza appellata li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni doppja li Eurocontrol ma kinitx impriża u li, f’kull każ, l-aġir inkwistjoni ma kienx kuntrarju għall-Artikolu 82 KE, żnaturat il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni li hija bbażata esklużivament fuq l-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attività kkunsidrata u ma tirrileva l-ebda evalwazzjoni rigward l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fir-realtà pproduċiet forma ta’ stil użata mill-Kummissjoni, mingħajr ma eżaminat jekk din kellhiex motivazzjoni, anke minima, u ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha stess b’dik li kienet fir-realtà żviluppat il-Kummissjoni.

99

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, li dan l-aggravju huwa mingħajr effett, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors minħabba li r-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat ma kinux applikabbli għall-attività ta’ standardizzazzjoni teknika ta’ Eurocontrol u għaldaqstant, ma eżaminatx it-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE minn Eurocontrol.

100

Konsegwentement, hemm lok, li dan l-aggravju jiġi miċħud.

c) Fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-benefiċċji soċjali

101

Permezz ta’ dan l-aggravju, Selex issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti tagħha li jgħidu li skont ir-raġunament segwit fis-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma setax jiġi traspost għall-kawża preżenti li fiha ebda element ta’ solidarjetà ma jikkaratterizza l-attività inkwistjoni. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan l-element huwa, skont il-grad tiegħu, determinanti sabiex jafferma jew jiċħad li l-attività kkonċernata hija dik ta’ impriża.

102

Iżda, minn naħa, mingħajr ma twettaq żball ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, billi rreferiet għas-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, sabiex tevalwa jekk attività għandhiex jew le natura ekonomika, m’hemmx lok li l-attività ta’ xiri ta’ prodott tiġi sseparata mill-użu ulterjuri li jsir u li n-natura ekonomika jew le ta’ użu ulterjuri tal-prodott neċessarjament tiddetermina n-natura tal-attività ta’ xiri (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C-205/03 P, Ġabra p. I-6295, punt 26). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament waslet għall-konklużjoni f’‘dan il-każ li n-natura mhux ekonomika tal-attività ta’ standardizzazzjoni teknika timplika n-natura mhux ekonomika tal-akkwist tal-prototipi fil-kuntest tal-imsemmija standardizzazzjoni.

103

Min-naħa l-oħra, huwa ukoll minnu li s-sentenza appellata ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li jgħid li dan ir-raġunament mhuwiex transponibbli għall-kawża preżenti. Fil-fatt, l-istess raġunament jista’ ovvjament japplika għal attivitajiet oħra barra dawk li għandhom natura soċjali jew li huma bbażati fuq is-solidarjetà, peress li dawn l-elementi ma jikkostitwux kundizzjoni ta’ natura mhux ekonomika ta’ attività, iżda biss informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi kkwalifikata attività skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69 u 70 tas-sentenza preżenti.

104

Isegwi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

d) Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu li tiġi pprovduta motivazzjoni suffiċjenti

105

Selex tilmenta li s-sentenza appellata mhijiex suffiċjentement motivata, fil-punti 59 sa 62 tagħha, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-suq ta’ standardizzazzjoni. Hija tosserva li, quddiem definizzjoni tas-suq inkwistjoni proposta minnha u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet din id-definizzjoni mingħajr ma pprovdiet argumenti insostenn tal-evalwazzjoni diverġenti tagħha u mingħajr ma tagħmel referenza għal elementi tekniċi u ġuridiċi esposti mill-partijiet.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Selex, il-Kummissjoni ma għamlet ebda osservazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq id-definizzjoni tas-suq li hija rilevanti, iżda kkunsidrat, kif sussegwentement sostniet ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika mhijiex ta’ natura ekonomika. Filwaqt li waslet għall-istess konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet, fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza appellata, il-motivi li wassluha sabiex tikkunsidra li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma urietx li l-attività ta’ standardizzazzjoni teknika kienet tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizz f’suq partikolari.

107

Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma kien neċessarju li tirrepeti l-elementi tekniċi kollha u l-argumenti mressqa mill-partijiet, waslet għall-konklużjoni tagħha b’motivazzjoni suffiċjenti, li ppermettiet lill-partijiet li jieħdu konjizzjoni tar-raġunijiet u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-kontroll tagħha, u għaldaqstant dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

3. Fuq l-aggravji relatati mal-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE fuq l-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp

108

Selex tressaq, fir-rigward tal-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp eżerċitata minn Eurocontrol, tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati fuq żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika kuntrarja għal dik stabbilita mill-ġurisprudenza Komunitarja u ta’ żnaturament tal-elementi ta’ prova mressqa minnha f’dak li jikkonċerna n-natura ekonomika tal-amministrazzjoni tas-sistemi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

a) Fuq l-aggravju bbażat fuq żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

109

Selex issostni, permezz ta’ dan l-aggravju, li s-sentenza appellata fiha żnaturament manifest tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata peress li fiha huwa rrilevat li l-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma kkontestatx in-natura ekonomika tal-attività ta’ akkwist ta’ prototipi u ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma ssibx fondatezza fl-imsemmija deċiżjoni, peress li qari sempliċi tagħha juri li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat dan il-punt, iżda kkontestat biss l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet assenjat lejn id-deċiżjoni kkontestata kontenut li ma kienx tagħha u ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha b’dik tal-imsemmija deċiżjoni.

110

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, li dan l-aggravju huwa nieqes minn fondatezza, peress li l-Kummissjoni indikat b’mod espress, fil-punti 28 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata li hija qieset li l-attivitajiet ta’ Eurocontrol li kienu s-suġġett tal-ilment ma kinux ta’ natura ekonomika. Din l-evalwazzjoni tirriżulta ukoll mill-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

111

Jekk jitqies li dan l-aggravju jipprevedi fir-realtà nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif tosserva l-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli bħal ma ġie mqajjem għall-ewwel darba fl-appell.

112

Konsegwentement, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud.

b) Fuq l-aggravju bbażat fuq l-adozzjoni ta’ kunċett ta’ attività ekonomika kuntrarja għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja

113

Permezz ta’ dan l-aggravju, Selex tikkontesta, qabel kollox, id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punt 76 tas-sentenza appellata li jgħidu li l-akkwist tal-prototipi hija attività annessa mal-iżvilupp tagħhom imwettaq minn terzi. Hija tenfasizza li l-attività li hija inkwistjoni hija dik tal-akkwist tal-prototipi, li tinsab fil-bidu tad-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u li għaldaqstant mhuwiex importanti ħafna li l-iżvilupp tal-prototipi jitwettaq minn terzi.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex minħabba dan l-aħħar motiv li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp ffinanzjata minn Eurocontrol ma kinitx tikkostitwixxi attività ekonomika u li r-regoli ta’ kompetizzjoni ma kinux japplikaw għaliha. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 75 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-akkwist ta’ prototipi li sar fil-kuntest ta’ din l-attività u l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati, ma jagħtuhiex natura ekonomika, peress li l-imsemmi akkwist ma jimplikax l-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi f’suq partikolari. Barra minn hekk, tali analiżi hija, minħabba l-motivi esposti fil-punt 102 tas-sentenza preżenti, eżenti minn żball ta’ dritt.

115

Selex tilmenta, li s-sentenza appellata tirrileva fil-punt 77, li l-akkwist tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma kienx iddestinat għall-użu kummerċjali tagħhom u li l-liċenzji ngħataw mingħajr ħlas. Dawn il-konstatazzjonijiet, jekk jitqies li huma eżatti, huma kuntrarju għall-ġurisprudenza li tgħid li l-fatt li entità ma ssegwix għan li jsir qligħ mhuwiex element rilevanti sabiex tiġi kkwalifikata jew le bħala impriża.

116

B’mod kuntrarju għal dawk sostnut, jirriżulta mill-ġurisprudenza li n-nuqqas ta’ għan li jsir qligħ huwa kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk attività għandhiex jew le natura ekonomika, iżda dan mhuwiex biżżejjed (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1995, Fédération française des sociétés d’assurance et, C-244/94, Ġabra p. I-4013, punt 21; tal-, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 85, kif ukoll tat-, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 31).

117

B’hekk, u mingħajr ma wettqet żball ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fakkret li, fil-kuntest tal-eżami tan-natura ekonomika ta’ attività, il-kriterju tan-nuqqas ta’ remunerazzjoni jikkostitwixxi biss indikazzjoni fost oħrajn u ma jistax, minnu nnifsu, jeskludi n-natura ekonomika ta’ din l-attività, ikkunsidrat il-fatt li Eurocontrol tat mingħajr ħlas il-liċenzji fuq il-prototipi bħala indikazzjoni tan-natura mhux ekonomika tal-attività ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, barra indikazzjonijiet oħrajn.

118

Fl-aħħar nett, skont Selex, hija kuntrarja għall-ġurisprudenza d-dikjarazzjoni fil-punt 77 tas-sentenza appellata li tgħid li l-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija attività anċillari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku, li tifforma parti mill-għan tal-interess ġenerali tal-missjoni ta’ Eurocontrol u li ma ssirx f’interess proprju tal-organizzazzjoni li huwa separabbli minn dan il-għan, u dan jeskludi n-natura ekonomika ta’ attività. Selex issostni, minn naħa, li billi tirreferi għas-sentenza Enirisorse, iċċitata iktar ’il fuq, li diġà ġie deċiż li x-xogħol ta’ żvilupp ta’ teknoloġiji ġodda jista’ jkun ta’ natura ekonomika u, min-naħa l-oħra, billi tirreferi għal din is-sentenza u għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 21), li ċ-ċirkustanza fejn l-obbligi tas-servizz pubbliku huma imposti fuq operatur ma tistax tipprekludi li l-attività inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika.

119

Fuq dan il-punt, għandu jiġi osservat li l-motivi kkritikati tas-sentenza appellata ma jeskludux li attività ta’ żvilupp ekonomiku tista’ jkollha natura ekonomika, kif lanqas ma jeskludu li entità suġġetta għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tista’ teżerċita attività ta’ din in-natura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet biss evalwazzjoni tal-elementi proprji tal-kawża u ddeduċiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ dritt u mingħajr ma marret kontra l-ġurisprudenza invokata, min-natura bla ħlas tal-attività ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u mill-għan ta’ interess ġenerali esklużivament segwit mill-missjoni ta’ Eurocontrol li taqa’ taħtha, imwettqa b’mod anċillari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tekniku, li l-imsemmija attività m’għandiex natura ekonomika.

120

Peress li l-ebda mill-argumenti mressqa huma fondati, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud ukoll.

c) Fuq l-aggravju bbażat fuq żnaturament tal-elementi ta’ prova mressqa mill-appellanti f’dak li jirrigwarda n-natura ekonomika tal-amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

121

Permezz ta’ dan l-aggravju, Selex takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li interpretat ħażin, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, xi proposti li hija ressqet matul is-seduta dwar ir-remunerazzjonijiet ta’ Eurocontrol billi affermat li dawn il-proposti kienu bbażati fuq dokument intern ta’ din tal-aħħar intitolat “ARTAS Intellectual Property Rights and Industrial Policy” (Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u politika industrijali fil-kuntest tas-sistema ARTAS), tat-23 ta’ April 1997, intiżi biex juru li Eurocontrol rċeviet remunerazzjoni għall-amministrazzjoni tal-liċenzji. Fir-realtà hija kienet biss invokat l-imsemmi dokument fir-rikors tagħha sabiex tenfasizza l-varjetà ta’ rwoli meħuda minn Eurocontrol u l-kontradizzjoni eżistenti bejn is-sistema ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali żviluppata minn Eurocontrol u l-kontenut tal-imsemmi dokument. B’mod kuntrarju, matul is-seduta, hija rreferiet biss għall-aħħar verżjoni pubblika ta’ dan id-dokument, intitolat “ARTAS Industrial Policy” (Politika industrijali ARTAS) sabiex tenfasizza biss li n-natura ekonomika tal-attività inkwistjoni kienet saret manifesta. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet assenjat ir-rikors kontenut li ma kellux.

122

F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi osservat li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza fehmet li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-liċenzji mogħtija minn Eurocontrol ma kinux mingħajr ħlas kienu bbażati fuq dokument invokat fir-rikors u mhux fuq dak imsemmi għall-ewwel darba matul is-seduta, dan ma jdaħħal inkwistjoni bl-ebda mod l-evalwazzjoni li hija wettqet tan-natura mingħajr ħlas tal-imsemmija liċenzji, lanqas, b’mod definittiv, tal-konklużjoni li hija waslet għaliha fuq l-eżami tagħha tat-totalità tal-elementi li jikkonċernaw l-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp.

123

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

124

B’konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

V — Fuq l-ispejjeż

125

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Selex tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

126

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, applikabbli ukoll fil-proċedura ta’ appell, jekk il-partijiet jitilfu kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li Selex għandha tbati nofs l-ispejjeż ta’ Eurocontrol, li għaldaqstant għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Selex Sistemi Integrati SpA għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u nofs l-ispejjeż tal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol).

 

3)

L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.