KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawżi magħquda C‑570/07 u C‑571/07

José Manuel Blanco Pérez

u

María del Pilar Chao Gómez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Asturias (Spanja))







1.        It‑tħassib dwar il‑fatt li spiżjara li jkollhom bżonn il‑flus jistgħu jikkompromettu l‑obbligi relatati mal‑professjoni tagħhom ma huwiex xi fattur ġdid. Il‑problema ilha teżisti mill‑inqas minn meta Romeo ta’ Shakespeare pperswada lil dak il‑“viljakk brikkun” ta’ spiżjar biex ibigħlu l‑velenu b’dawn il‑kelmiet:

“…famine is in thy cheeks,

Need and oppression starveth in thine eyes,

Contempt and beggary hangs upon thy back;

The world is not thy friend nor the world’s law;

The world affords no law to make thee rich;

Then be not poor, but break it, and take this.

[...il‑ġuħ jidher fil‑wardiet ta’ wiċċek,

Il‑bżonn u l‑oppressjoni jokorbu fjakki f’għajnejk,

Id‑disprezz u l‑faqar jagħfsu fuq dahrek;

Id‑dinja ma hijiex ħabibtek, u lanqas il‑liġi tad‑dinja;

Id‑dinja ma għandhiex liġi biex tagħmlek sinjur;

Mela tkunx fqir, iżda ikser il‑liġi, u ħu dan]” (2).

2.        Biex inkomplu mat-tema ta’ Shakespeare, nistgħu ngħidu li l-kwistjoni ċentrali ta’ din il‑kawża hija kemm ċerti spiżjara jistgħu jsiru sinjuri biex tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi farmaċewtiċi. Fil-fatt, l‑awtoritajiet tal-Asturias, u dawk ta’ Stati Membri oħra li għandhom regoli simili, jiġġustifikaw l‑aktar ir‑regoli tagħhom li jillimitaw il‑ftuħ ta’ spiżeriji ġodda, bil‑bżonn li jiġu ppreżervati l‑inċentivi finanzjarji opportuni għall‑aħjar u l‑aktar provvediment wiesa’ ta’ servizzi farmaċewtiċi. Fl‑opinjoni tagħhom dan jeħtieġ, minn naħa waħda, li l‑ispiżeriji li huma diġà stabbiliti jkunu protetti mill‑‘perikli’ tal‑kompetizzjoni, u min‑naħa l‑oħra, li l‑ispiżjara jiġu mħajra jiftħu spiżeriji f’żoni li jiġġeneraw inqas profitt billi jiġi ristrett l‑aċċess għal żoni li l-iktar jiġġeneraw profitt. Jien ma għandi l‑ebda dubju li l‑kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom jiġi pprovdut servizz jistgħu jaffettwaw il-kwalità ta’ dan is‑servizz. L‑Istati jistgħu b’mod leġittimu jibbażaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fuq preokkupazzjonijiet bħal dawn meta dawn ikunu strumentali biex jintlaħaq għan pubbliku bħalma hu l‑protezzjoni tas‑saħħa pubblika. Min‑naħa l‑oħra ma huwiex biżżejjed li l‑Istati sempliċiment jinqdew b’din il‑konnessjoni eventwali biex jiġġustifikaw kwalunkwe sett ta’ regoli. Leġiżlazzjoni li tagħti vantaġġi finanzjarji partikolari lil xi wħud mill‑operaturi ekonomiċi fuq operaturi oħrajn għandha tiġi studjata bir‑reqqa. F’dan il‑każ, il‑mistoqsija ma tagħtix lok għal tweġiba faċli. Minn naħa, il‑protezzjoni tas‑saħħa tal‑bniedem għandha importanza kbira, u l‑Qorti tal-Ġustizzja f’dan il‑qasam ikkumplikat trid tirrispetta s‑sentenzi tal‑qrati tal‑Istati Membri. Min‑naħa l‑oħra, hu dmir ta’ din il‑Qorti li tirrimedja sitwazzjonijiet fejn jirriżulta li l-proċessi tal‑politika lokali jkunu ntużaw sabiex jiġu pprovduti benefiċċji li jħallu l‑qligħ lil uħud min‑nies stabbiliti tal‑lokal, u dan b’detriment għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra, fost l‑oħrajn. Il‑Qorti ma tistax tirrinunzja għal dan id‑dmir sempliċiment għax każ partikolari jqajjem kwistjonijiet relatati mas‑saħħa pubblika. Hu minnu li fil-każijiet fejn il‑kwistjonijiet imqanqla jinvolvu mhux biss qligħ finanzjarju iżda s‑saħħa tal‑bniedem, il‑bżonn ta’ arbitru imparzjali jkun kbir ħafna. Għalhekk, jien u nwieġeb id-domandi magħmula f’din il‑kawża, ser nipprova nsib bilanċ bejn l‑interessi li jikkompetu bejniethom, kemm billi nieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet politiċi tal‑Istati Membri, kif ukoll billi neżamina bir‑reqqa l‑iskemi ta’ implementazzjoni tagħhom għal sinjali ta’ “influwenza politika” fid-dawl tar-rekwiżiti tal-koerenza u konsistenza li ġew żviluppati fil‑ġurisprudenza ta’ din il‑Qorti fir‑rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tfixkel il‑moviment liberu.

I –    Il‑kuntest fattwali u ġuridiku

3.        F’dawn il‑kawżi, ir-rikorrenti huma t‑tnejn ċittadini Spanjoli li huma spiżjara kwalifikati iżda li mhumiex awtorizzati jiftħu spiżerija. Ilhom jipprattikaw il‑professjoni tagħhom għal bosta snin fi spiżeriji veterinarji. Peress li l‑għan tagħhom hu li joperaw spiżerija tagħhom, huma jixtiequ li jinħarġilhom permess biex jiftħu spiżerija ġdida fil‑Komunità Awtonoma tal-Asturias fi Spanja. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑Ministeru għas‑Saħħa u s‑Servizzi Pubbliċi tas-Saħħa tal‑Prinċipat tal-Asturias tal‑14 ta’ Ġunju 2002, il‑permess relattiv li ntalab mir-rikorrenti ġie miċħud. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill‑Kunsill Governattiv tal-Asturias fl-10 ta’ Ottubru 2002. Ir-rikorrenti ressqu rikors quddiem it‑Tribunal Superior de Justicia de Asturias biex jikkontestaw din id‑deċiżjoni.

4.        Id‑deċiżjonijiet tal‑awtoritajiet tal-Asturias huma bbażati fuq id-Digriet Nru 72/2001 tad‑19 ta’ Lulju 2001 li jirregola l‑ispiżeriji u s‑servizzi farmaċewtiċi fil‑Prinċipalità tal-Asturias, li jistabbilixxi sistema ta’ liċenzjar li tinkludi ċerti restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ spiżeriji fil‑Komunità Awtonoma, kif ukoll sistema li tirregola l-ħruġ ta’ liċenzji lil kandidati li jkunu qegħdin jikkompetu bejniethom. Ir-rikorrenti jsostnu li dan id‑digriet imur kontra l‑libertà ta’ stabbiliment tagħhom skont l-Artikolu 43 tat-Trattat KE. Minħabba d‑dubji eżistenti dwar il‑legalità tad‑digriet fid‑dawl tad-dritt Komunitarju, il‑qorti nazzjonali għamlet iż‑żewġ domandi segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

      “L-Artikolu 43 KE jipprekludi dak li huwa stabbilit fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Digriet 72/2001 tad-19 ta’ Lulju tal-Prinċipat tal-Asturias, li jirregola l-ispiżeriji u s-servizzi farmaċewtiċi, kif ukoll il-punti 4, 6 u 7 tal-anness tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq? (Kawża C‑570/07)”

u

      “L-Artikolu 43 KE jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti spiżeriji? (Kawża C‑571/07)”

5.        Bħalma ġie indikat iżjed ’il fuq, il‑leġiżlazzjoni li ġiet ikkontestata tipprovdi għal limitazzjoni fuq l-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda u tistabbilixxi kriterji biex issir distinzjoni bejn kandidati li jkunu qegħdin jikkompetu bejniethom għal‑liċenzja biex jiftħu spiżerija ġdida. L‑aktar limitazzjonijiet importanti jikkonsistu f’restrizzjoni kwantitattiva li tillimita n‑numru ta’ spiżeriji f’żona partikolari skont il-popolazzjoni f’dik iż‑żona, u f’restrizzjoni ġeografika li ma tippermettix li tiġi stabbilita spiżerija f’pożizzjoni li tkun inqas minn 250 metru ’l bogħod minn spiżerija oħra. Id-dispożizzjonijiet eżatti li jistabbilixxu dan huma s‑segwenti:

“Artikolu 2. Unitajiet ta’ popolazzjoni

1.      F’kull żona farmaċewtika, in‑numru ta’ spiżeriji għandu jkun ibbażat fuq unità ta’ popolazzjoni ta’ 2 800 resident għal kull spiżerija. Ladarba dak in‑numru jinqabeż, tista’ tiġi stabbilita spiżerija oħra għall‑porzjon ta’ residenti li jkun qabeż l‑2 000.

2.       Fiż‑żoni tas‑saħħa bażika kollha u fil‑muniċipalitajiet kollha, jista’ jkun hemm mill‑inqas spiżerija waħda.

Artikolu 3. Kalkolu tal‑popolazzjoni

Għall‑fini ta’ dan id‑digriet, il‑kalkolu tal‑popolazzjoni għandu jsir abbażi tad‑data li tirriżulta mill‑verżjoni l‑iżjed reċenti tar‑reġistru muniċipali.

Artikolu 4. Distanzi minimi

1.       Bħala regola ġenerali, id‑distanza minima bejn l‑ispiżeriji għandha tkun ta’ 250 metru, irrispettivament miż‑żona farmaċewtika li fiha jinsabu l‑ispiżeriji.

2.       Dik id‑distanza minima ta’ 250 metru għandha tinżamm ukoll fil‑każ ta’ ċentri tas‑saħħa fi kwalunkwe żona farmaċewtika, irrispettivament mill‑fatt jekk dawn humiex ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati marbutin b’kuntratt biex jipprovdu kura li ma tingħatax fl‑isptarijiet jew dik li tingħata fl-isptarijiet, li joffru konsultazzjonijiet esterni jew li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza, u irrispettivament mill‑fatt jekk dawn humiex qegħdin jiffunzjonaw diġà jew jekk għadhomx fi stat ta’ kostruzzjoni.

      Dan ir-rekwiżit tad-distanza għaċ-ċentri tas-saħħa m’għandux japplika f’żoni farmaċewtiċi fejn hemm biss spiżerija waħda jew fi bliet li fil-preżent għandhom spiżerija waħda biss, u fejn mhux maħsub, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, li jinfetħu spiżeriji ġodda.

Fiż‑żewġ każijiet, iridu jingħataw raġunijiet għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit tad‑distanza fir-rigward ta’ ċentru tas‑saħħa pubbliku” (3).

6.        Il‑leġiżlazzjoni tistabbilixxi diversi kriterji biex issir għażla bejn kandidati li jkunu qegħdin jikkompetu bejniethom għal‑liċenzji fi ħdan din is-sistema. Jiġu allokati punti skont numru ta’ kriterji għall‑esperjenza professjonali u l‑esperjenza universitarja. Iżjed punti jiġu allokati għall‑esperjenza professjonali li tinkiseb fi bliet b’inqas minn 2 800 resident, milli għal tipi ta’ prattika oħra. L‑att jipprovdi wkoll dan li ġej:

“1.       Jeħtieġ li jiġu pprovduti ċertifikati uffiċjali mill‑awtoritajiet rilevanti jew mill‑persuna responsabbli bħala evidenza taċ‑ċirkustanzi u l‑kwalifiki stabbiliti fl‑iskala preżenti.

2.       Biex tiġi evalwata l‑esperjenza professjonali u l‑esperjenza universitarja, il‑kalkoli għandhom isiru fuq xhur sħaħ anki jekk il‑perijodi ta’ ħidma kienu interrotti. Il‑perijodi interrotti ta’ ħidma jistgħu jingħaddu flimkien f’unitajiet ta’ 21 ġurnata jew 168 siegħa li huma ekwivalenti għal xahar, sakemm jintlaħaq dak il‑perijodu minimu.

Fejn persuna qiegħda taħdem taħt kuntratt fuq bażi part‑time, il‑kwalifiki għall‑esperjenza professjonali għandhom jiġu kkalkolati bl‑istess mod kif fuq imsemmi f’dak li jirrigwarda ġranet sħaħ maħduma.

3.       Tingħadd biss attività professjonali waħda għal kull perijodu, ħlief f’każ fejn ikunu involuti żewġ attivitajiet li jsiru fuq bażi part‑time.

4.       L‑esperjenza professjonali bħala spiżjar kwalifikat jew bħala persuna li kienet is‑sid ta’ spiżerija bi sħab ma’ persuna oħra jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kwalifika ma tkunx tgħodd jekk waħda jew iżjed minn dawn l‑attivitajiet tkun jew ikunu diġà ntużaw fil‑passat sabiex dak li jkun jakkwista l‑awtorizzazzjoni għall‑istabbiliment ta’ spiżerija.

5.       Fil-każ fejn spiżerija jkollha iżjed minn proprjetarju wieħed iżda mhux iżjed minn tnejn, jittieħdu inkunsiderazzjoni 50 % tal‑punti attribwiti lill‑kwalifiki ta’ kull wieħed mis‑sidien. Fejn ikun hemm iżjed minn żewġ sidien involuti, jiġu kkunsidrati 50 % tal‑punti attribwiti lill‑kwalifiki ta’ dak is‑sid li jkollu l‑iżjed punti u 50 % tal‑punti attribwiti lis‑sid li jkollu l‑inqas punti.

6.       Jiġu miżjuda wkoll 20 % oħra għall‑kwalifiki professjonali għall- esperjenza professjonali li l‑persuna tkun akkwistat fil‑Prinċipat tal-Asturias.

7.       Fil-każ li numru ta’ kandidati jkollhom l‑istess ammont ta’ punti fl‑iskala, l‑awtorizzazzjoni tingħata skont is‑segwenti ordni ta’ prijorità:

(a)       Spiżjara li ma ġewx awtorizzati joperaw spiżerija.

(b)       Spiżjara li ġew awtorizzati joperaw spiżerija f’żoni farmaċewtiċi jew fi bliet b’popolazzjoni ta’ inqas minn 2 800 resident.

(c)       Spiżjara li pprattikaw il-professjoni tagħhom fil‑Prinċipat tal-Asturias.

(d)       Spiżjara li għandhom l‑aqwa kwalifiki akkademiċi” (4).      

II – Analiżi

A –    Ammissibbiltà

7.        Xi wħud mill‑partijiet jargumentaw li din il‑kawża mhix ammissibbli peress li r-rikorrenti huma ċittadini Spanjoli li qegħdin jikkontestaw regolamenti Spanjoli. Madanakollu, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li kawżi bħal dawn huma ammissibbli (5). Hija biss il‑qorti nazzjonali li hija kompetenti biex tiddetermina jekk hemmx il‑ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tgħinha tagħti s‑sentenza (6). Il‑Qorti tagħti d‑deċiżjoni tagħha sakemm ma jkunx ċar li t‑talba li tkun tressqet quddiemha ma jkollhiex x’taqsam mal‑azzjoni prinċipali (7). Jista’ jkun li l‑qorti nazzjonali tkun teħtieġ l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju, anki jekk is‑sitwazzjoni fattwali inkwistjoni tkun ta’ natura purament interna, u dan peress li “risposta bħal din tista’ tkun utli għaliha jekk il‑liġi nazzjonali tagħha tkun teżiġi, fi proċedimenti bħal dawk f’dan il‑każ, li produttur nazzjonali jrid jitħalla jgawdi l‑istess drittijiet bħal dawk li produttur ta’ Stat Membru ieħor igawdi skont id-dritt Komunitarju fl‑istess sitwazzjoni” (8). Kif diġà spjegajt, nemmen li għandu jittieħed dan l‑approċċ fid‑dawl tal‑ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati nazzjonali u l‑Qorti tal‑Ġustizzja u invista tal‑ħtieġa li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l‑applikazzjoni tal‑liġi nazzjonali flimkien mal‑applikazzjoni tad-dritt Komunitarju twassal għal trattament avvers fil‑konfront taċ‑ċittadini tal‑istess Stat Membru (9). Għaldaqstant, f’dan il‑każ, il‑Qorti għandha tagħti l‑interpretazzjoni ta’ Artikolu 43 KE minnha mitluba.

B –    L‑eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment

8.        Id‑dritt Komunitarju ma jnaqqas xejn mill‑poter li l‑Istati Membri għandhom sabiex jorganizzaw is‑sistemi tas‑saħħa u tas‑sigurtà soċjali tagħhom (10). Għalkemm l‑ispiżeriji huma entitajiet kummerċjali, huma jirrappreżentaw ukoll parti mis‑sistema tal‑kura tas‑saħħa. Għaldaqstant, bħala parti mill‑poter tagħhom li jorganizzaw sistemi bħal dawn, l‑Istati Membri jistgħu jaddottaw dispożizzjonijiet immirati sabiex jikkontrollaw l‑organizzazzjoni tal‑ispiżeriji, bħalma jagħmlu fil‑każ ta’ servizzi tas‑saħħa oħrajn (11).

9.        Madanakollu, l‑Istati Membri huma mistennija jeżerċitaw il‑kompetenza tagħhom f’dan il‑qasam b’mod li jkun konsistenti mal‑libertajiet mogħtija mit‑Trattat, li jinkludu l‑libertà ta’ stabbiliment (12). Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja hija ċara fis‑sens li kwalunkwe miżura nazzjonali li tfixkel jew li tnaqqas mit‑tgawdija tal‑eżerċizzju minn ċittadini tal‑Komunità tal‑libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit‑Trattat, tammonta għal indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 43 KE, anki fil-każijiet meta l‑miżura nazzjonali rilevanti tkun applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità (13).

10.      Ħafna drabi, l‑indħil fil‑libertajiet fundamentali jimmanifesta ruħu bħala ostakolu għall-aċċess għas‑suq nazzjonali, liema ostakolu hu riżultat ta’ miżuri li jipproteġu l‑ishma mis‑suq ta’ operaturi li huma diġà stabbiliti fis‑suq nazzjonali (14). Rekwiżiti li jridu jkunu sodisfatti qabel ma tkun tista’ tingħata l-awtorizzazzjoni, li jeżiġu li attività partikolari tiġi eżerċitata biss minn ċerti operaturi ekonomiċi li jissodisfaw rekwiżiti li jkunu ġew predeterminati, jammontaw għal restrizzjoni (15). B’mod partikolari, “meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal kundizzjoni marbuta mal-bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali ta’ din l-attività, tikkostitwixxi restrizzjoni peress li għandha t-tendenza tillimita n-numru ta’ fornituri ta’ servizzi” (16). Għal din ir‑raġuni, leġiżlazzjoni nazzjonali li ppermettiet polikliniċi dentali ġodda biss f’dawk il‑każijiet fejn l‑awtoritajiet lokali kienu tal‑fehma li kien hemm il‑ħtieġa għal iżjed kliniċi ġiet iddikjarata bħala leġiżlazzjoni li tirristrinġi l‑libertà ta’ stabbiliment (17). Limitazzjonijiet bħal dawn jixbhu lil dawk li ġew dikjarati bħala li jikkostitwixxu ostakolu għall‑moviment liberu tal‑merkanzija peress li kienu qegħdin jipproteġu l‑pożizzjoni ta’ operaturi ekonomiċi li kienu diġà stabbiliti, u għalhekk kienu qegħdin ifixklu prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli jkollhom aċċess għas‑suq nazzjonali (18).

11.      Meta wieħed japplika dawn l‑istandards għar‑regoli inkwistjoni f’din il‑kawża, li jippermettu li jinfetħu spiżeriji ġodda biss skont ir‑rekwiżiti marbutin mal‑post u l‑popolazzjoni, jidher ċar li dawn ir‑regoli jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il‑libertà ta’ stabbiliment. Dawn ir‑rekwiżiti jippermettu li jinfetħu spiżeriji ġodda biss meta jkun hemm awtorizzazzjoni li tkun ingħatat minn qabel, u din l‑awtorizzazzjoni tingħata biss meta r‑rekwiżiti relatati mal‑post u l‑popolazzjoni jkunu sodisfatti. Infatti, dawn huma direttament anologi mar‑rekwiżit inkwistjoni fil-kawża Hartlauer li jeżiġi li qabel ma tinfetaħ poliklinika, irid jintwera li hemm ħtieġa għal klinika bħal din. Ma tistax tinfetaħ spiżerija ġdida fejn skont l-awtoritajiet m’hemmx biżżejjed popolazzjoni biex ikun hemm ħtieġa għal spiżerija ġdida. Peress li jiffriżaw l-aċċess għas‑suq, il‑miżuri inkwistjoni jkollhom l‑effett li jfixklu lil dawk li jixtiequ jistabbilixxu spiżerija fit‑territorju tal-Asturias milli jagħmlu dan, u għalhekk, ifixklu l‑istabbiliment ta’ spiżeriji minn barra l‑Istat Membru.

C –    Jekk restrizzjoni bħal din tistax tiġi ġġustifikata

12.      Li jiġi stabbilit li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tirristrinġi l‑libertà ta’ stabbiliment hu biss l‑ewwel pass fl‑analiżi tagħna. Miżuri nazzjonali bħal dawn jistgħu jiġu ġġustifikati jekk huma jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet. B’mod partikolari, “dawn iridu jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju; għandhom jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi fl‑interess ġenerali; għandhom ikunu xierqa biex jilħqu l‑objettiv tagħhom; u ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l‑objettiv” (19).

1.      Applikazzjoni li mhijiex diskriminatorja

13.      Id-dispożizzjonijiet prinċipali tad‑Digriet, li huma r‑rekwiżiti marbutin mal‑popolazzjoni u d‑distanza minima, mhumiex diskriminatorji. Dawn japplikaw bl‑istess mod għall‑ispiżjara kollha (20). Dan hu minnu wkoll fil‑każ tal‑kriterji stabbiliti mill‑awtoritajiet tal-Asturias fir‑rigward tal‑evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal‑liċenzji biex jinfetħu spiżeriji li jkunu jikkompetu bejniethom, li jagħtu prijorità ikbar lil spiżjara li jkunu diġà ħadmu f’żoni fejn il‑popolazzjoni ma tilħaqx il‑kwota stabbilita mill‑awtoritajiet (21). Bħala prinċipju, kull spiżjar, irrispettivament minn fejn hu, għandu l‑istess possibbiltà li jibbenifika minn din id-dispożizzjoni.

14.      Madanakollu, il‑kriterji li jagħtu iżjed prijorità lill‑applikanti li jkunu ħadmu bħala spiżjara fit‑territorju tal-Asturias (22), jammontaw għal diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità li ma tistax titħalla ssir. Dan hu minnu għalkemm, bħad‑dispożizzjoni li tagħti prijorità lil spiżjara li jkunu ħadmu f’żoni fejn il‑poplazzjoni ma tilħaqx il‑kwota stabbilita mill‑awtoritajiet, din ma tagħtix importanza lill‑pajjiż minn fejn ikun ġej l‑ispiżjar, u spiżjar minn Stat Membru ieħor li jkun jaħdem fl-Asturias jista’ jibbenifika minn din id-dispożizzjoni. Dan għaliex din id-dispożizzjoni tqis l‑esperjenza li spiżjar ikun ħa fl-Asturias bħala li b’xi mod għandha iżjed valur mill‑istess esperjenza li spiżjar ikun ħa fi Stati Membri oħra  (23). Kriterju bħal dan ma jistax jiġi ġġustifikat taħt il‑ġurisprudenza ta’ din il‑Qorti, u dan għaliex il‑fatt li għandu jingħata l‑istess valur lil dawk il-kwalifiki li ġew akkwistati fi Stati Membri oħra hu wieħed kruċjali għall‑moviment liberu.

15.      Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il‑konklużjoni minħabba l‑fatt li spiżjara Spanjoli li mhumiex mill-Asturias huma wkoll żvantaġġjati b’din il‑politika. Il‑Qorti kienet ċara li biex jiġi stabbilit li qiegħda ssir diskriminazzjoni “mhuwiex meħtieġ li l‑impriżi kollha fi Stat Membru jkollhom vantaġġ fuq impriżi barranin, meta mqabbla magħhom. Hu biżżejjed li l‑mod kif taħdem is‑sistema preferenzjali jagħti vantaġġ lill-fornitur ta’ servizzi li jkun minn dak l-Istat Membru” (24). Il-fatt li l-awtoritajiet tal-Asturias jagħtu prijorità lil dawk li jkunu eżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Asturias żgur li hu ta’ żvantaġġ għal spiżjara li jiġu minn barra l-prinċipalità, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra, kif ukoll għall-ispiżjara mill-Asturias li għażlu li jeżerċitaw id-dritt ta’ libertà ta’ stabbiliment tagħhom fi Stati Membri oħra (25). Politika bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni diskriminatorja fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u dan hu pprojbit mit-Trattat.

16.      Għalhekk, biex nevalwa l-elementi l-oħra li jridu jiġu sodisfatti biex il-liġi tiġi ġġustifikata, ser nillimita l-analiżi tiegħi għall-elementi tal-liġi li mhumiex diskriminatorji.

2.      L-għan tal-interess pubbliku

17.      L-għan tal-interess pubbliku li jrid jintlaħaq permezz tar-restrizzjonijiet demografiċi u ġeografiċi hu l-protezzjoni tas-saħħa pubblika permezz ta’ provvediment ta’ servizzi farmaċewtiċi tajba fiż-żoni kollha fit-territorju tal-Asturias. Mingħajr ebda dubju, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija raġuni imperattiva fl-interess ġenerali (26). Ħafna mill-argumenti tal-partijiet jidhru li huma ffokati fuq il-mistoqsija dwar liema approċċ hu l-aħjar biex jipproteġi s-saħħa pubblika, u b’mod speċjali f’dan il-każ, liema hu l-aħjar approċċ sabiex ikun hemm l-aktar provvediment territorjali wiesa’ ta’ servizzi farmaċewtiċi tajbin: approċċ li jiffaċilita l-ftuħ ta’ spiżeriji u li fl-istess waqt jippromwovi kompetizzjoni bejniethom, jew approċċ li jillimita l-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira biex inaqqas il-kompetizzjoni u li jiffavorixxi l-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni fil-pajjiż li għandhom popolazzjoni iżgħar. Il-partijiet jinvokaw evidenza konfliġġenti biex jistabbilixxu li l-approċċ preferut tagħhom hu l-aqwa approċċ għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, liema evidenza tinkludi esperjenzi fi Stati Membri differenti.

18.      Dwar din il-kwistjoni, jien tal-fehma li hu biżżejjed li wieħed jinnota li t-tfassil tas-sistema tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika qiegħed fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, u li l-Qorti hi mitluba tirrispetta dak li jkun iddeċieda l-Istat Membru (27). Dan hu l-każ b’mod speċjali meta n-nuqqas ta’ qbil fuq politika jkun rinforzat mill-eżistenza ta’ differenzi importanti bejn il-politiki adottati mill-Istati Membri. Il-fatt li Stat Membru wieħed jimponi regoli li huma inqas stretti minn Stat Membru ieħor, jew il-fatt li Stat Membru jagħti prijorità lil interess partikolari fuq interess ieħor, ma jfissirx li waħda jew l-oħra minn dawn il-ġabriet ta’ regoli ma hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju (28). Barra minn hekk, din il-Qorti rrikonoxxiet espressament il-fatt li l-ippjanar tas-servizzi mediċi, inkluż id-distribuzzjoni ugwali tas-servizzi madwar l-Istat kollu, jaqa’ fl-ambitu ta’ din id-diskrezzjoni (29). Meta din il-Qorti kkunsidrat il-prodotti u s-servizzi farmaċewtiċi, hi ddeċidiet li l-iffissar tal-prezzijiet (30) u l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni (31) huma strateġiji li jagħmluha possibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet tas-saħħa pubblika.

19.      Filwaqt li għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertajiet fundamentali (32), fejn ikun meħtieġ dawn jistgħu jiġu ġġustifikati biex is-sistema tas-saħħa tiffunzjona ekonomikament (33). B’mod speċjali, “interessi ta’ natura ekonomika li għandhom bħala għan iż-żamma ta’ servizz mediku u ta’ sptar ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd”, jistgħu jikkostitwixxu interess pubbliku xieraq. Dawn l-infrastrutturi, it-“tqassim ġeografiku tagħhom, l-organizzazzjoni tagħhom u t-tagħmir li għandhom, jew inkella n-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ppjanar, li, minn naħa jirrispondi, bħala regola ġenerali, għall-għan li tiġi ggarantita fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat aċċesibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa ekwilibrata ta’ kura medika ta’ kwalità fl-isptarijiet u, min-naħa l-oħra sabiex jiggarantixxi kontroll fuq l-ispejjeż u sabiex, sa fejn huwa possibbli, tiġi evitata kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani” (34). Għalhekk, nikkonkludi li l-fatt li jiġi żgurat li jkun hemm distribuzzjoni ta’ spiżeriji fit-territorju kollu għandu jitqies bħala raġuni imperattiva fl-interess ġenerali, u li l-Istat Membru ma huwiex mistenni juża s-sistema ta’ kompetizzjoni ħielsa biex jipprova jipprovdi servizzi farmaċewtiċi ta’ kwalità għolja.

3.      Jekk id-Digriet huwiex adattat biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija u jekk imurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

20.      Filwaqt li l-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, li minħabba l-fatt li jinsabu eqreb tal-kundizzjonijiet lokali u minħabba li għandhom tagħrif speċjalizzat huma l-iżjed adattati biex jidentifikaw l-aħjar mod kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-politika pubblika, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandhom jingħataw attenzjoni xierqa, il-fatt li wieħed jimxi fuq id-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ma huwiex mingħajr riskji (35). L-istess prossimità tista’ tissuġġetta lil dawn l-awtoritajiet għal “influwenza regolatorja” mill-interessi speċjali li jkunu dominanti f’dik iż-żona, u dan b’detriment għall-interessi ta’ konsumaturi u kompetituri potenzjali barranin jew lokali. Hemm raġuni speċjali għaliex wieħed għandu jinkwieta f’każ bħal dan, fejn il-politika magħżula mill-gvern lokali tħalli benefiċċji li jiġġeneraw qligħ lill-operaturi stabbiliti b’detriment għal persuni ġodda li jkunu deħlin fis-suq.

21.      Hu f’dan id-dawl li wieħed jista’ jifhem iż-żieda fl-importanza li akkwista r-rekwizit ta’ konsistenza u koerenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti, waqt li din tkun qiegħda tanalizza kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali taħdem biex tilħaq l-għanijiet iddikjarati tagħha. Ir-rekwiżit ta’ konsistenza u koerenza jeżiġi li “leġiżlazzjoni nazzjonali hija adattata sabiex tiggarantixxi l-ksib ta’ għan invokat biss jekk din b’mod ġenwin tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku” (36). Dan ir-rekwiżit jippermetti lill-Qorti biex tagħmel distinzjoni bejn leġiżlazzjoni li taħdem verament biex tilħaq għan pubbliku, u leġiżlazzjoni li oriġinarjament setgħet ukoll kienet intiża biex jintlaħaq dak l-għan iżda mbagħad ġiet influwenzata minn ċerti interessi speċjali. Wieħed jista’ jgħid li dan huwa rekwiżit li jipproteġi l-integrità tal-proċess regolatorju u leġiżlattiv u r-responsabbiltà politika xierqa. Fl-opinjoni tiegħi, rekwiżit bħal dan għandu rwol fundamentali fl-evalwazzjoni li għandha ssir f’dawn il-kawżi.

22.      Għaldaqstant, fis-sentenza Hartlauer, il-Qorti aċċettat l-argument tal-Istat li biex iżomm sistema medika li taħdem tajjeb, l-Istat jista’ jkollu bżonn jillimita n-numru ta’ prattiċi mediċi. Madanakollu, il-Qorti sabet li r-regolament ma kienx jirrifletti ġenwinament ix-xewqa li jintlaħaq dan l-objettiv u dan minħabba li l-polikliniċi indipendenti u l-prattiċi li jkunu magħmula minn gruppi ta’ nies mediċi flimkien jista’ jkollhom impatti identiċi, u l-leġiżlazzjoni kienet tapplika biss għall-polikliniċi indipendenti. Bl-istess mod, filwaqt li l-Qorti ma qajmitx il-kwistjoni li l-limitazzjonijiet fuq reklamar ta’ prodotti mediċi u kirurġiċi fit-televiżjoni jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, hija sabet li l-leġiżlazzjoni partikolari inkwistjoni fil-kawża Coporación Dermoestética ma hijiex iġġustifikata u dan peress li hi tapplika biss għal stazzjonijiet televiżivi nazzjonali iżda mhux għal dawk lokali (37). Għall-kuntrarju ta’ dan, meta l-Qorti ddikjarat bħala ġġustifikati liġijiet Ġermaniżi li jirrikjedu li s-sidien tal-ispiżeriji jkunu spiżjara u li l-isptarijiet iridu jixtru l-prodotti farmaċewtiċi minn spiżeriji lokali biss, il-Qorti ddeċidiet hekk billi bbażat ruħha essenzjalment fuq il-koerenza u l-konsistenza preżunti tad-dispożizzjonijiet (38).

23.      Il-Qorti użat l-istess metodu f’oqsma sensittivi oħra. Fil-kuntest tal-logħob tal-ażżard, pereżempju, il-Qorti sabet li ċerti limitazzjonijiet stretti fuq in-numru ta’ liċenzji awtorizzati minn Stat għal-logħob tal-ażżard setgħu jiġu ġġustifikati biss jekk dawn ikunu koerenti u konsistenti fid-dawl tal-għan iddikjarat li titnaqqas il-kriminalità u l-attività frodulenti billi l-lagħba jiġu nkoraġġuti jużaw ħwienet liċenzjati (39). Il-qorti rraġunat li jekk in-numru ta’ liċenzji li jistgħu jinħarġu jkun baxx ħafna b’tali mod li l-operaturi awtorizzati ma jipprovdux alternattiva attraenti għall-operaturi li mhumiex awtorizzati, il-leġiżlazzjoni ma tkunx tissodisfa dan ir-rekwiżit (40).

24.      Għalhekk, irridu nevalwaw kemm il-leġiżlazzjoni fil-verità tippromwovi, b’mod konsistenti u koerenti, l-għanijiet li l-Istat Membru indika biex jiġġustifika l-leġiżlazzjoni. Hemm żewġ ġustifikazzjonijiet primarji li ngħataw favur ir-restrizzjonijiet. L-ewwel nett, ġie sostnut li l-fatt li l-aċċess għas-suq jiġi ristrett jiżgura li jkunu disponibbli servizzi farmaċewtiċi ta’ kwalità fis-suq. It-tieni nett, ġie sostnut li r-restrizzjonijiet marbutin mal-popolazzjoni u l-post jiżguraw aċċess universali għall-ispiżeriji billi dawn ir-restrizzjonijiet iġiegħlu lill-ispiżeriji jinxterdu madwar it-territorju kollu. ser nindirizza dawn l-argumenti, wieħed wara l-ieħor.

a)      Il-kwalità tas-servizzi farmaċewtiċi

25.      L-ewwel argument, li ħa post prominenti fid-dibattitu fis-sentenzi reċenti Apothekerkammer des Saarlandes et u Il-Kummissjoni v L-Italja (41), li involvew rekwiżiti Ġermaniżi u Taljani li l-ispiżeriji jridu jkunu operati minn spiżjara, ma għandux rwol daqshekk dominanti fil-kawzi preżenti. Madanakollu, dan l-argument jissemma minn uħud mill-partijiet u jidher li huwa marbut mar-riskju li ż-żieda fil-kompetizzjoni bejn l-ispiżeriji tista’ twassal lill-ispiżjara biex ‘jgħawġu r-regolamenti’, biex nuża lingwaġġ tat-taħdit.

26.      B’mod preliminari, nosserva li huwa l-Istat li għandu juri li l-miżura hija adegwata u meħtieġa biex jingħata servizz ta’ kwalità aħjar (42). Apparti Shakespeare, ma jidher li hemm l-ebda bażi fl-atti tal-kawża biex wieħed jgħid li żieda fil-kompetizzjoni twassal lill-ispiżjara biex joffru servizzi ta’ kwalità inqas tajba. F’dan ir-rigward, ma nistax ma ninnutax, li hemm element ta’ inkonsistenza fir-raġunamenti li jsostnu partijiet kbar mill-motivi ta’ xi wħud mill-partijiet u tal-Istati Membri. Xi drabi, l-ispiżjara huma mpinġija bħala nies li huma essenzjalment immotivati mill-qligħ tal-flus sal-punt li kollha jagħżlu li jmorru jaħdmu biss f’żoni fejn hemm popolazzjoni kbira, u li jekk ikunu suġġetti għall-kompetizzjoni, huma lesti li jħallu l-profitt jiġi qabel l-obbligi professjonali tagħhom. Drabi oħra, fil-każijiet fejn l-ispiżjara għandhom pożizzjoni ta’ “monopolju” f’żona li għandha popolazzjoni kbira, hu preżunt li l-ispiżjara joperaw l-impriżi tagħhom b’mod li jqisu l-obbligi professjonali tagħhom l-ewwel u qabel kollox, u li l-ewwel u qabel kollox l-ispiżjara huma ddedikati biex jipprovdu servizzi farmaċewtiċi ta’ kwalità. Fl-argumenti ta’ ħafna mill-partijiet, il-kompetizzjoni tidher li tbiddel il-qaddisin f’midinbin.

27.      Madanakollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li n-natura tas-servizzi farmaċewtiċi nbidlet ħafna: fil-passat kien l-ispiżjar innifsu jew l-ispiżjara nnifisha li kien “jagħmel” jew kienet “tagħmel” il-mediċini. Illum, l-ispiżjar ibigħ mediċini li huma “magħmula” xi mkien ieħor u skont rekwiżiti ġuridiċi stretti, li jinkludu, pereżempju, rekwiżiti dwar jekk ċerta mediċina tistax tingħata mingħajr riċetta tat-tabib. Il-Qorti nnifisha rrikonoxxiet dan il-fatt billi aċċettat li jsir bejgħ ta’ mediċini li jistgħu jinbigħu mingħajr riċetta tat-tabib fuq l-internet (43). Għalhekk, jien tal-fehma li l-Istat Membru ma weriex li l-limitazzjoni fuq il-kompetizzjoni hija meħtieġa jew proporzjonali għall-għan li jiġu pprovduti servizzi farmaċewtiċi ta’ kwalità għolja.

28.      Wieħed għandu jirrikonoxxi l-fatt li fil-kawżi reċenti Apothekerkammer des Saarlandes et u Il-Kummissjoni v L-Italja, li involvew regoli nazzjonali li kienu jawtorizzaw biss lill-ispiżjara biex ikunu sidien ta’ spiżeriji, il-Qorti sostniet li l-ħtieġa li jiġi żgurat forniment adegwat ta’ prodotti mediċinali ta’ kwalità tajba għall-pubbliku, tista’ tiġġustifika l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet fuq l-aċċess għax-xiri ta’ spiżeriji (44). Madanakollu, dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw it-taħriġ professjonali, l-esperjenza u r-responsabbiltà tal-ispiżjara li, skont il-Qorti, setgħu jkollhom l-effett li l-ġirja tal-ispiżjara wara l-profitt titrażżan permezz ta’ interessi professjonali oħra (45). Barra minn hekk, il-Qorti aċċettat dik ir-restrizzjoni abbażi tal-preżunzjoni li l-ispiżjara verament kellhom indipendenza professjonali (46). Din l-indipendenza rriżultat mill-obbligi professjonali tagħhom u mill-fatt li huma ma ħadux sehem fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti mibjugħa fl-ispiżeriji tagħhom (47), u dan għenhom kemm biex jirreżistu l-pressjoni biex jinkoraġġixxu lin-nies jikkunsmaw iktar prodotti mediċinali żejda milli suppost minn dawk li ma kinux spiżjara, kif ukoll biex jiżguraw li r-restrizzjoni inkwistjoni verament serviet biex jintlaħaq l-għan tas-saħħa pubblika rilevanti.

29.      Infatti, dan ir-raġunament isaħħaħ l-argument kontra l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Asturias mad-dritt Komunitarju. Peress li l-ispiżjara fl-Asturias ser jkunu obbligati joffru servizz ta’ ċertu livell, mhux biss skont kif teżiġi l-liġi iżda wkoll skont kif jeżiġu l-obbligi professjonali tagħhom, m’hemmx wisq periklu li l-kompetizzjoni ser ġġegħilhom inaqqsu l-livell tas-servizzi tagħhom b’mod u manjiera li jmur kontra l-liġi u kontra d-dover etiku tagħhom. Li kieku kien hemm il-ħtieġa ta’ iżjed protezzjoni biex l-ispiżjara jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi professjonali tagħhom, il-Qorti fis-sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes u Il-Kummissjoni v L-Italja ma kinitx tikkonkludi li r-rekwiżit li biex tkun is-sid ta’ spiżerija trid tkun spiżjar huwa rekwiżit xieraq biex jintlaħaq l-għan li tingħata kura ta’ kwalità għolja.

b)      Garanzija ta’ distribuzzjoni ġeografika tal-ispiżeriji wiesgħa u bbilanċjata

30.      L-iżjed argument b’saħħtu li qajmu l-partijiet insostenn tad-Digriet kien dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni ġeografika tal-ispiżeriji wiesgħa u bbilanċjata. Fi kliem ieħor, biex safejn possibbli, jiġi żgurat li s-servizzi farmaċewtiċi għall-pubbliku jkunu disponibbli b’mod universali. Irridu nagħmlu distinzjoni bejn iż-żewġ kriterji wżati biex jintlaħaq dan l-għan: ir-rekwiżit marbut mal-popolazzjoni u r-rekwiżit tad-distanza minima bejn l-ispiżeriji. Dawn iż-żewġ kriterji jridu jiġu evalwati t-tnejn biex jiġi stabbilit il-fatt jekk humiex adattati biex jilħqu l-għan tad-distribuzzjoni ġeografika u jekk imorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jilħqu dan l-għan.

31.      Bħala prinċipju, rekwiżiti ta’ popolazzjoni massima jistgħu jkunu mezz xieraq li permezz tiegħu jintlaħaq l-għan li jkun hemm distribuzzjoni ta’ spiżeriji wiesgħa. Minħabba li r-regola tillimita lill-ispiżjara milli jiftħu spiżeriji f’żoni li jiġġeneraw iżjed profitt, din twassalhom biex ifittxu opportunitajiet oħra. Madanakollu, dan ma huwiex effett awtomatiku. Tant hu hekk li, li kieku l-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni iżgħar fih innifsu jiġġenera profitt, ikun probabbli li dan jibda jiġri indipendentement minn kwalunkwe restrizzjoni ġeografika. Infatti, kieku kien jiżdied b’konnessjoni diretta mal-fatt li l-ispiżeriji jkunu jistgħu jinfetħu faċilment u b’konnessjoni diretta mal-ammont ta’ kompetizzjoni għall-ishma mis-suq ta’ żoni li għandhom popolazzjoni ikbar. Minflok, li kieku, bħalma argumentaw uħud mill-partijiet, il-problema qiegħda fil-fatt li f’żoni li għandhom popolazzjoni iżgħar hemm probabbiltà żgħira li jiġi ġġenerat il-profitt, ir-riskju jkun li xorta ħadd ma jkun interessat li jiftaħ spiżerija f’żoni bħal dawn. Wara kollox, għalfejn għandu xi ħadd jiddedika ruħu jew ruħha għal attività li ġġib telf sempliċiment minħabba l-fatt li hu jew hi m’għandux jew m’għandhiex aċċess għal attività li tiġġenera profitt? Il-fatt li jiġi limitat il-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni ikbar ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ koerenza u konsistenza fil-ġirja biex jintlaħaq l-għan pubbliku ddikjarat. Is-sistema globali tagħmel sens biss meta l-politika li tirristrinġi l-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni ikbar tkun konessa mal-politika li tagħti preferenza lil dawk li kienu diġà miftuħa f’żoni li għandhom popolazzjoni iżgħar. Meta jagħti prijorità lil spiżjara li jkunu diġà stabbilixxew spiżeriji f’żoni li fihom jgħixu inqas minn 2 800 resident, id-Digriet ikun qiegħed joħloq inċentiva għall-ispiżjara biex jistabbilixxu lilhom infushom f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota u liema żoni kieku ma kienx ikollhom spiżerija, u dan billi jkollhom iżjed ċans li iżjed ’il quddiem tinħarġilhom liċenzja biex joperaw spiżerija f’żona li għandha popolazzjoni ikbar (li minħabba r-restrizzjonijiet tiġġenera iżjed profitt). Hu plawżibbli l-fatt li l-prospett li wieħed ikun intitolat biex jopera spiżerija f’żona li għandha popolazzjoni kbira f’ċirkustanzi fejn oħrajn ma jitħallewx jiftħu spiżerija li tkun tikkompeti magħha, jista’ jinkoraġġixxi lill-ispiżjara biex, għal xi żmien, jipprovdu servizz f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. Kif irrikonoxxew uħud mill-partijiet li jappoġġjaw is-sistema kurrenti waqt is-seduta, hu l-prospett ta’ kera monopolistika għall-futur f’żona li għandha popolazzjoni kbira li jwassal lill-ispiżjara biex ikunu lesti li għall-ewwel jistabbilixxu ruħhom f’żoni li għandhom popolazzjoni iżgħar. Madanakollu, dan ikun biss il-każ jekk is-servizz li jingħata f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota verament iwassal biex meta jkunu qegħdin jinħarġu l-liċenzji għall-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira, tingħata prijorità lil dawk li qegħdin jagħtu dan is-servizz.

32.      Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, hu meħtieġ li ssir eżaminazzjoni mill-qrib tal-elementi ta’ koerenza u konsistenza fid-Digriet biex jiġi żgurat li d-Digriet verament għandu dan l-għan u ma huwiex riżultat ta’ influwenza eżerċitata mill-ispiżjara li diġà stabbilixxew irwieħhom (48). Hemm żewġ elementi tad-Digriet li jagħtu lok għal tħassib. L-ewwel nett, sistema bħal din trid tiffavorixxi lil dawk li jiftħu spiżeriji f’żoni fejn m’hemmx biżżejjed servizzi, fuq dawk li sempliċiment joqogħdu jistennew li jkun hemm ċans għal ftuħ ta’ spiżerija f’żona li tiġġenera l-qligħ. Madanakollu, il-punt 7 tal-Anness jagħti prijorità ikbar lil spiżjara li mhumiex awtorizzati milli lil dawk li huma awtorizzati biex joperaw f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom tkun ta’ inqas minn 2 800 resident. Barra minn hekk, skont il-punt 4 tal-Anness, ladarba spiżjar jiftaħ spiżerija f’żona li fiha m’hemmx biżżejjed servizzi, hu jitlef il-benefiċċju tal-esperjenza professjonali li hu jkun diġà akkwista meta jipprova jiftaħ spiżerija oħra. L-impatt ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa kemxejn imnaqqas permezz tad-dispożizzjoni fil-punt 1(a) tal-Anness li tagħti iżjed punti għall-prattika li wieħed jagħmel f’żona li fiha m’hemmx biżżejjed servizzi. Madanakollu, dan iqajjem tħassib dwar il-koerenza u l-konsistenza tad-dispożizzjoni.

33.      It-tieni nett, biex ir-regolament jitqies bħala li verament qiegħed jipprova jilħaq l-għan li jkun hemm servizzi farmaċewtiċi universali, hu meħtieġ li meta d-detenturi tal-liċenzji ta’ spiżeriji li jiġġeneraw iżjed qligħ f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira jkunu jridu jieqfu joperaw l-ispiżeriji tagħhom, il-liċenzji għal spiżeriji f’żoni li fihom popolazzjoni kbira jkunu disponibbli għal dawk li jkunu pprattikaw f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. Sistema li tagħti lid-detenturi tal-liċenzji tal-ispiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira interess ta’ proprjetà f’liċenzji bħal dawn, u li tippermetti li huma jbigħu jew jittrasferixxu dawn il-liċenzji lil min iridu huma, għandha l-effett li tillimita n-numru ta’ liċenzji disponibbli għal dawk li jkunu ‘għamlu ż-żmien tagħhom’ f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. Sistema bħal din teżiġi li dawk li jridu jmorru minn spiżerija f’żona li għandha popolazzjoni żgħira għal spiżerija f’żona li għandha popolazzjoni kbira jħallsu prezz għal-liċenzja, prezz li jkun ogħla biex jieħu inkunsiderazzjoni l-profitt żejjed li tiġġenera spiżerija bħal din minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ spiżeriji li jikkompetu bejniethom (49). Sistema bħal din tkun qiegħda twaqqa’ l-istruttura li tagħti inċentiva li qed jingħad li qiegħda hemm biex issaħħaħ l-approċċ li jillimita l-istabbiliment ta’ spiżeriji biex jiġi inkoraġġut l-istabbiliment ta’ spiżeriji f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. Barra minn hekk, sistema bħal din tkun tirrappreżenta wkoll l-arrikiment ta’ spiżjara individwali abbażi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ispiżeriji; eżattament it-tip ta’ influwenza regolamentari li l-libertajiet iggarantiti mit-Trattat ġew maħluqa biex jiġġieldu kontriha. Ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ stabbiliment għandhom jiġu ġġustifikati mill-eżiġenzi tal-ġid komuni u m’għandhomx ikunu għodda li permezz tagħha xi nies isiru sinjuri.

34.      Meta ndur lejn id-domanda dwar jekk ir-rekwiżit marbut mal-popolazzjoni jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ li kieku ġie mfassal b’mod aħjar, fejn il-monopolji fil-bliet li jiġġeneraw qligħ ikunu disponibbli għall-operaturi ta’ postijiet rurali, ninnota li l-partijiet ma pproponew l-ebda skema oħra preferibbli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, iżjed milli tiffissa numru massimu ta’ spiżeriji, l-Asturias għandha tiffissa numru minimu ta’ spiżeriji għal kull persuna u twaqqaf l-istabbiliment tal-ispiżeriji ġodda kollha sakemm jintlaħaq dak il-minimu. Madanakollu, sistema bħal din toħloq problema ta’ azzjoni kollettiva. L-ebda spiżjar individwali ma jkollu inċentiv biex jiftaħ spiżerija f’żona rurali li tiġġenera inqas qligħ. Ma jidhirx li hu pjan tajjeb li wieħed jiġġenera żieda kbira fin-numru ta’ spiżeriji f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. Il-Kummissjoni tippreżenta lil Navarre bħala eżempju fejn pjan bħal dan kien implementat fuq bażi temporanja. Madanakollu, meta wieħed jinnota li l-pjan ta’ Navarre kien ġie modifikat biex jipprovdi għal numru massimu ta’ spiżeriji u li ħafna mill-komunitajiet iż-żgħar f’Navarre tilfu l-ispiżeriji tagħhom taħt dan il-pjan, ma nistax nikkonkludi li billi ma adottatx dan il-mudell, l-Asturias qabżet il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha.

35.      Ġie sostnut ukoll li mudell li hu kompletament liberalizzat ħadem tajjeb ukoll fi Stati Membri oħra (50). Madanakollu, dak kien suġġett li qanqal diżgwid kbir bejn il-partijiet u, kif diġà ntqal, kien hemm evidenza kontradittorja f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, kieku kont nargumenta li sistema li tillimita l-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’żoni li għandhom popolazzjoni ikbar biex tippromwovi l-ftuħ ta’ spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni iżgħar, tkun iġġustifikata jekk tiġi stabbilita b’mod koerenti u konsistenti. Madanakollu, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, dan ma huwiex il-każ f’sistema bħal dik li hemm fl-Asturias.

36.      Rigward ir-rekwiżit ġeografiku li l-ebda spiżerija ma tista’ tiġi stabbilita inqas minn 250 metru ’l bogħod minn spiżerija oħra, jew inqas minn 250 metru ’l bogħod minn klinika tas-saħħa pubblika, l-ewwel irrid nikkunsidra jekk dan ir-rekwiżit huwiex xieraq biex jintlaħaq l-għan tad-distribuzzjoni tal-ispiżeriji madwar it-territorju. L-ewwel nett, jidher ċar li politika bħal din tinkoraġġixxi din id-distribuzzjoni billi tiżgura li l-ispiżeriji ma jiftħux kollha f’distretti żgħar tal-kummerċ li jkunu ċentrali jew viċin taċ-ċentri tas-saħħa u jħallu żoni oħra mingħajr spiżeriji. Din il-miżura ma hijiex kompletament konsistenti għax m’hemmx rekwiżiti ta’ distanzi minimi fir-rigward ta’ żoni farmaċewtiċi li fihom spiżerija waħda biss (51). Madanakollu, din l-eċċezzjoni ma twaqqax l-adegwatezza tad-dispożizzjoni tal-liġi għax f’żoni fejn hemm spiżerija waħda biss, ma teżistix il-kwistjoni ta’ ħafna spiżeriji li jiftħu kollha fl-istess żona viċin xulxin. Barra minn hekk, hu raġonevoli li wieħed jirrikonoxxi l-fatt li f’żoni żgħar bħal dawn, iż-żona li fiha jkun hemm il-kummerċ tista’ tkun żgħira wisq biex tippermetti li l-ispiżeriji li jifħtu fiha jkunu mbiegħda minn xulxin.

37.      It-tieni ġustifikazzjoni hija li dan ir-rekwiżit iżid il-profitt li tista’ tagħmel spiżerija li tkun topera f’żona urbana, u għalhekk iżid l-inċentiv għall-ispiżjara biex jistabbilixxu l-kummerċ tagħhom f’żoni li fihom ma jkunx hemm biżżejjed servizzi biex eventwalment jiġu awtorizzati joperaw f’żona li jkollha popolazzjoni kbira. Fir-rigward ta’ dan l-għan, jidher li dan ir-rekwiżit ġie applikat b’mod konsistenti u koerenti. Il-partijiet ma ressqux evidenza ta’ eċċezzjonijiet li ngħataw reċentement li jippreġudikaw l-għan iddikjarat tar-regola.

38.      Il-kwistjoni jekk il-figura ta’ 250 metru tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan hija waħda iżjed diffiċli. Uħud mill-partijiet jargumentaw li dan in-numru ma huwiex aġġornat u ma japplikax għall-popolazzjoni numeruża li fihom ħafna żoni llum. Jista’ jkun ukoll li dan ir-rekwiżit jibbenifika ftit spiżeriji li ilhom stabbiliti u li jinsabu f’lokalità tajba b’detriment għal spiżeriji oħra li jinsabu f’żoni urbani, u għalhekk inaqqas il-profitt li jista’ jiġi ġġenerat fil-futur mill-biċċa l-kbira tal-individwi li jiddeċiedu li jqattgħu ftit taż-żmien bħala spiżjara f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tilħaqx il-kwota. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit tiddependi minn diversi kwistjonijiet, bħad-densità tal-popolazzjoni u d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni f’komunità, u ma nġibitx biżżejjed evidenza quddiem din il-Qorti biex ikun possibbli għall-Qorti li tiddeċiedi din il-kwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa din il-kwistjoni fid-dawl tal-fatt li hi għandha konoxxenza akbar taċ-ċirkustanzi eżistenti fl-Asturias, u wieħed irid iżomm f’moħħu l-ammont ta’ tfixkil fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment, in-natura tal-interess pubbliku invokat u kemm is-servizzi farmaċewtiċi jistgħu jintlaħqu minn kulħadd permezz ta’ mezzi inqas restrittivi, fid-dawl tan-numru tal-ispiżeriji u d-distribuzzjoni tagħhom fl-Asturias u d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni.

III – Konklużjoni

39.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi li sarulha kif ġej:

–        L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taħtha hija meħtieġa awtorizzazzjoni biex tiġi stabbilita spiżerija ġdida u li taħtha tingħata prijorità lil dawk li jkunu pprattikaw f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

–        L-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taħtha l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita spiżerija ġdida tkun suġġetta għal rekwiżit marbut mal-popolazzjoni bl-għan li jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta’ spiżeriji f’żoni li l-popolazzjoni tagħhom ma tkunx kbira, jekk dan l-iskop ma jippruvax jintlaħaq b’mod koerenti u konsistenti, speċjalment jekk l-istess leġiżlazzjoni ma tiffavorixxix b’mod ċar lil dawk li jiftħu spiżeriji f’żoni li fihom m’hemmx biżżejjed servizzi fuq dawk li sempliċiment jistennew opportunità f’żona li tiġġenera iżjed qligħ u tagħti dritt ta’ proprjetà fuq il-liċenzja farmaċewtika b’tali mod li titnaqqas l-effettività tal-iskema li tagħti inċentiva.

–        Rigward ir-rekwiżit li jimponi distanza minima bejn l-ispiżeriji, hija l-qorti nazzjonali li trid tiddetermina jekk id-distanza partikolari imposta hijiex iġġustifikata, meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta’ tfixkil fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment, in-natura tal-interess pubbliku invokat u kemm is-servizzi farmaċewtiċi jistgħu jintlaħqu minn kulħadd permezz ta’ mezzi inqas restrittivi, fid-dawl tan-numru ta’ spiżeriji u d-distribuzzjoni tagħhom fir-reġjun u d-distribuzzjoni u d-densità tal-popolazzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      William Shakespeare, Romeo and Juliet, il-Ħames Att, l‑Ewwel Xena [traduzzjoni libera].


3 –      Digriet 72/2001.


4 –      Anness: L‑iskala ta’ kwalifiki meħtieġa biex tingħata awtorizzazzjoni biex wieħed jopera spiżerija.


5 – Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C-448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra. p. I-2157, punt 26); tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punt 41); tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 30) u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 69).


6 – Ara, pereżempju, is-sentenza Centro Europa 7 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 52).


7 – Sentenza Centro Europa 7, punt 53.


8 – Sentenza Guimont (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23).


9 – Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Centro Europa 7 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 30.


10 – Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I-4171, punt 18) u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 22).


11 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 18) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 22).


12 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 18) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 22 u 23).


13 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 22) u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 33).


14 – Ara l-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cipolla et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5).


15 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 23); Hartlauer, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 34) u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 42).


16 – Sentenza Hartlauer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36).


17 – Sentenza Hartlauer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 39).


18 – Fuq dan il-punt, ara l-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, C‑158/04 u C‑159/04, Ġabra p. I‑8135).


19 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑140/03, Ġabra p. I‑3177).


20 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 33).


21 – Ara l-punt 7(b) tal-Anness tad-Digriet 72/2001.


22 – Ara l-punti 6 u 7(c) tal-Anness tad-Digriet 72/2001.


23 – Ara s-sentenza Gebhard (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 38). Wieħed għandu wkoll jinnota li l-vantaġġ mogħti lill-ispiżjara li jkunu diġà ħadmu fl-Asturias mhuwiex relalat mal-għan li ssir promozzjoni għall-istabbiliment ta’ spiżeriji f’żoni li m’għandhomx popolazzjoni kbira, u dan peress li dan jingħata lill-ispiżjara kollha li stabbilixxew ruħhom fl-Asturias irrispettivament minn jekk huma kkontribwixxewx għal dan l-għan billi stabbilew ruħhom f’żoni fl-Asturias stess li għandhom popolazzjoni iżgħar.


24 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 38) u tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑353/89, Ġabra p. I‑4069, punt 25).


25 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 58). Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, Ġabra p. I‑2357) u tal-14 ta’ Settembru 2000, Hocsman ( C‑238/98, Ġabra p. I‑6623).


26 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 27); Hartlauer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 46) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 46 u 47).


27 – Ara s-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 19).


28 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C‑294/00, Ġabra p. I‑6515, punt 46).


29 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 61).


30 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 122).


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 59).


32 – Nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq.


33 – Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller‑Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 73).


34 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 60 u 61).


35 – Ara s-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 19).


36 – Sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 42).


37 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, Ġabra p. I‑5785, punti 37 sa 39).


38 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 51‑57) u Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 41 sa 50).


39 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 55).


40 – Sentenza Placanica et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 55).


41 – Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑531/06, Ġabra p. I-4103).


42 – Sentenza Deutscher Apothekerverband (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 123).


43 – Sentenza Deutscher Apothekerverband (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30).


44 – Sentenzi Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 28 u 39) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 52).


45 – Sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 37 sa 39).


46 – Ibid. punti 33 sa 37.


47 – Din is-separazzjoni mill-produzzjoni u n-negozju bl-ingrossa tal-prodotti farmaċewtiċi, fl-opinjoni tiegħi u fid-dawl tal-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti, tikkostitwixxi r-raġuni fundamentali għaliex il-Qorti aċċettat ir-regoli li jistipulaw li biex tkun sid ta’ spiżerija trid bilfors tkun spiżjar. Ara l-punt 40 fejn il-Qorti kienet tal-fehma li jidher ċar li l-ispiżjara mħaddma minn manifatturi jew grossisti ta’ prodotti farmaċewtiċi m’għandhomx l-indipendenza meħtieġa. B’konsegwenza ta’ dan, hu biss fejn l-indipendenza tal-ispiżjara mill-proċess tal-manifatturar jew min-negozju bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali hija ggarantita, li regoli bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ konsistenza u koerenza imposti mid-dritt Komunitarju.


48 – Sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745); tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585); tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, Ġabra p. I‑3303); tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, Ġabra p. I‑7083); tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C-347/06, Ġabra p. I‑5641).


49 – Waqt is-seduta ġie nnotat li xi wħud mill-individwi ħallsu prezzijiet għoljin ħafna għal-liċenzji maħruġa biex ikunu jistgħu joperaw spiżeriji f’żoni li għandhom popolazzjoni kbira. Il-fatt li dawn il-liċenzji jġibu prezz għoli bħal dan juri li sistema li setgħet bdiet topera bl-intenzjoni li toħloq sistema ta’ servizzi farmaċewtiċi li hi ġeografikament bilanċjata, inbidlet f’suq li hu kompletament ekonomiku, maqtugħ mill-għanijiet oriġinali tagħha. Hu ovvju li l-liberalizzazzjoni ta’ sistema bħal din tista’ taffettwa negattivament lil dawk li ħallsu prezzijiet għoljin ħafna għal liċenzji li l-valur tagħhom ġie mgħolli artifiċjalment minħabba miżuri restrittivi li nħarġu mill-awtoritajiet tal-Asturias. Madanakollu, dejjem ġara li meta d-dritt Komunitarju ħadem biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali, ikun possibbli li din il-liberalizzazzjoni tħalli impatt negattiv fuq dawk li qabel kienu jibbenefikaw mir-restrizzjonijiet. Pereżempju, fis-sentenza Centro Europa 7 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dritt Komunitarju jeżiġi li stazzjon tax-xandir għandu jitħalla jxandar fuq il-frekwenzi allokati għalih taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-liċenzjar irrispettivament mill-impatti li dan ħalla fuq l-interessi ta’ dawk li kienu “de facto” jużaw l-istess frekwenzi (ara l-punti 40 u 108 sa 116 tas-sentenza). Il-fatt jekk, f’dawn it-tip ta’ każijiet, hemmx lok vijabbli biex dawk li investew fis-suq ifittxu lill-Istat abbażi tal-fatt li huma kellhom ċerti aspettattivi ta’ kif is-suq kien qiegħed jiġi regolat, hu mistoqsija klassika li tirrigwarda l-liġi nazzjonali, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti twieġeb.


50 – Ara l-osservazzjonijiet sottomessi f’isem Blanco Pérez, Chao Gómez u Plataforma para la libre apertura de farmacias, paġna 38 (verżjoni Spanjola); ara wkoll l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, paġni 27 u 28 (verżjoni Spanjola).


51 – Artikolu 4(2).