SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 89/48/KEE — Rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għar-rikonoxximent tad-diplomi li jippermettu l-aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar — Nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttiva”

Fil-Kawża C-39/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-1 ta’ Frar 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u R. Vidal Puig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi naqas milli jadotta l-miżuri kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU 1989, L 19, p. 16), fir-rigward tal-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu minn din id-Direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttivi 85/432/KEE u 85/433/KEE

2

Fis-16 ta’ Settembru 1985, il-Kunsill adotta d-Direttiva 85/432/KEE, li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU L 253, p. 34).

3

Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/432:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-titolari ta’ diploma, ċertifikat jew kwalifika oħra universitarja jew ekwivalenti fil-farmaċija li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom ikunu intitolati ta’ l-anqas għal aċċess għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u li jwettqu dawk l-attivitajiet soġġetti, meta approprjat, għall-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali addizzjonali.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/432 jipprovdi:

“Mhux aktar minn tliet snin wara li jiskadi t-terminu ta’ żmien imniżżel fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill proposti approprjati dwar speċjalizzazzjonijiet fil-farmaċija u b’mod partikolari fil-farmaċija ta’ l-isptar. Il-Kunsill għandu jeżamina dawn il-proposti fi żmien sena.”

5

Fis-16 ta’ Settembru 1985, il-Kunsill adotta d-Direttiva 85/433/KEE, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija, inklużi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU L 253, p. 37).

6

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/433, kif emendata mid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 206, p. 1), jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali stabbiliti fl-Anness mogħtija lil ċittadini ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħrajn skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/432[…], billi jagħti lil dawn il-kwalifiki, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal u t-twettiq ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk id-diplomi, iċ-ċertifikati u kwalifiki formali oħrajn, elenkati fl-Anness, li huwa stess jagħti.”

7

Id-diploma Spanjola li tidher fl-imsemmi anness hija dik ta’ kwalifika formali fil-farmaċija (“Título de licenciado en farmacia”).

Id-Direttiva 89/48

8

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/48, kif emendata bid-Direttiva 2001/19, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn id-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:

li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi proprji,

li turi li t-titolari ikun ikkompleta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili u, meta approprjat, li huwa jkun ikkompleta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra il-kors post-sekondarju, u

li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità, jew it-titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali iċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ pajjiż terz.

[…]

(ċ)

professjoni regolata: l-attività professjonali regolata jew sensiela ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru;

(d)

attività professjonali regolata: attività professjonali, sa fejn il-bidu jew it-twettiq ta’ din l-attività jew waħda mill-modi tat-twettiq tagħha fi Stat Membru hija soġġetta, direttament jew indirettament permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ diploma. Dan li ġej, b’mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod tat-twettiq ta’ attività professjonali regolata:

it-twettiq ta’ attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta’ dan it-titolu huwa riservat għat-titolari ta’ diploma rregolata b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

[…]”

9

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”

10

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 3 [dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jaċċedi għal professjoni rregolata], l-Istat Membru ospitanti jista’ wkoll jitlob lill-applikant:

[…]

(b)

jikkompleta perjodu ta’ addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu aptitude test:

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni dwar speċjalizzazzjonijiet tal-farmaċija

11

Il-leġiżlazzjoni dwar speċjalizzazzjonijiet tal-farmaċija hija kkostitwita mid-Digriet Irjali 2708/1982 li jirregola l-istudji ta’ speċjalizzazzjoni u l-ksib tat-titolu ta’ spiżjar speċjalista (Real Decreto 2708/1982, por el que se regulan los estudios de especialización y la obtención del título de farmacéutico especialista), tal-15 ta’ Ottubru 1982 (BOE Nru 261, tat-30 ta’ Ottubru 1982, p. 29994).

12

L-Artikolu 1 ta’ dan id-Digriet Irjali jipprovdi:

“Mingħajr ħsara għad-drittijiet tal-persuni li għandhom kwalifika formali fil-farmaċija, huma biss il-persuni li għandhom diploma ta’ spiżjar speċjalista [“farmacéutico especialista”] maħruġa mill-Ministru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza li jistgħu jużaw it-titolu ta’ spiżjar speċjalista, jeżerċitaw il-professjoni bħala speċjalisti jew jokkupaw impjieg b’dan it-titolu f’entità pubblika jew privata.”

13

L-Artikolu 2 ta’ dan id-Digriet Irjali jipprovdi:

“Il-ksib ta’ diploma ta’ spiżjar speċjalista huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-pussess ta’ diploma ta’ kwalifika formali fil-farmaċija;

b)

l-ikkompletar tat-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni korrispondenti b’mod konformi mal-pjanijiet ta’ studju u mal-programmi stabbiliti;

c)

li wieħed ikun għadda mit-testijiet ta’ evalwazzjoni previsti fil-qasam.”

14

Skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali 2708/1982:

“L-ispeċjalizzazzjonijiet li ġejjin huma rikonoxxuti bħala speċjalizzazzjonijiet fil-farmaċija:

L-ewwel grupp. — Speċjalizzazzjonijiet li prinċiplament jirrikjedu taħriġ tal-isptar:

[…]

Farmaċija tal-isptar

[…]”

Il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttivi 85/432, 85/433 u 89/48

15

Id-Direttivi 85/432 u 85/433 ġew trasposti fil-liġi nazzjonali permezz tad-Digriet Irjali 1667/198, tat-22 ta’ Diċembru 1989 (BOE Nru 4, tal-4 ta’ Jannar 1990, p. 217).

16

L-Artikolu 1 ta’ dan id-Digriet jipprovdi:

“Id-diplomi, ċertifikati u kwalifiki oħra elenkati fl-Anness I ta’ dan id-Digriet Irjali u maħruġin għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness II huma rikonoxxuti fi Spanja, għall-aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar, bħala ekwivalenti għad-diploma universitarja uffiċjali ta’ kwalifika formali fil-farmaċija.”

17

Id-diploma Spanjola riprodotta fl-Anness I tal-imsemmi Digriet Irjali hija l-istess bħal dik li tidher fl-Anness tad-Direttiva 85/433.

18

Id-Direttiva 89/48 ġiet trasposta fil-liġi Spanjola permezz tad-Digriet Irjali 1665/1991, tal-25 ta’ Ottubru 1991 (BOE Nru 280, tat-22 ta’ Novembru 1991, p. 37916).

19

L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-Digriet Irjali jipprovdi:

“Ir-regoli pprovduti f’dan id-Digriet Irjali japplikaw għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkollhom diploma miksuba fi Stat tal-imsemmija Unjoni u li jixtiequ jeżerċitaw fi Spanja, għal rashom jew bħala impjegati, professjoni rregolata li għall-eżerċizzju tagħha edukazzjoni u taħriġ ogħla ta’ mill-inqas tliet snin huwa meħtieġ.”

20

L-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess Digriet Irjali jipprovdi li l-professjonijiet kollha elenkati fl-Anness I tal-istess Digriet jikkostitwixxu “professjonjiet irregolati”. Dan l-Anness ma jsemmix dik ta’ spiżjar tal-isptar.

Il-proċedura prekontenzjuża

21

Fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni minn dak l-Istat Membru tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ spiżjar speċjalista.

22

Fir-risposta tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2006, ir-Renju ta’ Spanja sostna li d-Direttiva 89/48 ma kinitx applikabbli għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, peress li din kienet speċjalizzazzjoni tal-professjoni ta’ spiżjar li hija rregolata b’mod speċifiku mid-Direttivi 85/432 u 85/433 trasposti fil-liġi Spanjola permezz tad-Digriet Irjali 1667/1989.

23

Fl-4 ta’ Lulju 2006, peress li qieset li din ir-risposta ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja, li għaliha dan l-Istat Membru wieġeb fit-12 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni f’din l-opinjoni motivata, billi tenna l-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li d-Direttiva 89/48 ma kinitx applikabbli għall-kwalifiki ta’ speċjalizzazzjoni fis-settur tal-farmaċija.

24

Peress li dan l-argument ma kkonvinċihiex, il-Kummissjoni ressqet il-preżenti rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

25

Il-Kummissjoni ssostni li, safejn l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali 2708/1982 jeskludi lit-titolari ta’ diploma maħruġa fi Stat Membru u rikonoxxuta bħala ekwivalenti skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 85/433 mill-possibbiltà li jużaw it-titolu ta’ spiżjar speċjalista u għalhekk milli jeżerċitaw il-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, l-Istat konvenut ma ttrasponiex id-Direttiva f’dak li jikkonċerna din il-professjoni.

26

Fil-fatt, skond din l-istituzzjoni, minn naħa, dan it-titolu għandu jiġi deskritt bħala “diploma” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, safejn dan jingħata mill-awtorità kompetenti maħtura, japprova edukazzjoni u taħriġ postsekondarju ta’ iktar minn tliet snin u jiċċertifika li min għandu l-imsemmi titolu għandu l-kwalifiki meħtieġa sabiex jeżerċita l-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar fi Spanja. Min-naħa l-oħra, il-professjoni riżervata għal min għandu diploma ta’ spiżjar speċjalista għandha tkun professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48. Fil-fatt, din il-professjoni tikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ attività rregolata fis-sens tal-Artikolu 1(d) ta’ din id-Direttiva, safejn l-aċċess għaliha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma.

27

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li kienu s-suġġett ta’ direttiva ta’ rikonoxximent reċiproku speċifiku, id-Direttiva 89/48 ma teskludi l-ebda professjoni rregolata mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. B’mod partikolari, hija ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tista’ tiġi interpretata bħala waħda li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-professjonijiet tal-farmaċija jew, b’mod iktar ġenerali, il-professjonijiet tas-saħħa. Il-fatt li dawn il-professjonijiet huma inklużi fis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi ma jmurx kontra l-Artikolu 47(3) KE li jipprovdi li t-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-istabbiliment għandha tkun ippreċeduta jew akkumpanjata minn koordinazzjoni korrelattiva tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dawn il-professjonijiet. Din id-direttiva m’għandhiex bħala għan l-istabbiliment ta’ sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ diplomi, iżda l-istabbiliment ta’ metodu ġenerali li jippermetti li r-rikonoxximent ta’ diplomi jiġi ffaċilitat.

28

Barra minn hekk, id-Direttivi 85/432 u 85/433 m’humiex applikabbli għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, inkwantu dawn jikkonċernaw biss id-diploma ta’ kwalifika formali fil-farmaċija. Fil-fatt, id-Direttiva 85/432, li tikkoordina l-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni u taħriġ għall-għoti ta’ diploma fil-farmaċija, li għaliha tapplika s-sistema ta’ rikonoxximent prevista fid-Direttiva 85/433, ma tirreferix, fis-sens tal-Artikolu 3, għall-ispeċjalizzazzjonijiet fil-farmaċija u partikolarment l-ispeċjalizzazzjoni fil-farmaċija tal-isptar. Min-naħa l-oħra, id-diploma ta’ kwalifika formali fil-farmaċija hija l-unika diploma msemmija fl-Anness tad-Direttiva 85/433 f’dak li jirrigwarda r-Renju ta’ Spanja.

29

Ir-Renju ta’ Spanja jwieġeb li l-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, inkwantu hija speċjalizzazzjoni fil-professjoni ta’ spiżjar, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48. Tali professjoni tista’ tiġi rregolata biss minn leġiżlazzjonijiet speċifiċi, u huwa għalhekk li l-Artikolu 47(3) KE jagħmel riżerva espliċita, partikolarment, fir-rigward tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-professjonijiet tal-farmaċija. Tali liberazzjoni ma tistax, għalhekk, tiġi mwettqa mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi prevista minn din id-direttiva.

30

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-Direttivi 85/432 u 85/433, li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ regoli speċjali ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet relatati ma’ ċerti attivitajiet tal-farmaċija sabiex ir-rikonoxximent reċiproku tat-titoli u tad-diplomi tal-farmaċija jkun possibbli. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 89/48, li tipprevedi bħala kundizzjoni unika għar-rikonoxximent ta’ diplomi t-tul ta’ żmien minimu tal-istudji, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ speċifiċità stabbilit fl-Artikolu 47(3) KE. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċjali adottata, f’dan il-qasam, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/432, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-Direttiva 89/48 sabiex tikkritika n-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Iż-żewġ partijiet fil-kawża jaċċettaw li d-Direttivi 85/432 u 85/433 ma japplikawx għad-diploma ta’ spiżjar speċjalista, li tagħti aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar. Madankollu, huma jisiltu żewġ konsegwenzi differenti minn din l-interpretazzjoni. Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ direttiva speċifika jimplika li din id-diploma taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48, filwaqt li, skond ir-Renju ta’ Spanja, fin-nuqqas ta’ tali direttiva, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikonoxximent ta’ din id-diploma la huwa rregolat mid-Direttiva 89/48 u lanqas minn att ta’ dritt sekondarju ieħor.

32

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 m’huwiex iddefinit skond is-settur jew it-tipoloġija tad-diplomi kkonċernati. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, li din id-direttiva tapplika partikolarment għal kull diploma ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mat-tmiem ta’ perijodu ta’ studji postsekondarji li ma jkunx inqas minn tliet snin, li tippermetti l-aċċess tat-titolari tagħha għal professjoni rregolata.

33

Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, professjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala rregolata, fis-sens tad-Direttiva 89/48, meta l-aċċess għall-attività professjonali li tikkostitwixxi din il-professjoni jew l-eżerċizzju tagħha jkun irregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi li jistabbilixxu sistema li bħala effett tillimita b’mod espliċitu din l-attività professjonali għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u tipprekludi l-aċċess għal dawk li ma jissodisfawhomx (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1996, Aranitis, C-164/94, Ġabra p. I-135, punti 18 u 19, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud, C-285/01, Ġabra p. I-8219, punt 45).

34

F’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam rilevanti, li d-diploma ta’ spiżjar speċjalista hija diploma ta’ edukazzjoni ogħla li tagħti aċċess għal professjoni rregolata, jiġifieri dik ta’ spiżjar tal-isptar.

35

Anki jekk ma jikkontestax din id-deskrizzjoni tad-diploma u tal-professjoni in kwistjoni, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, peress li d-Direttiva 89/48 ma tapplikax għad-diplomi ta’ speċjalizzazzjoni fil-farmaċija, huwa m’għandux l-obbligu ji jipprovdi l-possibbiltà, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, li jaċċedu għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar.

36

Tali interpretazzjoni tad-Direttiva għandha tiġi miċħuda.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, b’mod preliminari, li d-dritt għar-rikonoxximent tad-diplomi huwa ggarantit bħala espressjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-istabbiliment mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE. Skond ġurisprudenza kostanti, minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE jirriżulta li Stat Membru, li titressaq quddiemu talba għal awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata professjoni li l-aċċess għaliha, skond il-liġi nazzjonali, huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma jew ta’ kwalifika professjonali, għandu jieħu in kunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u titoli oħra li l-persuna in kwistjoni tkun kisbet bil-għan li teżerċita din l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor billi jqabbel il-kompetenzi ċċertifikati b’dawn id-diplomi ma’ l-għarfien u l-kwalifiki rikjesti mir-regoli nazzjonali (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C-340/89, Ġabra p. I-2357, punt 16, u tal-14 ta’ Settembru 2000, Hocsman, C-238/98, Ġabra p. I-6623, punt 23).

38

Id-Direttiva 89/48, kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, tistabbilixxi “metodu ta’ rikonoxximent” tad-diplomi li hija tirreferi għalihom. Hija tistabbilixxi sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla li tippermetti l-aċċess għal professjoni rregolata u għalhekk l-eżerċizzju ta’ dritt stabbilit permezz tat-Trattat.

39

Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni fakkret, id-Direttiva 89/48 ma tistabbilixxix sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku. Fil-fatt, anki jekk tirrikonoxxi d-dritt għal aċċess għall-professjonijiet irregolati, din id-direttiva tippermetti, skond l-Artikolu 4(b) tagħha, lill-Istat ospitanti, li jimponi fuq l-applikant, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, perijodu ta’ adattament jew test ta’ kapaċità, partikolarment meta l-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa jkun irċieva jkunu jinvolvu materji sostanzjalment differenti minn dawk koperti mid-diploma rikjesta fl-Istat Membru ospitanti jew meta l-professjoni rregolata f’dan l-Istat Membru tal-aħħar tkun tinkludi attività professjonali waħda jew iktar li m’humiex fil-professjoni rregolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u din id-differenza bejn l-attivitajiet professjonali fiż-żewġ Stat Membri kkonċernati tikkorrispondi għal edukazzjoni u taħriġ speċifiku differenti.

40

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 47(3) KE jeskludi, f’kull każ, li direttiva intiża għall-implementazzjoni ta’ sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi tkun tista’ tiġi applikata għall-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa, peress li dan l-Artikolu jintroduċi b’mod espliċitu riżerva fir-rigward tal-professjonijiet mediċi, paramediċi u tal-farmaċija, li ma jistgħux jiġu liberalizzati fin-nuqqas ta’ att li jistabbilixxi r-regoli rigward il-“koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri”.

41

Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Interpretazzjoni bħal din tal-Artikolu 47(3) KE twassal, fil-fatt, mhux biss għal nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48, iżda b’mod iktar ġenerali għal esklużjoni taċ-ċittadini Komunitarji mid-dritt għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ speċjalizzazzjoni fil-farmaċija, meta dan id-dritt jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE.

42

B’mod kuntrarju għal dan, l-Artikolu 47(3) KE m’għandux l-għan li jillimita l-portata tad-dritt għar-rikonoxximent ta’ diplomi, iżda li tiġi evitata l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ diplomi ta’ aċċess għall-professjonijiet tas-saħħa fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw dawn il-professjonijiet. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat tikkonċerna b’dan il-mod tali sistema, li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-armonizzazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijet rigward l-eżerċizzju tal-imsemmija professjonijiet.

43

Għaldaqstant ir-rikonoxximent tad-diplomi li jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 u li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sistema li tippermetti tali rikonoxximent, skond il-kundizzjonijet previsti minn din id-direttiva.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, peress li naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji kollha għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu previsti minn din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

45

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna għall-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja u dan tal-aħħar tilef il-kawża, hemm lok li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Peress li naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji kollha għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ spiżjar tal-isptar, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu previsti minn din id-direttiva.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.