KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-18 ta’ Marzu 2009 ( 1 )
Kawża C-569/07
HSBC Holdings plc u Vidacos Nominees Ltd
vs
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
“Taxxi indiretti — Ġbir ta’ kapital — Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1.5% fuq it-trasferiment jew il-ħruġ tal-azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (‘clearance service’)”
1. |
Is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (“clearance services”) iwettqu funzjoni li tista’ tiġi ddefinita bħala ta’ ħarsien ta’ azzjonijiet. B’mod partikolari, dawn is-servizzi jniżżlu f’reġistri speċifiċi l-proprjetà u t-trasferimenti tal-azzjonijiet li, materjalment, jibqgħu madankollu dejjem f’idejn is-servizzi. Fi kliem ieħor, is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jippermettu li l-bejgħ u x-xiri tal-azzjonijiet ikunu iktar sempliċi, mgħaġġla u siguri. |
2. |
Is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet huma mifruxa ferm fl-Ewropa kontinentali, iżda mhux fir-Renju Unit, fejn il-metodi biex jiġu ttrasferiti l-azzjonijiet huma tradizzjonalment differenti. B’hekk, għal ċerti tranżazzjonijiet li jsiru permezz ta’ servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, dan l-Istat Membru juża sistema ta’ taxxa differenti minn dik tal-iskambji tal-azzjonijiet li jsiru b’metodi normali li jintużaw fit-territorju tiegħu. Din il-kawża, li bdiet permezz ta’ talba għal domanda preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Special Commissioners ta’ Londra, tipprovdi l-okkażjoni biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ dawn il-metodi ta’ tassazzjoni. |
3. |
B’mod iktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 69/335 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali. |
I — Il-kuntest ġuridiku
A — Id-dritt Komunitarju
4. |
Id-Direttiva 69/335 ( 2 ) (iktar ’il quddiem: id-“direttiva”), li hija t-test prinċipali tad-dritt derivat rilevanti fil-kawża inkwistjoni, ġiet emendata b’mod sinjifikanti matul iż-żmien. |
5. |
L-għanijiet tad-direttiva huma spjegati sew fil-premessi tagħha, b’mod partikolari fl-ewwel u fit-tieni premessi, li jipprovdu dan li ġej: “Billi l-objettiv tat-Trattat hu li joħloq unjoni ekonomika li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku u billi wieħed mill-kundizzjonijiet essenzjali sabiex jinkiseb dan hija l-promozzjoni tal-moviment ħieles tal-kapital; Billi t-taxxi ndiretti fuq il-ġbir tal-kapital, fis-seħħ fl-Istati Membri fil-preżent, jiġifieri d-dazju li għandu jitħallas fuq il-kontribuzzjoni tal-kapital lil kumpanniji u ditti u l-ħlas tal-bolla fuq titoli, jagħtu lok għal diskriminazzjoni, taxxa doppja u d-diversitajiet li jfixklu l-moviment ħieles tal-kapital u li, konsegwentement, għandhom jiġu eliminati b’armonizzazzjoni”. |
6. |
Fir-rapport li, fl-14 ta’ Diċembru 1964, kien anness mal-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill u li kellha ssir id-Direttiva 69/335 ( 3 ), il-Kummissjoni osservat li l-abolizzjoni sħiħa kemm tad-dazju fuq il-kapital kif ukoll tat-taxxi tal-boll kellha tkun l-aħjar soluzzjoni biex jitwettaq suq liberu tal-kapital. Madankollu, minħabba l-oppożizzjoni mistennija tal-Istati Membri kontra miżura daqshekk drastika, l-għażla tal-Kummissjoni kienet li tneħħi t-taxxi tal-boll u tħalli dazju fuq il-kapital, madankollu armonizzat f’livell Komunitarju. |
7. |
Barra minn hekk, matul iż-żmien, numru ta’ emendi li saru fid-direttiva neħħew l-obbligu li kien inizjalment ipprovdut li l-kontribuzzjonijiet jiġu intaxxati abbażi ta’ rata armonizzata: l-attwali Artikolu 7 tad-direttiva, b’mod partikolari, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata massima ta’ 1% jew, sempliċement, li ma japplikawx iktar id-dazju fuq il-kapital. B’mod partikolari, ir-Renju Unit abolixxa d-dazju fuq il-kapital fl-1988. |
8. |
Id-direttiva tidentifika t-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu intaxxati bid-dazju fuq il-kapital fl-Artikolu 4, fejn, fost oħrajn, issemmi “(ċ) żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”. |
9. |
Minbarra li tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-metodi ta’ kalkolu u ta’ ġbir tad-dazju fuq il-kapital, id-direttiva tinkludi wkoll numru ta’ projbizzjonijiet, li għandhom l-għan li jevitaw kemm dazju fuq il-kapital doppju, kif ukoll l-applikazzjoni tat-taxxi tal-boll. B’mod partikolari, l-Artikoli 10 u 11 jipprovdu dan li ġej: “Artikolu 10 Barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:
[…] Artikolu 11 L-Istati Membri m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ tassazzjoni:
[…]”. |
10. |
Minkejja l-projbizzjonijiet li għadni kemm fakkart, l-Artikolu 12 jippermetti li l-Istati Membri jiġbru ċerti dazji speċifiċi, billi jipprovdi dan li ġej: “Artikolu 12 1. Minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri Mejju jistgħu jimponu: [1. Minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri jistgħu jimponu:]
[…]”. |
B — Id-dritt nazzjonali
11. |
Il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni u li tinsab fil-Finance Act 1986. Fit-tifsira tal-Artikolu 87 tagħha, it-trasferimenti tal-azzjonijiet huma suġġetti għal “Stamp Duty Reserve Tax” (iktar ’il quddiem: “SDRT”) ta’ 0.5%, li tkun dovuta għal kull trasferiment li jsir. |
12. |
Madankollu, fit-tifsira tal-Artikolu 96 tal-istess liġi, l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jinvolvi l-ħlas ta’ SDRT b’rata ta’ 1.5%. Bil-kontra, it-trasferimenti sussegwenti tal-azzjonijiet, sakemm dawn isiru fl-ambitu tal-istess servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. |
13. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 97A tal-Finance Act 1986 jipprovdi li servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jista’ jeżerċita “għażla” (“election”), billi jikkonkludi ftehim mal-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit. L-eżerċizzju tal-għażla jinvolvi, b’mod partikolari, il-bidla minn ħlas ta’ darba ta’ SDRT ta’ 1.5% għall-ħlas ta’ SDRT skont ir-rata normali ta’ 0.5%. Naturalment, f’dan il-każ id-dazju jkun dovut għal kull darba li jsir trasferiment tal-azzjonijiet. Sabiex jeżerċita l-għażla, servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet huwa obbligat li jkollu fergħa jew aġenzija fir-Renju Unit, inkella, għandu jinnomina “rappreżentant fiskali” tiegħu fir-Renju Unit. Is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet irid ukoll ikun konformi ma’ numru ta’ preskrizzjonijiet tekniċi rigward il-metodi tal-kalkolu, għall-ġbir u għall-kontabbiltà tal-SDRT. |
II — Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari
14. |
Il-bank HSBC huwa kumpannija b’responsabbiltà limitata bl-uffiċċju tiegħu rreġistrat f’Londra. F’Ġunju 2000, l-HSBC għamlet offerta pubblika biex tixtri l-azzjonijiet kollha tal-bank Franċiż Crédit Commercial de France (iktar ’il quddiem: “CCF”), li l-azzjonijiet tiegħu kienu kkwotati fil-Borża ta’ Pariġi. Fl-offerta tagħha HSBC ipproponiet lill-azzjonisti tas-CCF, li għall-azzjonijiet tagħhom hija kienet tħallashom jew bi flus kontanti jew b’azzjonijiet tal-HSBC. Sabiex tagħmel din it-tieni possibbiltà iktar attraenti għall-azzjonisti attivi fuq is-suq Franċiż, l-HSBC iddeċidiet li tagħmel l-azzjonijiet tagħha negozjabbli fil-Borża ta’ Pariġi. |
15. |
Meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, sabiex kumpannija setgħet tkun ikkwotata fil-Borża ta’ Pariġi hija kellha tagħmel użu mis-SICOVAM, servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. B’hekk, l-azzjonisti tas-CCF li kellhom l-intenzjoni li jaċċettaw l-offerta pubblika ta’ xiri ta’ HSBC setgħu jagħżlu li jirċievu l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar direttament permezz tas-SICOVAM: b’dan il-mod, dawn l-azzjonijiet setgħu sussegwentement jinbiegħu fil-Borża ta’ Pariġi. |
16. |
Fil-fatt, l-azzjonijiet tal-HSBC li permezz tas-SICOVAM ġew skambjati għall-azzjonijiet ta’ CCF ġew fdati direttament mhux lis-SICOVAM, iżda lir-rappreżentant tagħha għar-Renju Unit, il-Vidacos. Din il-kumpannija hija wkoll membru tas-sistema CREST ( 4 ): madankollu, peress li f’dan il-każ hija mxiet bħala rappreżentanta tas-SICOVAM, l-azzjonijiet tal-HSBC ittrasferiti permezz tal-Vidacos (u s-SICOVAM) ġew intaxxati, skont l-Artikolu 96 tal-Finance Act 1986, b’rata ta’ 1.5%. |
17. |
Sabiex jagħmel l-offerta pubblika ta’ xiri iktar attraenti għall-azzjonisti tas- CCF, l-HSBC impenjat ruħha li tħallas id-dazju (SDRT) ta’ 1.5% għall-azzjonisti tas-CCF jekk dawn jagħżlu li jirċievu l-azzjonijiet tal-HSBC permezz tas-SICOVAM. Dan jikkorrispondi għal prattika ferm mifruxa, anki jekk, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu tal-ħlas tad-dazju teknikament jaqa’ fuq is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. |
18. |
B’hekk, f’Lulju 2000, l-HSBC ħallset lill-awtoritajiet fiskali Ingliżi iktar minn GBP 27 miljun, bħala ħlas tas-SDRT abbażi tar-rata ta’ 1.5%. |
19. |
Sussegwentement, is-SDRT ta’ 1.5% tħallset ukoll għall-azzjonijiet tal-HSBC miksuba mill-azzjonisti li kellhom azzjonijiet permezz ta’ SICOVAM li kienu ddeċidew li jirċievu d-dividendi tagħhom f’azzjonijiet. |
20. |
Madankollu, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2002, l-HSBC talbet lill-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit ir-restituzzjoni tad-dazju mħallas. Id-deċiżjoni negattiva tal-awtoritajiet fiskali sussegwentement ġiet ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju li, peress li kellha xi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-SDRT mad-dritt Komunitarju, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE tal-10 ta’ Ġunju 1985, jew l-Artikolu 43, l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 56 tat-Trattat KE jew xi dispożizzjoni oħra tal-liġi Komunitarja jipprojbixxu l-intaxxar minn Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“ewwel Stat Membru”) ta’ dazju fuq it-trasferiment jew il-ħruġ ta’ azzjonijiet għal servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (“clearance service”) ta’ 1.5% meta:
|
III — Fuq id-domanda preliminari
A — Premessa
21. |
Il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tas-SDRT ta’ 1.5% għandha tiġi evalwata, kif mill-bqija tgħid l-istess qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, minn żewġ perspettivi. Minn naħa, fil-fatt, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din it-taxxa hijiex permessa fid-dawl tad-Direttiva 69/335, u b’mod partikolari tal-Artikoli 10 u 11 tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk it-taxxa inkwistjoni hijiex skont il-libertajiet fundamentali pprovduti mit-Trattat rigward l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi u l-moviment tal-kapitali. Għal finijiet ta’ kjarezza, ser neżamina ż-żewġ perspettivi tal-problema b’mod separat. |
22. |
Madankollu, l-ewwel nett jidhirli li għandu jiġi enfasizzat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-dazju inkwistjoni mhuwiex dazju fuq il-kapital skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335. Id-dazju kapitali, kif rajna iktar ’il fuq, ġie abolit fir-Renju Unit fl-1988. |
23. |
Barra minn hekk, kif ġie wkoll ikkonfermat waqt is-seduta, wieħed għandu jqis li l-azzjonijiet tal-HSBC li ġew introdotti fis-SICOVAM biex jiġu ttrasferiti bħala ħlas tal-prezz tal-azzjonijiet tas-CCF huma azzjonijiet ġodda, li jikkorrispondu għal żieda fil-kapital. |
B — Fuq il-kompatibbiltà mad-Direttiva 69/335
24. |
L-artikoli tad-Direttiva 69/335 li jistgħu jippreżentaw problemi għad-dazju inkwistjoni huma l-Artikoli 10 u 11. Dawn id-dispożizzjonijiet, li baqgħu l-istess meta pparagunati mal-ewwel verżjoni tad-direttiva, tfasslu prinċipalment sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu taxxi tal-boll minbarra d-dazju fuq il-kapital, jew li jolqtu lill-kontribuzzjonijiet b’tassazzjoni doppja. |
25. |
B’mod partikolari, l-Artikolu 10 jipprovdi li d-dazju fuq il-kapital biss, bl-esklużjoni ta’ kull dazju ieħor, jista’ jiġi impost fuq it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-direttiva, fost oħrajn, kif diġà rajna, “żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”. |
26. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, ma jista’ jiġi impost l-ebda dazju (u għalhekk lanqas id-dazju fuq il-kapital) fuq ċerti tranżazzjonijiet, fosthom, “il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks”. |
27. |
B’hekk, pereżempju, fil-każ tal-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda, il-ħruġ bħala tali ma jistax jintlaqat minn dazju skont l-Artikolu 11, filwaqt li s-somom imħallsa bħala korrispettiv għall-azzjonijiet, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet, jistgħu jiġu intaxxati bid-dazju fuq il-kapital, jekk ikun ipprovdut mill-Istat Membru kkonċernat (Artikolu 4), iżda mhux b’dazji oħrajn (Artikolu 10). |
28. |
Min-naħa l-oħra, madankollu, l-Artikolu 12 jistabbilixxi li “[m]inkejja l-Artikoli 10 u 11”, l-Istati Membri jistgħu jimponu, fost l-oħrajn, “dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli” ( 5 ). |
29. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju identifikat kunflitt possibbli tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kemm mal-Artikolu 10 kif ukoll mal-Artikolu 11 tad-direttiva. Madankollu, jidhirli li, minkejja li ż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti, ikun iktar korrett jekk issir referenza għall-Artikolu 11, peress li, minħabba l-mod li bih tfasslet, is-SDRT hija marbuta mhux ma’ tranżazzjoni ta’ kontribuzzjoni iżda, b’mod iktar ġenerali, ma’ tranżazzjonijiet li jappartjenu għall-grupp identifikat fl-Artikolu 11(a) (f’dan il-każ, kif se naraw iktar ’il quddiem, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ azzjonijiet). Mill-bqija, s-SDRT tiġi applikata irrispettivament mill-fatt li l-azzjonijiet li hija tolqot ikunux għadhom kemm inħarġu jew le. |
30. |
Il-Gvern tar-Renju Unit, li dwar dan l-aspett speċifiku kiseb ukoll l-appoġġ tal-Kummissjoni, iqis li s-SDRT ta’ 1.5% tista’ tkun iġġustifikata bħala dazju li jolqot, fil-fatt, it-trasferimenti tal-azzjonijiet, skont l-Artikolu 12 tad-direttiva: għaldaqstant fuq il-bażi tal-istess dispożizzjoni s-SDRT ta’ 0.5% tkun tista’ tiġi awtorizzata fuq it-trasferimenti li jsiru mingħajr ma jgħaddu minn servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. |
31. |
Id-differenzi bejn is-SDRT ta’ 1.5% u dik ta’ 0.5% madankollu huma konsiderevoli. Iktar milli r-rata differenti, dak li jiddifferenzjahom huwa l-fatt li, filwaqt li s-SDRT ta’ 0.5% tinġabar fuq kull trasferiment ta’ titoli, dik ta’ 1.5% hija dovuta meta t-titolu jiġi introdott fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, filwaqt li t-trasferimenti sussegwenti tal-proprjetà tal-azzjonijiet, sakemm dawn jibqgħu fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, huma eżentati mid-dazji. |
32. |
Sabiex is-SDRT ta’ 1.5% terġa’ tinġieb skont il-mudell ta’ “dazju fuq it-trasferiment” skont l-Artikolu 12 tad-direttiva, ir-Renju Unit qed isostni li s-SDRT ta’ 1.5% hija dazju fuq it-trasferimenti f’forma ta’ “biljett staġjonali” (“season ticket”). Peress li jkun pjuttost diffiċli għall-awtoritajiet fiskali Ingliżi biex isegwu t-trasferimenti tat-titoli ladarba dawn jiġu introdotti f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, dazju b’rata waħda uniformi ta’ 1.5%, ikkalkulat abbażi tan-numru teoretiku ta’ tliet trasferimenti ta’ titoli fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, ikun kompromess adegwat. Fi kliem ieħor, is-SDRT ta’ 1.5% tkun sempliċement taxxa li tinġabar bil-quddiem fuq it-trasferimenti futuri tal-azzjonijiet. Min-naħa l-oħra, skont ir-Renju Unit, is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet għandhom dejjem il-possibbiltà li jagħmlu użu mill-għażla pprovduta mill-Artikolu 97A tal-Finance Act, li tagħmel applikabbli l-mekkaniżmu “normali” tas-SDRT ta’ 0.5% dovuta fuq kull tranżazzjoni. |
33. |
Ma naħsibx li l-pożizzjoni tar-Renju Unit hija waħda aċċettabli, għar-raġunijiet li ġejjin. |
34. |
Fl-ewwel lok, is-SDRT ta’ 1.5% għandha titħallas minn persuna waħda, li, fil-prattika, tkun dik il-persuna li toħroġ u/jew tittrasferixxi l-azzjonijiet, anki jekk teknikament il-persuna taxxabbli hija s-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet stess. Fil-każ inkwistjoni, għalhekk, id-dazju tħallas kollu mill-HSBC. Min-naħa l-oħra, fis-sistema “normali” tas-SDRT, id-dazju jitħallas, għal kull trasferiment tat-titoli, minn persuna differenti, jiġifieri mill-persuna li ta’ kull darba tkun qed tbigħ l-azzjonijiet. Fi kliem ieħor, fil-każ li xi azzjonijiet jiġu introdotti f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, trid tkun persuna waħda li tħallas (b’rata ta’ 1.5%) dazju waqt li, fis-sistema “normali” dan jinqasam bejn diversi persuni, b’kull waħda tħallas 0.5%. |
35. |
Fit-tieni lok, is-SDRT “speċjali” ta’ 1.5% li tkun dovuta meta t-titoli jiġu introdotti fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet tiġi kkalkolata u għalhekk imħallsa skont il-valur li jkollhom l-istess titoli meta jiġu introdotti fis-sistema. Dan anki jekk, pereżempju, it-titoli jiġu sussegwentement ittrasferiti, filwaqt li jibqgħu fi ħdan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, b’valur ogħla jew inqas. Min-naħa l-oħra huwa evidenti li, fil-każ tas-SDRT miġbura fuq kull tranżazzjoni individwali, id-dazju jiġi kkalkulat abbażi tal-valur li jkollu t-titolu meta jiġi ttrasferit. |
36. |
Fit-tielet lok, mhuwiex ċar għal-liema raġuni r-rata tas-SDRT dovuta meta l-azzjonijiet jiġu introdotti fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet għandha tkun ta’ 1.5%, jiġifieri t-triplu tar-rata dovuta fis-sistema “normali”, għal kull trasferiment ta’ titoli. Ir-Renju Unit qed isostni li r-rata ġiet iddeterminata billi ġiet ipotizzata medja ta’ tliet trasferimenti ta’ titoli li jsiru ladarba l-azzjonijiet ikunu ġew introdotti fi ħdan servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. Madankollu, ma ġiex indikat fuq il-bażi ta’ liema fatturi sar il-kalkolu, u għal liema raġuni b’hekk deher li rata ta’ 1.5% kienet iktar xierqa minn waħda, ngħidu aħna, ta’ 1% jew ta’ 2%. Dan iktar u iktar għaliex, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, iktar minn 40% tal-azzjonijiet tal-HSBC introdotti fis-SICOVAM ġew irtirati minn dan is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet fi żmien ġimagħtejn sabiex jinbigħu fil-Borża ta’ Londra, bl-applikazzjoni konsegwenti tas-SDRT ta’ 0.5% fuq kull tranżazzjoni. Fi kliem ieħor, id-determinazzjoni tas-SDRT ta’ 1.5% tidher, sa ċertu punt, pjuttost arbitrarja ( 6 ). |
37. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat ukoll li, jekk it-trasferimenti tat-titoli li saru wara l-ewwel trasferiment kellhom isiru barra mir-Renju Unit, li huwa possibbli meta jitqies li l-istess titoli ġew introdotti f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet probabbilment biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tagħhom barra mill-pajjiż, is-SDRT ta’ 1.5% tkun il-ħlas bil-quddiem tad-dazji fuq it-trasferimenti li fir-rigward tagħhom il-ġurisdizzjoni fiskali tar-Renju Unit bl-ebda mod mhi ċerta. |
38. |
Dawn l-osservazzjonijiet jidhirli li diġà huma suffiċjenti biex jeskludu l-interpretazzjoni tas-SDRT ta’ 1.5% bħala “ħlas bil-quddiem” tad-dazju fuq it-trasferimenti futuri tat-titoli. Fil-fatt, irrispettivament mill-kwistjoni tar-rata tad-dazju, jibqa’ l-fatt li mhuwiex possibbli li l-ħlas ta’ somma kkalkulata fuq bażi taxxabbli differenti u, fuq kollox, dovuta minn persuna taxxabbli differenti jitqies bħala ħlas bil-quddiem ta’ taxxa. Huwa wkoll magħruf li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni ta’ taxxa skont id-dritt Komunitarju għandha ssir abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-istess taxxa, indipendentement mill-mod li bih tiġi ddefinita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 7 ). |
39. |
F’kull każ, jekk l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet fi ħdan servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet tkun l-ewwel tranżazzjoni li saret fuq l-azzjonijiet wara li dawn ikunu nħarġu, bħal f’dan il-każ, għandu jiġu osservat li, biex jiġi applikat dazju ġustifikat fit-tifsira tal-Artikolu 12 tad-direttiva, u tkun evitata l-projbizzjoni li tissemma fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jeħtieġ li mill-aspett ġuridiku l-ħruġ tat-titoli (mhux taxxabbli skont l-Artikolu 11 tad-direttiva) u l-ewwel trasferiment tagħhom jitqiesu bħala separati. Dan l-ewwel trasferiment, li hawnhekk huwa l-introduzzjoni fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, jista’ għalhekk ikun taxxabbli abbażi tal-Artikolu 12 tad-direttiva. |
40. |
Għandu jingħad li, għalkemm din is-separazzjoni tal-ħruġ mill-ewwel trasferiment tal-azzjonijiet tista’ tkun kunċettwalment possibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espliċitament din il-possibbiltà fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004. Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 8 ). B’mod partikolari, fil-punt 33 ta’ din id-deċiżjoni ġie sostnut li “l-effett utli tal-Artikolu 11(a) tad-Direttiva 69/335 b’hekk jimplika li l-“ħruġ”, fit-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinkludi l-ewwel xiri tat-titoli li sar fil-qafas tal-ħruġ tagħhom”. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu ( 9 ), u kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 32 tas-sentenza, “l-awtorizzazzjoni għall-ġbir ta’ dazju jew ta’ taxxa fuq l-ewwel xiri ta’ titolu li għadu kemm inħareġ fil-verità jissarraf f’tassazzjoni fuq il-ħruġ stess ta’ dan it-titolu, peress li dan huwa parti integrali minn tranżazzjoni globali marbuta mal-ġbir tal-kapitali. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ titoli mhux għan fih innifsu iżda jkollu sens biss meta dawn it-titoli jsibu xerrej”. |
41. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll b’mod ċar il-ħtieġa li l-Artikolu 12 tad-direttiva, peress li huwa dispożizzjoni li tipprovdi eċċezzjoni, jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 10 ), kif ukoll in-natura eżawrjenti tal-eċċezzjonijiet li jipprovdi dan l-artikolu ( 11 ). |
42. |
B’hekk inqis li s-SDRT ta’ 1.5%, meta tolqot l-ewwel tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-azzjonijiet li jkunu għadhom kemm inħarġu, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dazju fuq it-trasferimenti skont l-Artikolu 12 tad-direttiva, u li għaldaqstant hija dazju fuq il-ħruġ tal-azzjonijiet li huwa pprojbit mill-Artikolu 11 tad-direttiva. |
43. |
F’dan il-kuntest lanqas ma nqis li hu neċessarju li nittrattaw in-natura tal-Artikolu 12 tad-direttiva bħala dispożizzjoni li tipprovdi deroga jew inkella, li tipprovdi restrizzjoni fir-rigward tal-każijiet ipprovduti fl-Artikoli 10 u 11 tad-direttiva: dan l-aspett, għalkemm huwa interessanti u li forsi jeħtieġ li jiġi ċċarat iktar, hawnhekk mhuwiex relevanti ( 12 ). |
44. |
Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument, li r-Renju Unit jidher li qed jippreżenta sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li f’dan il-każ għandha tapplika l-ġurisprudenza derivanti mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, jiġifieri li s-SDRT ta’ 1.5% għandha titqies bħala ħlas bil-quddiem tad-dazju fuq it-trasfserimenti futuri sussegwenti għall-ewwel introduzzjoni tal-azzjonijiet fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. Minn naħa, fil-fatt, din l-interpretazzjoni tidher għal kollox artifiċjali, peress li jidher biċ-ċar li d-dazju jinġabar b’rabta mal-introduzzjoni tal-azzjonijiet fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni ta’ dan it-tip tenfasizza iktar il-problemi li semmejt iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, twassal għaldaqstant biex jitħallas dazju kkalkulat abbażi ta’ tliet tranżazzjonijiet teoretiċi lil persuna li, f’dan il-punt, lanqas tkun iktar midħla tal-ewwel tranżazzjoni minn dawn it-tlieta. |
45. |
Barra minn hekk, jekk l-azzjonijiet introdotti fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet ma jkunux għadhom kemm inħarġu, il-ġustifikazzjoni tas-SDRT ta’ 1.5% abbażi tal-Artikolu 12 tad-direttiva naħseb li diffiċilment tista’ tkun aċċettata. Fil-fatt, indipendentement mill-projbizzjoni li jiġi intaxxat l-ewwel trasferiment tal-azzjonijiet wara li jinħarġu, projbizzjoni li f’dan il-każ ma tkunx applikabbli, xorta jibqgħu validi l-oġġezzjonijiet li għamilt iktar ’il fuq dwar id-diffikultà li jiġi aċċettat l-approċċ tal-“biljett staġjonali”. Anki f’dan il-każ, fil-fatt, tkun persuna waħda li tintalab tħallas dazju li, bħala prinċipju (jiġifieri fis-sistema “normali”), għandu jitħallas minn persuni oħrajn, u li mingħandhom l-ewwel persuna ma għandha l-ebda possibbiltà li tikseb kumpens. Barra minn hekk, anki f’dan il-każ id-dazju jiġi kkalkulat abbażi ta’ valur tal-azzjonijiet li jista’ jkun ferm differenti mill-valur effettiv li l-azzjonijiet ikollhom sussegwentement, fil-mument meta normalment ikun dovut id-dazju. Fi kliem ieħor, anki hawnhekk inqis li huwa impossibbli li tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tad-dazju bħala ħlas bil-quddiem tat-taxxa, ikkalkulat bħala rata waħda uniformi, li għandu jitħallas fuq it-trasferimenti futuri. |
46. |
L-unika differenza mill-każ tal-azzjonijiet li għadhom kemm inħarġu tinsab fil-fatt li, fil-każ ta’ azzjonijiet diġà eżistenti, fis-sistema tas-SDRT “normali” ikun dovut dazju ta’ 0.5%. Madankollu, kif diġà rajna, meta l-azzjonijiet jinħarġu għall-ewwel darba, is-SDRT “normali” ma mhijiex dovuta: b’hekk, fil-każ ta’ azzjonijiet diġà eżistenti, id-dazju addizzjonali effettivament ikun ta’ 1% u mhux ta’ 1.5%. |
47. |
Fir-rigward tat-trasferiment tal-azzjonijiet diġà eżistenti, l-unika dubju li wieħed jista’ jkollu jikkonċerna l-applikabbiltà għal din it-tranżazzjoni, bħala prinċipju, tal-projbizzjoni mit-tassazzjoni skont l-Artikolu 11 tad-direttiva, fil-parti fejn jistabbilixxi li huwa pprojbit li jiġu intaxxati “il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks”. Madankollu, naħseb li fil-ġurisprudena tal-Qorti tal-Ġustizzja nistgħu nsibu indikazzjoni ċara li tgħid dan ( 13 ). |
48. |
Għaldaqstant, bħala konklużjoni għal din il-parti tal-evalwazzjoni tiegħi, inqis li l-mekkaniżmu tas-SDRT ta’ 1.5% ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-Direttiva 69/335. Dan japplika b’mod partikolari għall-każ fejn l-introduzzjoni tal-azzjonijiet fis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet isir immedjatament wara li jinħarġu, kif ġara f’dan il-każ; madankollu, kif rajna iktar ’il fuq, inqis li r-raġunament bażiku huwa applikabbli anki fil-każ li jiġu ttrasferiti l-azzjonijiet diġà eżistenti. Fil-fatt, bl-ebda mod mhu possibbli li s-SDRT ta’ 1.5% titqies bħala ħlas bil-quddiem tad-dazju fuq it-trasferimenti futuri skont l-Artikolu 12 tad-direttiva. |
49. |
Il-kunsiderazzjonijiet li saru s’issa huma suffiċjenti biex tingħata risposta għad-domandi li għamlet il-qorti tar-rinviju. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, b’mod partikolari f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni li tajt tad-direttiva, ser neżamina fil-qosor id-domanda fid-dawl tad-dritt primarju. |
C — Fuq il-kompatibbiltà mal-libertajiet fundamentali
50. |
Jeħtieġ li issa jiġi evalwat jekk dazju fuq it-trasferimenti tal-azzjonijiet, li bħala prinċipju huwa permess mill-Artikolu 12 tad-direttiva, jistax jinġabar legalment b’modi differenti, kif isir fil-każ tas-SDRT, skont jekk it-trasferiment iseħħx għal servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jew le ( 14 ). B’mod partikolari, wieħed jeħtieġ jistaqsi jekk id-differenza oġġettiva li tikkaratterizza tranżazzjoni “ordinarja” u tranżazzjoni għal servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet hijiex tali li tiġġustifika d-differenzi previsti mis-sistema tar-Renju Unit, bħall-ħlas ta’ darba (one-shot) ta’ rata ogħla u l-ħlas tat-taxxa sħiħa minn persuna waħda. Fl-aħħar nett, irridu nivverifikaw jekk, f’kull każ, il-possibbiltà rikonoxxuta lis-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet li jagħżlu l-Artikolu 97A tal-Finance Act 1986 tkunx xorta waħda suffiċjenti biex jitneħħew dubbji eventwali ta’ kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. |
1. Fuq il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat
51. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-partijiet ikkunsidraw il-problemi possibbli tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma’ tliet dispożizzjonijiet differenti tad-dritt primarju: jiġifieri, b’mod speċifiku, l-Artikolu 43 KE, li jistabbilixxi l-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 49 KE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital. |
52. |
Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, l-HSBC qed issostni li l-offerta pubblika ta’ xiri għall-azzjonijiet tas-CCF kienet tirrappreżenta t-twettiq b’mod konkret min-naħa tal-HSBC tar-rieda li tinħoloq sede stabbli fi Franza: b’hekk, l-applikazzjoni tas-SDRT ta’ 1.5% tikkostitwixxi limitu għal dan id-dritt fundamentali. |
53. |
Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, però, dak li qed ikun inġustifikatament limitat mil-leġiżlazzjoni tat-taxxa Britannika huwa d-dritt tas-SICOVAM li tipprovdi s-servizzi tagħha fit-territorju tar-Renju Unit. |
54. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, l-HSBC issostni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat qed jinkisru mid-dispożizzjonijiet tat-taxxa Brittaniċi peress li dawn tal-aħħar qed jillimitaw l-aċċess għall-Borża ta’ Pariġi, u minħabba f’hekk kien meħtieġ li jsir użu mis-SICOVAM. |
55. |
Qabel kollox, fil-fehma tiegħi, nosserva li d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi hawnhekk mhumiex rilevanti. Kif diġà ġie osservat iktar ’il fuq, għandu jitqies il-fatt li effettivament is-SDRT ta’ 1.5% titħallas mhux mis-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, li teknikament huwa wkoll il-persuna taxxabbli, iżda minn min jintroduċi l-azzjonijiet fis-servizz innifsu (f’dan il-każ l-HSBC). B’hekk, fil-prattika, it-taxxa inkwistjoni tolqot biss b’mod għal kollox indirett l-interessi ta’ min jipprovdi s-servizzi, jiġifieri s-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li s-SICOVAM kellha punt ta’ referenza stabbli fit-territorju tar-Renju Unit, jiġifieri l-Vidacos, donnu qed jorbot is-sitwazzjoni li għandha tagħti deċiżjoni dwarha l-qorti nazzjonali, iktar mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi milli mal-libertà ta’ stabbiliment ( 15 ). Barra minn hekk jista’ jiġi osservat ukoll li l-ewwel premessa stess tad-Direttiva 69/335 tirreferi espliċitament, minn fost il-libertaijiet fundamentali, għall-moviment liberu tal-kapital biss. |
56. |
B’hekk, inqis li l-eżami tas-SDRT fid-dawl tad-dritt primarju għandu jsir b’referenza biss għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali maż-żewġ libertajiet imsemmija ( 16 ). |
57. |
Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, ix-xiri ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija li jkollha l-uffiċċju tagħha rreġistat fi Stat Membru ieħor, biex b’hekk ix-xerrejja jiġu ggarantiti influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet u fuq it-tmexxija tal-kumpannija, jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-libertà ta’ stabbiliment ( 17 ). F’dan il-każ, madankollu, ir-restrizzjoni eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment tkun konsegwenza diretta tal-ostakoli kontra l-moviment liberu tal-kapital. B’hekk, qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-aspett tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital: f’każ li jiġi kkonstatat li jkun hemm nuqqas ta’ kompatibbiltà ma’ din l-aħħar libertà fundamentali lanqas ma jkun hemm għalfejn li jitqies l-aspett marbut mal-libertà ta’ stabbiliment ( 18 ). |
58. |
Ma hemmx dubji dwar il-fatt li t-tranżazzjonijiet finanzjarji li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jaqgħu, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital. Kif inhu magħruf, it-Trattat ma jiddefinixxix il-movimenti tal-kapital, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss użat, bħala indikazzjoni, in-Nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361 ( 19 ), li fiha bla dubju jidħlu l-attivitajiet marbuta mal-bejgħ u max-xiri tal-azzjonijiet. |
59. |
Jidher li ma jistax jiġi miċħud li l-leġiżlazzjoni Britannika inkwistjoni, u b’mod speċifiku l-applikazzjoni ta’ SDRT ta’ 1.5% meta jiġu introdotti azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, hija restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li, bħala prinċipju, taqa’ taħt il-projbizzjoni li tissemma fl-Artikolu 56 KE. |
60. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol f’kunflitt mal-Artikolu 56 KE, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk din tkunx diskriminatorja sempliċement għaliex tostakola investimenti minn Stati Membri oħrajn ( 20 ). Barra minn hekk, ġie wkoll stabbilit b’mod ċar li jitqiesu bħala restrizzjonijiet ipprojbiti mhux biss dawk li jistgħu jostakolaw lill-persuni mhux residenti milli jagħmlu investiment fi Stat Membru, iżda wkoll dawk li jistgħu jostakolaw lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu investimenti fi Stati oħrajn ( 21 ). |
61. |
Peress li, kif jingħad b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju, is-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet mhumiex daqstant magħrufa fir-Renju Unit, iżda huma ferm mifruxa fl-Ewropa kontinentali, u f’ċerti każijiet għandhom litteralment monopolju fir-rigward tal-iskambji tal-Borża, ma hemmx dubji rigward il-fatt li l-leġiżlazzjoni Britannika inkwistjoni tista’ tostakola l-moviment liberu tal-kapital. |
2. Fuq il-possibbiltà li r-restrizzjoni tkun iġġustifikata
62. |
Wara li ġie kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt il-projbizzjoni li jsiru ostakli għall-moviment liberu tal-kapital, skont l-Artikolu 56 KE, għandu jiġi kkonstatat jekk dawn madankollu jistgħux ikunu ġġustifikati, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 58 KE. F’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, biex dispożizzjoni nazzjonali tkun iġġustifikata, din għandha tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandiex tmur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 22 ). |
63. |
Madankollu, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli bħala bażi tar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Britannika, ma tantx kienet diskussa f’din il-kawża. Fil-fatt, jekk neskludu l-affermazzjoni tar-Renju Unit li s-SDRT ta’ 1.5% hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi ggarantit monitoraġġ effettiv fis-settur tat-taxxa, mill-bqija l-partijiet ikkonċentraw l-argumenti tagħhom essenzjalment fuq il-karatteristiċi tal-għażla li servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jista’ jagħmel skont l-Artikolu 97A tal-Finance Act 1986. |
64. |
Madankollu għandu jiġi osservat li, fiha nnifisha, l-eżistenza tal-għażla ma għandhiex x’taqsam mal-possibbiltà li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Minn perspettiva loġika, fil-fatt, dak li għandna nistaqsu, fir-rigward tal-għażla, huwa jekk l-eżistenza tagħha, f’każ li s-sistema tal-għażla tkun konformi mad-dritt Komunitarju, tistax tinnewtralizza l-illegalità eventwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 56 KE: f’kull każ, madankollu, il-kwistjoni għandha tinżamm separata minn dik tal-ġustifikazzjonijiet possibbli tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapitali. Biħsiebni niddiskuti l-għażla pprovduta mill-Artikolu 97A fl-aħħar parti ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
65. |
Ir-Renju Unit isostni għaldaqsatant li l-iskema fiskali differenzjata pprovduta fil-każ li ċerti azzjonijiet jiġu introdotti f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jkun iggarantit monitoraġġ effettiv fis-settur fiskali. |
66. |
Fil-fehma tiegħi, din il-ġustifikazzjoni ma tistax tintlaqa’. Minn naħa, fil-fatt, ir-Renju Unit ma jindikax għal liema raġunijiet miżura daqstant drastika hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-ħlas effettiv tad-dazji dovuti, u għal liema raġunijiet l-ebda mekkaniżmu ieħor li jkun inqas oneruż ma jista’ jilħaq l-istess għanijiet. |
67. |
Madankollu, min-naħa l-oħra, indipendentement mid-disponibbiltà jew le ta’ sistemi inqas restrittivi biex jiġi ggarantit il-ħlas tad-dazji, jidhirli li hawnhekk jistgħu jsiru mill-ġdid l-istess osservazzjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, fl-ambitu tal-eżami tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 69/335, fir-rigward tal-fatt li s-SDRT ta’ 1.5% ma tistax minnha nnfisha titqies bħala ħlas bil-quddiem tad-dazju dovut fuq it-trasferimenti futuri ta’ proprjetà tat-titoli. Dan b’mod partikolari għaliex din hija taxxa li għandha titħallas minn persuna differenti minn dawk li għandhom iħallsu d-dazju “normali” fuq it-trasferimenti; iżda hawnhekk nerġgħu nsibu l-aspetti problematiċi l-oħrajn li semmejt iktar ’il fuq ( 23 ). Fi kliem ieħor, il-ħtieġa li jiġi ggarantit monitoraġġ fiskali ma jiġġustifikax il-fatt li t-taxxa għandha titħallas minn persuna differenti minn dik li normalment għandha tħallasha. |
68. |
B’hekk, inqis li s-SDRT ta’ 1.5% tmur kontra l-Artikolu 56 KE wkoll. |
3. Id-dritt tal-għażla jeskludi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni?
69. |
L-aħħar mistoqsija li rridu nagħmlu, f’dan il-punt, hija jekk l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ għażla, skont l-Artikolu 97A tal-Finance Act, tippermettix li jiġi “innewtralizzat” il-kunflitt bejn il-mekkaniżmu tas-SDRT ta’ 1.5%, minn naħa, u d-Direttiva 69/335 u t-Trattat, min-naħa l-oħra. Fi kliem ieħor, u b’mod iktar ġenerali, irridu nistaqsu jekk, meta jkollna leġiżlazzjoni kunfliġġenti mad-dritt Komunitarju, il-possibbiltà li ssir għażla li tagħmel applikabbli leġiżlazzjoni differenti, li nippreżumu li tkun konformi mad-dritt Komunitarju, teskludix b’mod ġenerali l-eżistenza ta’ illegalità. |
70. |
Il-partijiet iddedikaw parti kbira mill-osservazzjonijiet tagħhom, kemm bil-miktub kif ukoll orali, lid-diskussjoni dwar il-possibbiltà tal-għażla. B’mod partikolari, kemm l-HSBC kif ukoll il-Kummissjoni jemmnu li l-kundizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni Britannika biex issir l-għażla huma wisq u inutilment onerużi u konsegwentement huma sproporzjonati. Min-naħa tiegħu, ir-Renju Unit qed isostni li dawn il-kundizzjonijiet jikkorrispondu għal dawk mitluba mill-persuni li normalment jieħdu ħsieb it-trasferiment tal-azzjonijiet fis-suq Britanniku, u li huma indispensabbli sabiex jiġi ggarantit ġbir korrett tas-SDRT ta’ 0.5% fuq kull trasferiment ta’ titoli. |
71. |
Madankollu, inqis li l-eżami dettaljat tar-rekwiżiti imposti biex issir l-għażla u tal-proporzjonalità tagħhom fil-verità hawnhekk mhuwiex meħtieġ. Fil-fatt għandu jiġi osservat li l-mekkaniżmu tal-għażla, jiġifieri dak li ipotetikament josserva iktar id-dritt Komunitarju, huwa appuntu, “għażla”. Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tagħha tirrikjedi intervent attiv u, fin-nuqqas ta’ dan, tiġi applikata leġiżlazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Fuq kollox, kif diġà osservajt iktar ’il fuq, id-dritt li ssir għażla huwa rikonoxxut mhux lill-persuna li jista’ jkollha l-iktar interess li tagħmilha, jiġifieri lil min qed jittrasferixxi l-azzjonijiet, iżda lis-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet li, fil-prattika, xorta ma jħallsux s-SDRT. Fost l-oħrajn, hemm każijiet, bħal dan, fejn servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, igawdi minn sitwazzjoni ta’ monopolju legali: b’tali mod li, fl-aħħar mill-aħħar, dan is-servizz tassew ma jkollu l-ebda inċentiv biex jagħmel għażla. |
72. |
Is-sitwazzjoni tkun differenti li kieku l-mekkaniżmu li jippermetti l-ħlas tas-SDRT ta’ 0.5% anki fil-każ ta’ azzjonijiet introdotti f’servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, minflok ma jkun is-suġġett ta’ għażla jkun is-sistema li normalment tiġi applikata. F’dan il-każ, fil-fatt, ikun meħtieġ sempliċement li nistaqsu jekk ir-rekwiżiti imposti mill-aspett tekniku fuq is-servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet humiex suffiċjenti u proporzjonati: jekk dawn ir-rekwiżiti ma jkunux sproporzjonati, is-sistema tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. |
73. |
F’dan il-każ però, minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, naħseb li jkun żejjed eżami dettaljat tar-rekwiżiti biex issir l-għażla. |
IV — Konklużjoni
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Special Commissioners: L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, jipprekludi li leġiżlazzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet fuq servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet jagħti lok, għal dazju ta’ darba (one-shot) ta’ 1.5% minflok id-dazju fuq it-trasferimenti ta’ 0.5% li jiġi applikat normalment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Taljan.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11).
( 3 ) IV/COM(64) 526 finali.
( 4 ) CREST, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa s-servizz li jieħu ħsieb l-iskambji tal-azzjonijiet fir-Renju Unit. Dan mhuwiex servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (“clearance service”), iżda sistema ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet (“settlement system”), fejn il-proprjetà tal-azzjonijiet tkun viżibbli anke esternament, b’mod partikolari peress li tkun imniżżla fir-reġistri tal-kumpannija. Min-naħa l-oħra, fis-servizzi ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet, il-proprjetà tal-azzjonijiet tidher biss fir-reġistri interni tas-servizzi.
( 5 ) Huwa magħruf li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, b’mod partikolari l-verżjoni Ġermaniża u dik Daniża, l-Artikolu 12 jillimita l-eċċezzjoni għat-tranżazzjonijiet tal-Borża biss, u mhux b’mod ġenerali għat-tranżazzjonijiet kollha ta’ trasferiment ta’ titoli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li jeħtieġ li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 12, li tkun konformi mal-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi, biex b’hekk irrikonoxxiet l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni għad-dazji kollha li jikkonċernaw it-trasferiment tat-titoli. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Codan (C-236/97, Ġabra p. I-8679, punti 22 sa 30). Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11), li hi ġdida u mill-1 ta’ Jannar 2009 issostitwiet id-Direttiva 69/335, tidher li solviet definittivament il-kwistjoni (ara l-Artikolu 6 tagħha).
( 6 ) Huwa minnu li l-fatt li f’ċerti każijiet din it-tassazzjoni tista’ tkun iktar favorevoli għall-persuni taxxabbli potenzjalment ikkonċernati huwa għal kollox irrilevanti: ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 27); u tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta (C-383/05, Ġabra p. I-2555, punt 31).
( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-426/98, Ġabra p. I-2793, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-30 ta’ Marzu 2006, Aro Tubi Trafilerie (C-46/04, Ġabra p. I-3009, punt 26).
( 8 ) Kawża C-415/02 (Ġabra p. I-7215).
( 9 ) Ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2004 (ara, b’mod partikolari, il-punti 39-41).
( 10 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 37).
( 11 ) Sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Dansk Sparinvest (36/86, Ġabra p. 409, punt 9); u tal-20 ta’ April 1993, Ponente Carni u Cispadana Costruzioni (C-71/91 u C-178/91, Ġabra p. I-1915, punt 24).
( 12 ) L-HSBC insistiet ħafna fuq dan l-aspett, għalkemm ma jidhirlix li l-argumenti tagħha huma determinanti. Għal diskussjoni tal-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukati Ġenerali Geelhoed fis-16 ta’ Ġunju 2005 (punti 26 sa 30) u Trstenjak fit-8 ta’ Marzu 2007 (punti 54 sa 58) fil-kawża Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft, li kienet deċiża b’sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007 (C-466/03, Ġabra p. I-5357). Il-punt 58 ta’ din is-sentenza fil-fatt jista’ jintuża bħala argument għal interpretazzjoni tal-Artikolu 12 bħala restrizzjoni u mhux bħala deroga. Din l-interpretazzjoni tista’ tissaħħaħ ukoll jekk wieħed josserva li, fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/7 l-ġdida, f’bosta verżjonijiet lingwistiċi, anki jekk mhux f’dik Taljana, għebet l-affermazzjoni espliċita ta’ “deroga”. Madankollu huwa minnu, pereżempju, li fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Organon Portuguesa (C-193/04, Ġabra p. I-7271, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-idea tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335 bħala deroga mill-Artikoli 10 u 11.
( 13 ) Ara s-sentenza Organon Portuguesa, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12. Ara, b’mod partikolari, il-punti 18-20 tas-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li bħala prinċipju, ir-remunerazzjonijiet notarili pprovduti għal trasferiment ta’ azzjonijiet (li ma jkunux għadhom kemm inħarġu) huma koperti mill-projbizzjoni tal-Artikolu 11. B’mod speċifiku, il-punt 19 huwa msejjes fuq l-idea li kwalunkwe trasferiment ta’ azzjonijiet, b’mod ġenerali, jaqa’ taħt l-Artikolu 11. Ara wkoll, b’mod analogu, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Fuerzas Eléctricas de Catalunya (C-31/97 u C-32/97, Ġabra p. I-6491, punti 17 sa 18), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tassazzjoni fuq ir-rimbors ta’ self hija pprojbita mill-Artikolu 11(b) tad-direttiva.
( 14 ) Kif osservajt iktar ’il fuq, din l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Britannika mad-dritt Komunitarju primarju hija bbażata fuq il-premessa tal-kompatibbiltà tagħha mad-Direttiva 69/335: dan minkejja li, kif diġà għidt, jiena ma naqbilx ma’ dal-punt ta’ tluq.
( 15 ) Lanqas ma għandu jintesa li l-Artikolu 50 KE, meta jiddefinixxi s-servizzi, jillimita l-kategorija għall-attivitajiet li ma jkunux diġà “regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni”.
( 16 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 22).
( 17 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C-298/05, Ġabra p. I-10451, punti 29 sa 30).
( 18 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731, punt 56); u Konle (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 55).
( 19 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10 1, p. 5). Fir-rigward tal-użu ta’ din id-direttiva min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21); u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 37).
( 20 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden (C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4821, punt 23); tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 18); u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 49). Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37).
( 23 ) Ara, iktar ’il fuq, punti 32 sa 41.