SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Frar 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE — Sigurtà marittima — Kontroll tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet — Ftehim internazzjonali — Kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri”

Fil-kawża C-45/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Simonsson, M. Konstantinidis, F. Hoffmeister u I. Zervas, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u S. Chala, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentata minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC,

intervenjent

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssottomettiet lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) proposta (MCS 80/5/11, iktar ’il quddiem il-“proposta kkontestata”) dwar il-kontroll tal-konformità tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet mar-rekwiżiti tal-Kapitolu XI-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl-1 ta’ Novembru 1974 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni SOLAS”), u tal-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u għall-Faċilitajiet tal-Portijiet (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ISPS”), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE.

2

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 2007, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanju u l-Irlanda ta’ Fuq tħalla jintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ellenika.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-[faċilitajiet tal-] portijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8 p. 74 — 159, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Għanijiet” jipprovdi li:

“1.   L-għan prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jintroduċI u jimplimenta miżuri Komunitarji sabiex ikun hemm titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti użati f’kummerċ internazzjonali u fit-tbaħħir domestiku, u wkoll fil-faċilitajiet fil-portijiet, quddiem it-theddidiet minn atti [i]llegali intenzjonati.

2.   Dan ir-Regolament huwa wkoll intiż sabiex jipprovdi bażi għall-interpretazzjoni [u] implimentazzjoni [armonizzati], u l-evalwazzjoni [l-kontroll] komuni, minn naħa tal-Komunità, tal-miżuri speċjali għal titjib fis-sigurtà fuq il-baħar hekk kif adottati mill-Konferenza Diplomatika tal-IMO fit-12 ta’ Diċembru 2002, li emendat il-[Konvenzjoni SOLAS) u li stabbilixxiet il-[KodiċI ISPS].”

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament, intitolat “Miżuri konġunti u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“1.   Fir-rigward tat-trasport bil-baħar internazzjonali, l-Istati Membri għandhom japplikaw bis-sħiħ, sa l-1 a’ Lulju 2004, il-miżuri speċjali biex tiżdied is-sigurtà marittima kif misjuba fil-Konvenzjoni SOLAS u Parti A tal-Kodiċi ISPS, skond il-kondizzjonijiet u b’rispett lejn il-vapuri, il-kumpaniji u s-servizzi tal-port, kif riferuti hemm ġew.

2.   Fir-rigward tat-trasport domestiku bil-baħar, l-Istati Membri għandhom japplikaw bis-sħiħ, sa l-1 ta’ Lulju 2005, il-miżuri speċjali tal-Konvenzjoni SOLAS u Parti A tal-Kodiċi ISPS sabiex tiżdied is-sigurtà għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A, kif mfissra fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/18/EC tas-17 ta' Marzu 1998 fuq regoli tas-sigurtà u kriterji għall-vapuri tal-passiġġieri, [ĠU L 144, p. 1, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/75/KE tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Lulju 2003 (ĠU L 190, p. 6)], li jħaddmu servizzi lokali u għall-kumpaniji tagħhom, kif definit fir-Regolament IX-1 tal-Konvenzjoni SOLAS, u għas-servizzi tal-port li jservuhom.

3.   L-Istati Membri għandhom, wara li jagħmlu evalwazzjoni obbligatorja tar-riskji għas-sigurtà, jiddeċiedu sa fejn se japplikaw, sa l-1 ta’ Lulju 2007, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għall-kategoriji differenti ta’ vapuri li joperaw servizzi lokali, minbarra dawk li jinsabu fil-paragrafu 2, il-kumpaniji tagħhom u s-servizzi tal-port offruti lilhom. Il-livell ta’ sigurtà m’għandux jiġi kompromess b’din id-deċiżjoni.

[…]

4.   Meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet konformi mal-paragrafi 1,2 u 3, l-Istati Membri għandhom jimxu skond il-linji gwida li jinsabu f’Parti B tal-Kodiċi ISPS.

5.   L-Istati Membri għandhom jimxu mal-paragrafi li ġejjin ta’ Parti B tal-Kodiċi ISPS daqs li kieku kienu obbligatorji:

[…]”

5

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament, intitolat “Implimentazzjoni u ċċek[k]jar [tal-] konformit[à]”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom iwettqu x-xogħol ta’ amministrazzjoni u kontroll meħtieġ f’konforma għall-forniment [b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet] tal-miżuri speċjali biex tiżdied is-sigurta marittima tal-Konvenzjoni SOLAS u tal-Kodiċi ISPS. Huma għandhom jiżguraw li r-riżorsi neċċessarji kollha huma allokati u provduti b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-forniment [tad-dispożizzjonijiet] ta’ dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament, bit-titolu “Proċedura tal-Kumitat”, jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Komunità [kumitat]”.

7

L-Anness I tar-Regolament Nru 725/2004 fih it-test tal-emendi li jinserixxu l-Kapitolu XI-2 ġdid fl-anness tal-Konvenzjoni SOLAS, kif emendata. L-Anness II tal-istess Regolament fih it-test tal-Kodiċi ISPS, kif emendat.

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 1999/468 tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p.124 — 127):

“Kull kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura fuq proposta mill-president tiegħu, fuq il-bażi tar-regoli standard tal-proċedurali għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

9

L-Artikolu 2(2) tar-Regoli Standard tal-Proċedura — Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill (ĠU 2001, C 38, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Standard tal-Proċedura”), intitolat “Aġenda” jipprovdi li:

“L-Aġenda għandha tiddistingwi bejn:

[…]

b)

kwistjonijiet oħra mressqa lill-Forum għal-fini ta’ tagħrif jew għal sempliċiment skambju ta’ opinjonijiet, sew fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba miktuba ta’ membru tal-Kumitat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura prekontenzjuża

10

Fit-18 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Ellenika ssottomettiet lill-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-IMO l-proposta kkontestata. Permezz ta’ din il-proposta, dan l-Istat Membru stieden lill-imsemmi kumitat sabiex jeżamina r-redazzjoni ta’ listi ta’ verifika (“check lists”) u strumenti oħra adatti biex jgħinu lill-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni SOLAS fil-verifika tal-konformità tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet mar-rekwiżiti li jinsabu fil-Kapitolu XI-2 tal-Anness ta’ din il-konvenzjoni u fil-Kodiċi ISPS.

11

Billi kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika kienet b’dan il-mod ippreżentat quddiem Organizzazzjoni Internazzjonali pożizzjoni nazzjonali f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fl-10 ta’ Mejju 2005 lil dan l-Istat Membru, li dan tal-aħħar irrisponda fis-7 ta’ Lulju 2005.

12

Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fit-13 ta’ Diċembru 2005, li r-Repubblika Ellenika rrispondiet fil-21 ta’ Frar 2006.

13

Billi ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika Ellenika għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

14

Il-Kummissjoni ssostni li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 725/2004, li jintegra fid-dritt Komunitarju kemm il-Kapitolu XI-2 tal-anness tal-Konvenzjoni SOLAS u l-Kodiċi ISPS, il-Komunità għandha kompetenza esklużiva biex tassumi obbligi internazzjonali fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament. Minn dan isegwi, fl-opinjoni tagħha, li l-Komunità biss hija kompetenti biex tiżgura l-applikazzjoni tajba fuq livell Komunitarju ta’ regoli dwar is-suġġett u biex tiddiskuti, flimkien ma’ Stati Kontraenti tal-IMO, l-implementazzjoni korretta jew l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn tal-aħħar, skont iż-żewġ atti msemmija hawn fuq. L-Istati Membri għalhekk ma għadx għandhom kompetenza biex jippreżentaw pożizzjonijiet nazzjonali lill-IMO dwar suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, ħlief jekk ikunu ġew awtorizzati espressament biex jagħmlu dan minn din tal-aħħar.

15

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li skont l-Artikolu 3(1)(f) KE, l-istabbiliment ta’ politika komuni fil-qasam tat-trasport huwa msemmi b’mod speċifiku fost l-għanijiet tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punt 20).

16

Sussegwentement, skont l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri għandhom, minn naħa, jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat KE jew mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, jastjenu milli jieħdu kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmi trattat (sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

17

Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li, sa fejn ir-regoli Komunitarji huma adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet komuni, jassumu obbligi li jistgħu jaffettwaw l-imsemmija regoli jew li jibdlu l-portata tagħhom (sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

18

Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament, li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 80(2) KE, li fit-tieni paragrafu tiegħu jirreferi għall-Artikolu 71 KE, jikkostitwixxu regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat.

19

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, billi ssottomettiet lill-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-IMO l-proposta kkontestata, li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li hija proposta nazzjonali, dan l-Istat Membru jistax jitqies li assuma obbligi li jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

20

Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza AETR, iċċitata iktar ’il fuq, tapplika għal atti mhux vinkolanti, bħall-proposta kkontestata, filwaqt li r-Repubblika Ellenika ssostni li, billi tagħmel tali proposta fil-kuntest tal-parteċipazzjoni attiva tagħha f’organizzazzjoni internazzjonali, hija ma assumietx obbligu fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. L-imsemmi Stat Membru jżid li, f’kull każ, il-fatt li ssottometta l-proposta kkontestata lill-IMO ma wassalx għall-adozzjoni ta’ regoli ġodda fi ħdan din l-organizzazzjoni internazzjonali.

21

Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġeneral fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi stiednet lill-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-IMO jeżamina r-redazzjoni ta’ listi ta’ verifika (“check lists”) u strumenti oħra adatti biex jgħinu lill-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni SOLAS fil-verifika tal-konformità tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet mar-rekwiżiti li jinsabu fil-Kapitolu XI-2 tal-Anness ta’ din il-konvenzjoni u tal-Kodiċi ISPS, ir-Repubblika Ellenika ssottomettiet lill-imsemmi kumitat proposta li tista’ tibda proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni mill-IMO ta’ regoli ġodda relatati ma’ dan il-Kapitolu XI-2 u/jew għal dan il-kodiċi.

22

Issa, l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ġodda tista’, bħala konsegwenza, ikollha impatt fuq ir-Regolament, peress li l-leġiżlatur Komunitarju jkun iddeċieda, kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament kif ukoll mill-Annessi I u II ta’ dan tal-aħħar, li jinkorpora, essenzjalment, iż-żewġ strumenti internazzjonali fid-dritt Komunitarju.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tat bidu għal din il-proċedura permezz tal-proposta kkontestata, ir-Repubblika Ellenika ħadet inizjattiva li tista’ taffettwa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE.

24

Din l-interpretazzjoni ma għandhiex tiġi invalidata bl-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10 KE billi rrifjutat li tniżżel il-proposta kkontestata fl-aġenda tal-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2005 tal-Kumitat ta’ Leġiżlazzjoni tas-Sigurtà Marittima (il-Kumitat Marsec), li huwa previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament u li r-rappreżentant tal-Kummissjoni jassumi l-presidenza tiegħu.

25

Ċertament, il-Kummissjoni kien imissha pprovat tippreżenta l-imsemmija proposta lill-Kumitat ta’ Leġiżlazzjoni tas-Sigurtà Marittima u tippermetti dibattitu dwar dan is-suġġett, bil-għan li taqdi d-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 10 KE. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(2)(b) tar-Regoli Standard tal-Proċedura dan il-kumitat jikkostitwixxi wkoll forum li jippermetti skambji ta’ opinjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Issa, din tal-aħħar, billi tassumi l-presidenza tal-imsemmi kumitat, ma tistax, unikament minħabba li l-proposta hija ta’ natura nazzjonali, tipprevjeni tali skambju ta’ opinjonijiet.

26

Madankollu, ksur eventwali mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10 KE mhuwiex ta’ natura li jippermetti lil Stat Membru jieħu inizjattivi li jistgħu jaffettwaw ir-regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, u dan bi ksur tal-obbligi ta’ dan l-Istat li jirriżultaw, fil-każ bħal tal-kawża preżenti, mill-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE. Fil-fatt, Stat Membru ma jista’ fl-ebda każ ikun awtorizzat jieħu b’mod unilaterali miżuri korrettivi jew ta’ difiża sabiex jevita nuqqas ta’ osservanza eventwali, minn istituzzjoni, tar-regoli tad-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ir-Repubblika Ellenika tinvoka wkoll gentlemen’s agreement li kien ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-1993 u li jippermetti lill-Istati Membri jippreżentaw proposti lill-IMO, mhux biss kollettivament iżda wkoll individwalment, meta l-ebda pożizzjoni komuni ma tkun ġiet stabbilita minn qabel.

28

Madankollu, id-dokumenti li jikkostitwixxu dan l-allegat gentlemen’s agreeement ma jikkorroborawx it-teżi tal-imsemmi Stat Membru. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn id-dokumenti jirriżulta, essenzjalment, li l-kompetenza esklużiva tal-Komunità ma tipprekludix il-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri fi ħdan l-IMO, kemm-il darba l-pożizzjonijiet meħuda minn dawn tal-aħħar fi ħdan din l-organizzazzjoni internazzjonali jkunu ġew ikkoordinati fuq livell Komunitarju minn qabel. F’din il-kawża, huwa paċifiku li tali koordinazzjoni ma saritx.

29

Barra minn hekk, gentlemen’s agreement, anki jekk kellu l-portata kkonferita lilu mir-Repubblika Ellenika, ma jistax, f’kull każ, jaffettwa t-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, billi jippermetti lil Stat Membru, li jaġixxi individwalment fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni internazzjonali, jassumi obbligi li jistgħu jaffettwaw regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Greċja vs Il-Kunsill, 204/86, Ġabra p. 5323, punt 17).

30

Bl-istess mod, l-argument tar-Repubblika Ellenika li jipprovdi li, peress li l-Komunità ma għandhiex l-istatus bħala membru tal-IMO, obbligu li tastjeni milli tipparteċipa attivament f’din l-organizzazzjoni ma jiżgurax il-protezzjoni tal-interess Komunitarju, ma għandux jiġi milqugħ. Is-sempliċi fatt li l-Komunità mhijiex membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali bl-ebda mod ma jawtorizza Stat Membru, li jaġixxi individwalment fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni internazzjonali, jassumi obbligi li jaffettwaw regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat.

31

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ status bħala membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-Komunità ma jipprekludix li l-kompetenza esterna ta’ din tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi effettivament eżerċitata, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I-1061, punt 5).

32

Ir-Repubblika Ellenika tirreferi wkoll għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament li, kif hija qed tgħid, jagħti lill-Istati Membri l-kompetenza esklużiva li jimplementaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà stabbiliti b’dan ir-regolament u bbażati fuq l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS u tal-Kodiċi ISPS.

33

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kompetenza tal-Istati Membri, li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni, ma timplikax l-eżistenza, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ta’ kompetenza esterna sabiex jittieħdu inizjattivi li jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

34

Matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika invokat ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Hija qed tgħid li minn meta hija saret membru tal-IMO qabel l-adeżjoni tagħha mal-Komunità, l-obbligi tagħha lejn l-IMO u, b’mod partikolari, l-obbligu tagħha li tipparteċipa attivament f’din l-organizzazzjoni internazzjonali, bħala membru ta’ din tal-aħħar, mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu jiġi applikat biss fil-każ li jkun hemm inkompatibbiltà bejn, minn naħa, obbligu li jirriżulta mill-Konvenzjoni Internazzjonali, konkluża mir-Repubblika Ellenika qabel l-adeżjoni tagħha mal-Komunità u li biha dan l-Istat Membru sar membru tal-IMO u, min-naħa l-oħra, obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-62/98, Ġabra p. I-5171, punti 46 u 47).

36

Fl-ewwel lok, l-argumentazzjoni kollha tar-Repubblika Ellenika jikkonsisti f’li ssostni li l-fatt li ssottomettiet il-proposta kkontestata lill-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-IMO ma jmurx kontra l-obbligi ta’ dan l-Istat Membru li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju,ħaġa li teskludi speċifikament il-possibbiltà li jiġi invokat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

37

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika mhux qed turi li, bis-saħħa tal-atti li jikkostitwixxu l-IMO u/jew l-istrumenti legali redatti minn din l-organizzazzjoni internazzjonali, hija kienet obbligata tissottometti l-proposta kkontestata lill-imsemmi kumitat.

38

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ssottomettiet lill-IMO l-proposta kkontestata, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE.

Fuq l-ispejjeż

39

Skont l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ssottomettiet lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) proposta (MCS 80/5/11) dwar il-kontroll tal-konformità tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet mar-rekwiżiti tal-Kapitolu XI-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl-1 ta’ Novembru 1974, u tal-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u għall-Faċilitajiet tal-Portijiet, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.